SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

19 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxi indiretti – Ġbir tal-kapital – Impożizzjoni ta’ dazju ta’ 1.5 % fuq it-trasferiment, lil servizz ta’ clearance ta’ tranżazzjonijiet clearance service), ta’ azzjonijiet ġodda jew azzjonijiet intiżi għall-iskrizzjoni fil-lista tal-Borża ta’ Stat Membru”

Fil-Kawża C‑573/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division [qorti għolja tal-ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), diviżjoni taċ-Chancery, ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Novembru 2016, fil-proċedura

Air Berlin plc

vs

Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Air Berlin plc, minn S. Grodzinski, QC, u M. Jones, barrister, minn M. Whitehouse kif ukoll minn D. Pickstone u M. Greene, solicitors,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn D. Robertson, bħala aġent, assistit minn R. Baldry, QC, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11), tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU 2008, L 46, p. 11), kif ukoll tal-Artikoli 12, 43, 48, 49 jew 56 tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 18, 49, 54, 56 u 63 TFUE).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Air Berlin plc u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs (amministrazzjoni fiskali u doganali tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem l-“HMRC”), dwar l-intaxxar, b’applikazzjoni tal-Artikolu 70 tal-Finance Act 1986 (liġi finanzjarja tal-1986, iktar ’il quddiem l-“FA 1986”, ta’ ċerti transferimenti ta’azzjonijiet li twettqu matul is-snin 2006 u 2009.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 69/335

3

Skont l-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva 69/335 għandha bħala għan li tippromwovi l-moviment liberu tal-kapital sabiex tinħoloq unjoni ekonomika li jkollha karatteristiċi simili għal dawk ta’ suq intern. Għal dan il-għan, kif jirriżulta mis-sitt, sat-tmien premessi tagħha, din id-direttiva tfittex li tarmonizza d-dazju li għalih huma suġġetti l-kontribuzzjonijiet lil kumpanniji fil-Komunità Ewropea, billi jiġi stabbilit dazju wieħed fuq il-ġbir tal-kapital li jista’ jiġi applikat darba waħda biss fis-suq komuni u billi jitneħħew it-taxxi indiretti kollha l-oħra li għandhom l-istess karatteristiċi bħal dan id-dazju fuq il-kapital uniku.

4

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 69/335 jelenka t-tranżazzjonijiet li jistgħu jkunu suġġetti għal dazju fuq il-kapital. Dawn it-tranżazzjonijiet jinkludu b’mod partikolari l-kostituzzjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju u ż-żieda fil-kapital azzjonarju tagħha.

5

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 69/335 jipprevedi t-tneħħija ta’ taxxi li għandhom l-istess karatteristiċi bħad-dazju fuq il-kapital minn fuq it-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva.

6

Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 69/335:

“L-Istati Membri m’għandhom ikunu soġġetti [jissuġġettaw] għal ebda forma ta’ tassazzjoni:

(a)

il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għall-kwotazzjoni fil-Borża, li jagħmlu disponibbli fis-suq jew li jittrattaw fi stocks, ishma jew sigurtajiet [titoli] oħrajn ta’ l-istess tip, jew taċ-ċertifikati li jirrapreżentaw dawn is-sigurtajiet, maħruġa minn min ikun;

(b)

self, inklużi bonds tal-gvern, miġbura bil-ħruġ ta’ debentures jew titoli negozzjabbli oħrajn, maħruġa minn min ikun, jew xi formalitajiet li jirrelataw għalihom, jew il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għal kwotazzjoni fil-Borża, li jsiru disponibbli fis-suq jew l-ittrattar f’dawn id-debentures jew titoli negozjabbli oħrajn.”

7

Madankollu, skont l-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 10 u 11 tagħha, jiġbru “dazji fuq it-trasferiment ta’ titoli, kemm jekk imposti b’rata uniformi u kemm jekk le”.

Id-Direttiva 2008/7

8

Id-Direttiva 2008/7 hija riformulazzjoni tad-Direttiva 69/335, li tirriproduċi essenzjalment it-termini tagħha. Madankollu, kif jirriżulta mill-premessi 4 sa 6 tagħha, hija intiża tneħħi gradwalment id-dazju fuq il-kapital.

9

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jirrigwarda operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni.

10

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Transazzjonijiet mhux suġġetti għal taxxa indiretta”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw lill-kumpaniji ta’ kapital għal kwalunkwe forma ta’ taxxa indiretta fir-rigward ta’ dan li ġej:

(a)

kontributi ta’ kapital;

(b)

self, jew il-provvista ta’ servizzi, li jsiru bħala parti mill-kontributi ta’ kapital;

[…]

2.   L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw lil dawn li ġejjin għal kwalunkwe forma ta’ taxxa indiretta:

(a)

il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għall-kwotazzjoni fil-borża, it-tqegħid fis-suq jew in-negozju ta’ stocks, ishma jew titoli oħrajn ta’ l-istess tip, jew taċ-ċertifikati li jirrappreżentaw dawn it-titoli, irrispettivament minn min ikunu maħruġa;

[…]”

11

Madankollu, skont l-Artikolu 6(1)(a) ta’ din l-istess direttiva, l-Istati Membri jistgħu, minkejja l-Artikolu 5, jiġbru “dazji fuq it-trasferiment ta’ titoli, kemm jekk imposti b’rata fissa kif ukoll jekk le”.

Id-dritt tar-Renju Unit

12

Ir-Renju Unit ma jiġborx dazju fuq il-kapital. Għall-kuntrarju, huwa jiġbor taxxa tal-boll fuq ċerti atti li jikkonstataw it-trasferiment ta’ azzjonijiet. Fil-każ ta’ bejgħ ikkonstatat minn att bil-miktub, it-taxxa tal-boll huwa ta’ 0.5 % tal-ammont jew tal-valur tal-korrispettiv taċ-ċessjoni, b’applikazzjoni tal-paragrafu 1, tal-Anness 13 tal-Finance Act 1999. Meta t-trasferiment ta’ azzjonijiet ma jirriżultax minn bejgħ, it-taxxa tal-boll huwa ta’ GBP 5 (madwar EUR 7), b’applikazzjoni tal-paragrafu 16 tal-Anness 13 tal-Finance Act 1999. Din it-taxxa tal-boll ta’ GBP 5 tħassret fl-2008.

13

Meta t-trasferiment ma huwiex ikkonstatat minn att bil-miktub, pereżempju fil-każ ta’ trasferimenti elettroniċi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 87 tal-FA 1986, tinġabar taxxa tal-boll addizzjonali (Stamp Duty Reserve TaTx, iktar ’il quddiem l-“SDRT”) li tammonta għal 0.5 % tal-ammont jew tal-valur tal-korrispettiv tat-trasferiment.

14

Minħabba d-diffikultà li tinġabar it-taxxa fuq kull trasferiment ta’ proprjetà fis-sistemi tal-clearance, dispożizzjonijiet speċifiċi huma applikabbli. Il-leġiżlazzjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 70 jew l-Artikolu 96 tal-FA 1986, jipprevedi l-pagament tat-taxxa tal-boll jew tal-SDRT b’rata ta’ 1.5 % mal-ammissjoni inizjali tal-valuri fis-sistema tal-clearance, peress li t-trasferimenti ulterjuri fi ħdan din is-sistema huma eżentati minn taxxa tal-boll. Madankollu, bl-approvazzjoni tal-HMRC, servizz ta’ clearance jista’ jagħżel sistema alternattiva, imsemmija fl-Artikolu 97A tal-FA 1986, li tipprevedi l-assenza ta’ ġbir tat-taxxa tal-boll ta’ 1.5 % mal-introduzzjoni tal-azzjonijiet fis-sistema ta’ clearance, iżda, ma’ kull trasferiment tal-azzjonijiet fi ħdan dan is-servizz, il-ġbir tal-SDRT bir-rata ta’ 0.5 % tal-ammont tal-korrispettiv tat-trasferiment.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Air Berlin hija kumpannija tal-ajru kummerċjali kkostitwita fir-Renju Unit. Fil-11 ta’ Mejju 2006, hija nediet operazzjoni għal introduzzjoni fil-Borża (offerta pubblika inizjali) fil-Borża ta’ Frankfurt.

16

Skont id-dritt Ġermaniż, għall-iskrizzjoni fil-lista fil-Borża ta’ Frankfurt, Air Berlin kellha twettaq l-iskrizzjoni fil-lista tal-azzjonijiet kollha tal-istess kategorija, inklużi dawk li ma kinux intiżi għall-bejgħ mal-introduzzjoni fil-Borża. Sabiex tissodisfa dan ir-rekwiżit, il-kumpannija tal-ajru kellha twettaq trasferiment tal-proprjetà legali tal-azzjonijiet ordinarji eżistenti, li jirrappreżentaw il-kapital azzjonarju kollu tagħha, lil Clearstream Banking AG (iktar ’il quddiem “Clearstream Frankfurt”), bħala aġent tas-servizz ta’ saldu u ta’ clearing tal-Borża ta’ Frankfurt.

17

Il-40 177604 azzjoni ordinarja eżistenti miżmuma mill-azzjonisti eżistenti, u li Air Berlin ittrasferiet il-proprjetà legali tagħhom lil Clearstream Frankfurt, kienu jinkludu:

2177604 azzjoni ordinarja miżmuma mill-persuni impjegati (li ma setgħux jinbiegħu), u

38000000 azzjoni ordinarja (li setgħu jinbiegħu mingħajr restrizzjoni), li 20608696 minnhom kienu miżmuma mill-azzjonisti eżistenti u 17391304 ġew offruti lill-pubbliku fil-kuntest tal-introduzzjoni fil-Borża.

18

B’applikazzjoni tal-Artikolu 70 tal-FA 1986, dawn it-trasferimenti tal-azzjonijiet lil Clearstream Frankfurt ġew intaxxati bit-taxxa tal-boll prevista fir-Renju Unit fl-ammont ta’ GBP 4971410 (madwar EUR 7282100), jiġifieri 1.5 % tal-valur tas-suq tal-azzjonijiet fil-mument tat-trasferiment.

19

L-offerta pubblika inizjali tat lok għall-ħruġ ta’ 19565217 azzjoni ġdida, mhux inklużi fil-40 177604 azzjoni ttrasferiti u li fuq il-valur tagħhom, skont l-osservazzjonijiet tar-Renju Unit, l-ebda taxxa tal-boll ma nġabret.

20

Fl-10 ta’ Ġunju 2009, Air Berlin ħarġet 4500000 azzjoni ordinarja addizzjonali ta’ valur ta’ EUR 3.50 kull waħda (jiġifieri total ta’ EUR 15.75 miljun), favur tliet azzjonisti differenti. It-trasferiment tal-proprjetà legali ta’ dawn l-azzjonijiet lil Clearstream Frankfurt, meħtieġ għall-iskrizzjoni tagħhom fil-Borża ta’ Frankfurt, twettaq fis-7 ta’ Ottubru 2009 u rriżulta fil-ġbir ta’ taxxa tal-boll ta’ GBP 241010 (madwar EUR 260580), jiġifieri 1.5 % tal-valur tas-suq tal-azzjonijiet fil-mument tat-trasferiment.

21

Bħala regola ġenerali, l-approvazzjoni tal-HMRC għall-għażla msemmija fl-Artikolu 97A tal-FA 1986 hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-operatur tas-servizz ta’ clearance jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxi lill-HMRC kemm il-ġbir tal-SDRT bir-rata ta’ 0.5 % fuq kull wieħed mit-trasferimenti mwettqa ulterjorment fi ħdan dan is-servizz, kif ukoll l-osservanza tal-obbligi rilevanti l-oħra li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-SDRT.

22

Għalkemm, skont id-dritt tar-Renju Unit, Clearstream Frankfurt kellha l-possibbiltà tagħżel is-sistema tal-Artikolu 97A tal-FA 1986 fir-rigward taż-żewġ trasferimenti ta’ azzjonijiet tal-2006 u tal-2009, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din ma għamlitx din l-għażla. Barra minn hekk, Air Berlin ma setgħetx tobbliga lil Clearstream Frankfurt tagħmel dan.

23

Il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ma tagħtix definizzjoni tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tal-boll. Madankollu, jekk trasferiment ta’ azzjonijiet ma jagħtix lok għall-pagament tat-taxxa tal-boll, il-benefiċjarju tat-trasferiment ma jistax jiġi rreġistrat bħala l-proprjetarju legali tal-azzjonijiet u ma jistax jibbaża ruħu fuq it-trasferiment bħala prova fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji. Dan il-benefiċjarju għandu jiżgura għalhekk, bħala regola ġenerali, li t-taxxa tal-boll tkun tħallset. Madankollu, fil-kuntest ta’ servizz ta’ clearance, il-prattika kummerċjali normali teżiġi li hija l-kumpannija li l-azzjonijiet tagħha jkunu ġew iddepożitati mas-servizz ta’ clearance li għandha tħallas it-taxxa tal-boll. Għalhekk hija Air Berlin li ħallset it-taxxa tal-boll fiż-żewġ trasferimenti ta’ azzjonijiet tal-2006 u tal-2009.

24

Fit-23 ta’ Marzu 2010, Air Berlin talbet lill-HMRC il-ħlas lura tat-taxxa tal-boll li kien ġiet applikata għal dawn it-trasferimenti. Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Settembru 2011, l-HMRC ċaħdet din it-talba.

25

Adita b’rikors kontra din id-deċiżjoni, il-High Court of Justice (England & Wales),Chancery Division [qorti għolja tal-ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), diviżjoni taċ-Chancery, ir-Renju Unit], iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-ġbir minn Stat Membru ta’ taxxa tal-boll ta’ 1.5 % fuq it-trasferiment, kif indikat fir-rinviju, fiċ-ċirkustanzi indikati fir-rinviju, imur kontra wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin:

a)

l-Artikolu 10 jew l-Artikolu 11 [tad-Direttiva 69/335];

b)

l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 5 [tad-Direttiva 2008/7]; jew

c)

l-Artikoli 12, 43, 48, 49 jew 56 tat-Trattat KE?

2)

Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti f’ċirkustanzi fejn it-trasferiment ta’ azzjonijiet lil servizz ta’ clearance kien meħtieġ sabiex tiġi ffaċilitata l-iskrizzjoni tal-kumpannija inkwistjoni fil-lista tal-Borża f’dak l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor?

3)

Ir-risposti għall-ewwel jew għat-tieni domanda tkun differenti f’ċirkustanzi fejn il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tippermetti li operatur ta’ servizz ta’ clearance, meta jirċievi l-approvazzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa, jagħżel li ma titħallas ebda taxxa tal-boll fuq it-trasferiment ta’ azzjonijiet lis-servizz ta’ clearance iżda li minflok titħallas is-SDRT fuq kull bejgħ sussegwenti ta’ azzjonijiet fi ħdan is-servizz ta’ clearance (bir-rata ta’ 0.5 % fuq il-prezz tal-bejgħ)?

4)

Ir-risposta għat-tielet domanda tkun differenti f’ċirkustanzi fejn l-istruttura tat-tranżazzjonijiet magħżula mill-kumpannija inkwistjoni tfisser li l-benefiċċju tal-għażla ma jistax jintuża?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

26

L-ewwel u t-tieni domanda għandhom jiġu eżaminati flimkien. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 10 jew 11 tad-Direttiva 69/335, l-Artikoli 4 jew 5 tad-Direttiva 2008/7 kif ukoll l-Artikoli 12, 43, 48, 49 jew 56 KE (li saru l-Artikoli 18, 49, 54, 56 jew 63 TFUE), għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-ġbir, minn Stat Membru, ta’ taxxa tal-boll ta’ 1.5 % fuq trasferiment ta’ azzjonijiet lil servizz ta’ clearance. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkunx differenti fejn it-trasferiment ta’ azzjonijiet lis-servizz ta’ clearance kien meħtieġ sabiex tippermetti l-iskrizzjoni tal-kumpannija kkonċernata fil-lista ta’ Borża f’dan l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor.

27

Qabel kollox, għandu jitfakkar li d-Direttiva 69/335 kif ukoll id-Direttiva 2008/7 li ħassritha u ssostitwixxietha wettqu armonizzazzjoni eżawrjenti tal-każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw il-ġbir ta’ kapital għal taxxi indiretti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑178/05, EU:C:2007:317, punt 31, kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2009, HSBC Holdings u Vidacos Nominees, C‑569/07, EU:C:2009:594, punt 25).

28

Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, meta domanda tkun is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni, il-miżuri nazzjonali relatati magħha għandhom ikunu evalwati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux ta’ dawk tat-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, HSBC Holdings u Vidacos Nominees, C‑569/07, EU:C:2009:594, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

Konsegwentement, sabiex tirrispondi għall-ewwel u għat-tieni domandi preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għall-interpretazzjoni tad-Direttivi 69/335 u 2008/7.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/7 jirrigwarda operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni u ma jidhirx rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Għalhekk għandhom jiġu interpretati l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 69/335 kif ukoll l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/7, li jipprojbixxu, b’mod partikolari, kull forma ta’ tassazzjoni indiretta fuq il-kontributi ta’ kapital kif ukoll fuq il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għall-kwotazzjoni fil-Borża, it-tqegħid fis-suq jew in-negozju ta’ stocks, azzjonijiet jew titoli oħrajn tal-istess tip.

31

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li, fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-imsemmija direttivi, l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 69/335 kif ukoll l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/7 għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’, sabiex jiġi evitat li l-projbizzjonijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet ikunu mċaħħda minn effett utli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑415/02, EU:C:2004:450, punt 33; tat-28 ta’ Ġunju 2007, Albert Reiss Beteiligungsgesellschaft, C‑466/03, EU:C:2007:385, punt 39, kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2009, HSBC Holdings u Vidacos Nominees, C‑569/07, EU:C:2009:594, punt 34).

32

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li, skont l-għanijiet tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 69/335 u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/7, il-projbizzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet ta’ ġbir ta’ kapital tapplika wkoll għat-tranżazzjonijiet mhux espliċitament imsemmija minn din il-projbizzjoni, peress li tali taxxa twassal biex tiġi intaxxata tranżazzjoni li tifforma parti integrali minn operazzjoni globali fir-rigward tal-ġbir tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, Gielen, C‑299/13, EU:C:2014:2266, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fil-kawża prinċipali, l-avvenimenti li jwasslu għall-SDRT jirrisjedu fit-twettiq ta’ żewġ tranżazzjonijiet distinti. L-ewwel waħda hija t-trasferiment, matul is-sena 2006, minn Air Berlin lil Clearstream Frankfurt, tal-proprjetà legali ta’ 40177604 azzjoni ordinarja eżistenti miżmuma mill-azzjonisti eżistenti. It-tieni waħda tikkonsisti fil-ħruġ, matul is-sena 2009, ta’ 4500000 azzjoni ordinarja addizzjonali favur tliet azzjonisti differenti, li l-proprjetà legali tagħhom ġiet sussegwentement ittrasferita lil Clearstream Frankfurt. L-interpretazzjoni tad-Direttiva 69/335 hija rilevanti għall-ewwel tranżazzjoni, filwaqt li dik tad-Direttiva 2008/7 hija rilevanti għat-tieni waħda.

34

Fir-rigward tat-tranżazzjoni mwettqa matul is-sena 2006, ir-Renju Unit isostni li din ikkonsistiet fi trasferiment ta’ azzjonijiet eżistenti lil servizz ta’ clearance, mingħajr ġenerazzjoni ta’ kapital ġdid għall-kumpannija, li fuqu setgħet tinġabar taxxa tal-boll, skont l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 69/335, li jipprevedi li, b’deroga mill-Artikoli 10 u 11 tagħha, l-Istati Membri jistgħu jiġbru taxxi fuq it-trasferiment tat-titoli. Huwa jikkontesta l-interpretazzjoni ta’ Air Berlin li l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva għandu jkun limitat biss għas-sitwazzjonijiet fejn isseħħ bidla tas-sid bejn persuni li jkunu investituri, b’tali mod li trasferiment lil servizz ta’ clearance ma jkunx kopert minn din id-dispożizzjoni. Skont ir-Renju Unit, il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ titoli” li jinsab f’dan l-Artikolu 12 ikopri kull tranżazzjoni li permezz tagħha dritt jew interess fuq titoli jiġi ttrasferit minn persuna għal oħra u ma jiddependix mill-istat jew mill-kapaċità tal-awtur u tal-benefiċjarju ta’ dan it-trasferiment. Dan ikun il-każ ta’ trasferiment ta’ titolu lil servizz ta’ clearance, li jaffettwa l-proprjetà tat-titolu u jbiddel b’mod fundamentali d-drittijiet rispettivi tal-partijiet, minkejja l-fatt li l-proprjetà effettiva ma tkunx ġiet ittrasferita lil dan is-servizz ta’ clearance.

35

F’dan ir-rigward, għalkemm il-qorti tar-rinviju la ddeskriviet fid-dettall il-funzjonament tas-sistema ta’ clearance u lanqas il-konsegwenzi legali, formali u effettivi tat-trasferiment tal-proprjetà legali tal-azzjonijiet lil Clearstream Frankfurt, ir-Renju Unit irrikonoxxa li dan it-trasferiment ma wassalx għat-trasferiment tal-proprjetà effettiva tal-azzjonijiet. Kien jidher għalhekk li dan it-trasferiment tal-proprjetà legali, imposta bid-dritt Ġermaniż, ikkostitwixxa biss kundizzjoni tal-funzjonament tas-sistema ta’ clearance u ma affettwax id-dritt ta’ trasferiment tal-azzjonijiet jew ta’ tgawdija tagħhom. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li 2177604 azzjoni ordinarja miżmuma minn persuni impjegati li ma setgħux jinbiegħu setgħu jiġu iskritti fil-Borża ta’ Frankfurt għalkemm il-proprjetà legali tagħhom ġiet ittrasferita lis-servizz ta’ clearance.

36

Konsegwentement, peress li ma jaffettwax il-proprjetà effettiva, tali trasferiment ta’ proprjetà legali ma jistax jitqies bħala trasferiment tat-titoli li jikkostitwixxi tranżazzjoni awtonoma, li fuqha tista’ tinġabar taxxa, skont l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 69/335. Dan it-trasferiment għandu jitqies biss bħala tranżazzjoni anċillari li tifforma parti mit-tranżazzjoni ta’ ammissjoni tal-azzjonijiet fil-Borża ta’ Frankfurt, li, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 69/335, ma seta’ jiġi impost fuqha ebda taxxa, taħt kwalunkwe forma.

37

Fir-rigward tal-obbligu previst mid-dritt Ġermaniż, għall-finijiet tal-iskrizzjoni tal-kumpannija fil-lista tal-Borża ta’ Frankfurt, l-iskrizzjoni tal-azzjonijiet kollha tal-istess kategorija, inklużi dawk li ma humiex intiżi li jinbiegħu mal-introduzzjoni tagħhom fil-Borża, tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ tranżazzjoni globali li għandha bħala suġġett l-ammissjoni ta’ kumpannija fil-Borża ta’ Frankfurt li tinkludi wkoll it-trasferiment tal-proprjetà legali tal-azzjonijet lil Clearstream Frankfurt. Madankollu, l-eżistenza ta’ obbligu legali ma huwiex meħtieġ fejn għandu jiġi stabbilit jekk tranżazzjoni hijiex suffiċjenti waħedha jew għandhiex titqies bħala li tifforma parti integrali minn tranżazzjoni globali fir-rigward tal-ġbir tal-kapital.

38

Fir-rigward tat-tranżazzjoni li twettqet matul is-sena 2009, ir-Renju Unit jenfasizza li t-trasferiment tal-azzjonijiet, li seħħ fis-7 ta’ Ottubru 2009, jikkostitwixxi tranżazzjoni distinta minn u sussegwenti għaż-żieda fil-kapital permezz tal-ħruġ ta’ 4500000 azzjoni favur is-sottoskritturi l-ġodda, li twettqet fl-10 ta’ Ġunju 2009, u għalhekk din it-tranżazzjoni setgħet tiġi ntaxxata fuq it-trasferiment tat-titoli, skont l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2008/7.

39

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-azzjonijiet ta’ Air Berlin li ġew ittrasferiti lis-servizz ta’ clearance kienu azzjonijiet ġodda, li jikkorrispondu għal żieda fil-kapital.

40

Issa, għandu jitfakkar li, l-awtorizzazzjoni tal-ġbir ta’ taxxa jew ħlas fuq l-ewwel xiri ta’ titolu li nħareġ mill-ġdid fil-verità tfisser li l-ħruġ stess ta’ dan it-titolu qed jiġi ntaxxat peress li jagħmel parti sħiħa minn tranżazzjoni globali fir-rigward tal-ġbir ta’ kapital. Fil-fatt, ma huwiex biżżejjed li jkun hemm ħruġ ta’ titoli, fih innifsu, iżda dan il-ħruġ jagħmel sens biss fil-mument li dawn it-titoli jsibu min jixtrihom (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑415/02, EU:C:2004:450, punt 32, kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2009, HSBC Holdings u Vidacos Nominees, C‑569/07, EU:C:2009:594, punt 32).

41

L-effett utli tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2008/7 jimplika għaldaqstant li l-“ħruġ” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jinkludi l-ewwel akkwist ta’ titoli li jsir fil-kuntest tal-ħruġ tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑415/02, EU:C:2004:450, punt 33, u tal-1 ta’ Ottubru 2009, HSBC Holdings u Vidacos Nominees, C‑569/07, EU:C:2009:594, punt 33).

42

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li:

L-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 69/335 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-intaxxar ta’ trasferiment ta’ azzjonijiet bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu l-proprjetà legali tal-azzjonijiet kollha ta’ kumpannija tkun ġiet ittrasferita lil servizz ta’ clearance bl-uniku skop tal-iskrizzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet f’Borża, mingħajr ma tkun inbidlet il-proprjetà effettiva ta’ dawn l-azzjonijiet.

L-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-intaxxar ta’ trasferiment ta’ azzjonijiet bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu l-proprjetà legali ta’ azzjonijiet ġodda maħruġin waqt żieda fil-kapital tkun ġiet ittrasferita lil servizz ta’ clearance bl-uniku skop li dawn l-azzjonijiet ġodda jiġu offruti għall-bejgħ.

Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

43

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda tkunx differenti fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tippermetti lill-operatur ta’ servizz ta’ clearance, wara l-approvazzjoni tal-awtorità tat-taxxa, jagħżel li ma titħallas ebda taxxa tal-boll fuq it-trasferiment inizjali ta’ azzjonijiet lis-servizz ta’ clearance, peress li minflok tkun tinġabar taxxa fuq kull bejgħ sussegwenti ta’ azzjonijiet. Permezz tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk ir-risposta tkunx differenti kieku l-benefiċċju tal-għażla kien eskluż.

44

Għandu jiġi kkonstatat li dawn id-domandi jidhru li huma bbażati fuq il-premessa li kull bejgħ ta’ azzjonijiet li jitwettaq wara t-trasferiment inizjali tal-azzjonijiet lis-servizz ta’ clearance jista’ jagħti lok għal intaxxar skont id-Direttiva 2008/7. Peress li d-domandi preliminari ma jirrigwardawx dan l-element tar-raġunament, id-Direttiva 2008/7 ma għandhiex tiġi interpretata f’dan ir-rigward.

45

Fir-rigward tal-eżistenza tal-għażla msemmija fl-Artikolu 97A tal-FA 1986, għandu jiġi kkonstatat li din toffri lis-servizz ta’ clearance l-possibbiltà li jiġi evitat il-ħlas tal-SDRT ta’ 1.5 % waqt l-ammissjoni inizjali tat-titoli fis-sistema ta’ clearance suġġett għall-kundizzjoni li l-operatur tas-servizz ta’ clearance jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxi lill-HMRC kemm il-ġbir tal-SDRT bir-rata ta’ 0.5 % fuq kull wieħed mit-trasferimenti mwettqa ulterjorment fi ħdan dan is-servizz titwettaq, kif ukoll l-osservanza tal-obbligi rilevanti l-oħra li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-SDRT.

46

F’dan il-każ, mir-risposti għall-ewwel żewġ domandi jirriżulta li d-Direttivi 69/335 u 2008/7 jipprekludu l-ġbir ta’ taxxa fuq it-trasferiment ta’ azzjonijiet lil servizz ta’ clearance li jagħmel parti minn tranżazzjoni ta’ ammissjoni ta’ dawn l-azzjonijiet fil-Borża jew ta’ ħruġ ta’ azzjonijiet ġodda.

47

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-fatt, minn naħa, li l-mekkaniżmu tal-għażla inkwistjoni jippreżupponi azzjoni attiva u li, fin-nuqqas ta’ dan l-intervent, tiġi applikata leġiżlazzjoni li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li, skont il-qorti tar-rinviju, fil-kawża prinċipali, Air Berlin, li ħallset it-taxxa tal-boll, ma kinitx awtorizzata teżerċita din l-għażla, li ma setgħetx tobbliga lis-servizz ta’ clearance teżerċita l-għażla, u li dan ma kellu l-ebda interess jagħmilha, il-possibbiltà li twettaq għażla hija irrilevanti għall-applikazzjoni tal-projbizzjoni msemmija fl-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 69/335 kif ukoll fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/7 (ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża HSBC Holdings u Vidacos Nominees (C‑569/07, EU:C:2009:163, punt 71).

48

Konsegwentement, din l-għażla ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni

49

Għaldaqstant ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda ma tkunx differenti fejn il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun tippermetti lill-operatur ta’ servizz ta’ clearance, wara approvazzjoni tal-awtorità tat-taxxa, jagħżel li ma titħallas ebda taxxa tal-boll fuq it-trasferiment inizjali ta’ azzjonijiet lis-servizz ta’ clearance, peress li minflok tinġabar taxxa addizzjonali għat-taxxa tal-boll fuq kull bejgħ sussegwenti ta’ azzjonijiet.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-intaxxar ta’ trasferiment ta’ azzjonijiet bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu l-proprjetà legali tal-azzjonijiet kollha ta’ kumpannija tkun ġiet ittrasferita lil servizz ta’ clearance bl-uniku skop tal-iskrizzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet f’Borża, mingħajr ma tkun inbidlet il-proprjetà effettiva ta’ dawn l-azzjonijiet;

 

2)

L-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE, tat‑12 ta’ Frar 2008, dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-intaxxar ta’ trasferiment ta’ azzjonijiet bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu l-proprjetà legali ta’ azzjonijiet ġodda maħruġin waqt żieda fil-kapital tkun ġiet ittrasferita lil servizz ta’ clearance bl-uniku skop li dawn l-azzjonijiet ġodda jiġu offruti għall-bejgħ.

 

3)

Ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda ma tkunx differenti fejn il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun tippermetti lill-operatur ta’ servizz ta’ clearance, wara approvazzjoni tal-awtorità tat-taxxa, jagħżel li ma titħallas ebda taxxa tal-boll fuq it-trasferiment inizjali ta’ azzjonijiet lis-servizz ta’ clearance, peress li minflok tinġabar taxxa addizzjonali għat-taxxa tal-boll fuq kull bejgħ sussegwenti ta’ azzjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.