Kawża C‑574/16

Grupo Norte Facility SA

vs

Angel Manuel Moreira Gómez

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet ta’ impjieg’ – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ – Kumpens fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba raġuni oġġettiva – Kumpens inqas imħallas mal-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat fil-forma ta’ kuntratt ta’ ‘sostituzzjoni’”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Ġunju 2018

  1. Politika soċjali – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Direttiva 1999/70 – Kundizzjonijiet ta’ impjieg – Kunċett – Kumpens imħallas lil ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt tiegħu – Inklużjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, il-punt 1 tal-klawżola 4)

  2. Politika soċjali – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Direttiva 1999/70 – Raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw differenza fit-trattament – Kunċett – Kumpens fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba raġuni oġġettiva – Kumpens inqas imħallas mal-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat fil-forma ta’ kuntratt ta’ “sostituzzjoni” – Ammissibbiltà

    (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, il-punt 1 tal-klawżola 3 u l-punt 1 tal-klawżola 4)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 41 sa 45)

  2.  Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kumpens mogħti lill-ħaddiema impjegati fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi sabiex jiġi kopert il-ħin ta’ xogħol illiberat minn ħaddiem li jirtira parzjalment, bħalma huwa l-kuntratt ta’ sostituzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-iskadenza tal-perijodu li għalih dawn il-kuntratti kienu ġew konklużi, huwa inqas mill-kumpens mogħti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat meta l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom jiġi xolt minħabba raġuni oġġettiva.

    Fil-fatt, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt għal żmien determinat” li tinsab fil-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas jirriżulta li kuntratt ta’ dan it-tip ma jibqax ikollu effetti fil-futur malli jintlaħaq it-tmiem li jkun assenjat lil dan il-kuntratt, liema tmiem jista’ jkun ikkostitwit mit-tlestija ta’ kompitu determinat, mill-fatt li jseħħ avveniment partikolari jew, bħal f’dan il-każ, mill-fatt li tintlaħaq data preċiża. B’hekk, il-partijiet f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jafu, sa mill-konklużjoni tiegħu, id-data jew l-avveniment li jiddeterminaw it-tmiem tiegħu. Dan it-tmiem jillimita t-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-partijiet jesprimu r-rieda tagħhom f’dan ir-rigward wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt.

    Mill-banda l-oħra, ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, fuq inizjattiva tal-persuna li timpjega, jirriżulta mill-materjalizzazzjoni ta’ ċirkustanzi li ma kinux previsti fid-data tal-konklużjoni tiegħu u li jfixklu kompletament l-iżvolġiment normali tar-relazzjoni ta’ xogħol. Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Spanjol imfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza u kif enfasizzat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa preċiżament sabiex tiġi kkumpensata din in-natura imprevista tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba tali raġuni u, għaldaqstant, il-ksur tal-aspettattivi leġittimi li l-ħaddiem seta’ kellu f’dik id-data fir-rigward tal-istabbiltà tal-imsemmija relazzjoni, li l-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema jeħtieġ f’dan il-każ il-ħlas lill-imsemmi ħaddiem imkeċċi ta’ kumpens ekwivalenti għal għoxrin jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità.

    F’dan il-każ tal-aħħar, id-dritt Spanjol ma jagħmel ebda differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli, sa fejn l-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi kumpens legali ekwivalenti għal għoxrin jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità fl-impriża favur il-ħaddiem, irrispettivament minn jekk il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu kienx għal żmien determinat jew indeterminat.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu għalhekk jitqies li l-għan distint tal-kumpens previst rispettivament fl-Artikolu 49(1)(c) u fl-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema, li l-ħlas tiegħu jsir f’kuntesti fundamentalment differenti, jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika d-differenza fit-trattament inkwistjoni.

    (ara l-punti 57 sa 61, u d-dispożittiv)