Kawża C‑594/16

Enzo Buccioni

vs

Banca d’Italia

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2013/36/UE – Artikolu 53(1) – Obbligu ta’ sigriet professjonali tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Istituzzjoni ta’ kreditu li l-istralċ obbligatorju tagħha ġie ordnat – Żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili jew kummerċjali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat‑13 ta’ Settembru 2018

  1. Politika ekonomika u monetarja–Politika ekonomika–Sorveljanza tas-settur finanzjarju tal-Unjoni–Mekkaniżmu superviżorju uniku–Sorveljanza prudenzjali ta’ stabbilimenti ta’ kreditu–Skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti–Obbligu ta’ sigriet professjonali–Suġġett

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/36, Artikolu 53(1))

  2. Politika ekonomika u monetarja–Politika ekonomika–Sorveljanza tas-settur finanzjarju tal-Unjoni–Mekkaniżmu superviżorju uniku–Sorveljanza prudenzjali ta’ stabbilimenti ta’ kreditu–Skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti–Obbligu ta’ sigriet professjonali–Portata–Żvelar ta’ informazzjoni lil terz li jixtieq jibda proċeduri ċivili jew kummerċjali għall-protezzjoni ta’ interessi patrimonjali leżi wara li tqiegħdet fi stralċ obbligatorju istituzzjoni ta’ kreditu–Assenza ta’ ksur–Kundizzjonijiet

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/36, Artikolu 53(1))

  1.  Il-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ sorveljanza prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-leġiżlatur tal-Unjoni istitwixxa meta adotta d-Direttiva 2013/36, ibbażata fuq sorveljanza eżerċitata fi ħdan Stat Membru u fuq l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ diversi Stati Membri, hekk kif deskritt fil-qosor fil-punti preċedenti, jeħtieġ li kemm l-istituzzjonijiet ta’ krediti ssorveljati kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu ċerti li l-informazzjoni kunfidenzjali pprovduta żżomm bħala regola n-natura kunfidenzjali tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 31). Fil-fatt, l-assenza ta’ tali fiduċja hija ta’ natura li tikkomprometti t-trasferiment mingħajr problemi tal-informazzjoni kunfidenzjali neċessarja għall-eżerċizzju tal-attività ta’ sorveljanza prudenzjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 32). Huwa għalhekk sabiex jiġu protetti mhux biss l-interessi speċifiċi tal-impriżi direttament ikkonċernati, iżda wkoll l-interess ġenerali marbut, b’mod partikolari, mal-istabbiliment tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni, li l-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 jimponi, bħala regola ġenerali, obbligu tas-sigriet professjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 33). Fl-aħħar nett, il-każijiet speċifiċi li fihom il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti, stabbilit fl-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 ma huwiex, eċċezzjonalment, ta’ ostakolu għat-trasferiment jew użu tagħha huma stipulati b’mod eżawrjenti f’din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 38).

    (ara l-punti 27-30)

  2.  L-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali lil persuna li tagħmel it-talba sabiex tkun tista’ tressaq proċedura ċivili jew kummerċjali intiżi għall-protezzjoni ta’ interessi patrimonjali li kienu leżi wara li tqiegħdet fi stralċ obbligatorju istituzzjoni ta’ kreditu. Madankollu, it-talba ta’ żvelar għandha tirrigwarda l-informazzjoni li dwarha l-applikant iressaq indizji preċiżi u konkordanti li jindikaw b’mod plawżibbli li dawn huma rilevanti għall-ħtiġijiet ta’ proċedura ċivili jew kummerċjali, li s-suġġett tagħha għandha tiġi konkretament identifikata mill-applikant u barra minnha l-informazzjoni inkwistjoni ma tistax tintuża. Huwa f’idejn l-awtoritajiet u l-qrati kompetenti li jibbilanċjaw l-interess tal-applikant li jkollu aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni u l-interessi marbuta mal-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni koperta mill-obbligu tas-sigriet professjonali, qabel ma jagħmel l-iżvelar ta’ kull waħda mill-informazzjoni kunfidenzjali mitluba.

    (ara l-punt 40 u d-dispożittiv)