Kawża C-571/16

Nikolay Kantarev

vs

Balgarska Narodna Banka

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administrativen sad Varna)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Skemi ta’ garanzija għal depożiti – Direttiva 94/19/KE – Artikolu 1(3)(i) – Artikolu 10(1) – Kunċett ta’ ‘depożitu mhux disponibbli’ – Responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati liċ-ċittadini minn ksur tad-dritt tal-Unjoni – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2018

  1. Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Limiti – Domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli

    (Artikolu 267 TFUE)

  2. Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Stabbilimenti ta’ kreditu – Skemi ta' garanzija għal depożiti – Direttiva 94/19 – Indisponibbiltà ta’ depożitu – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-konstatazzjoni tal-imsemmija indisponibbiltà għall-insolvenza tal-istabbiliment ta’ kreditu u għar-revoka tal-liċenzja bankarja ta’ dan tal-aħħar – Inammissibbiltà – Deroga mit-termini previsti sabiex tiġi kkonstatata l-indisponibbiltà tad-depożiti u sabiex dawn jiġu rrimborsati – Inammissibbiltà

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62, kif emendata bid-Direttiva 2009/14, Artikoli 1(3) u 10(1))

  3. Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Stabbilimenti ta’ kreditu – Skemi ta’ garanzija għal depożiti – Direttiva 94/19 – Indisponibbiltà ta’ depożitu – Konstatazzjoni permezz ta’ att espliċitu tal-awtorità nazzjonali kompetenti

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/19, kif emendata bid-Direttiva 2009/14, Artikolu 1(3)(i))

  4. Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Stabbilimenti ta’ kreditu – Skemi ta’ garanzija għal depożiti – Direttiva 94/19 – Indisponibbiltà ta’ depożitu – Subordinazzjoni tal-konstatazzjoni tal-imsemmija indisponibbiltà għal talba minn qabel għall-irtirar tal-fondi – Inammissibbiltà

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/19, kif emendata bid-Direttiva 2009/14, Artikolu 1(3)(i))

  5. Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Stabbilimenti ta’ kreditu – Skemi ta’ garanzija għal depożiti – Direttiva 94/19 – Drittijiet mogħtija lill-individwi – Artikolu 1(3)(i) – Ksur minn Stat Membru – Obbligu ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lill-individwi – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju – Rabta kawżali bejn dan il-ksur u d-dannu – Verifika mill-qorti nazzjonali

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/19, kif emendata bid-Direttiva 2009/14, Artikolu 1(3)(i))

  6. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Drittijiet mogħtija lill-individwi – Ksur minn Stat Membru – Obbligu ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lill-individwi – Modalitajiet tal-kumpens – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali – Osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi żewġ rimedji differenti u taħt kundizzjonijiet differenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt li jinkiseb kumpens għall-obbligu li tinġieb il-prova tal-eżistenza ta’ ħtija – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħlas ta’ taxxi sempliċi jew proporzjonali għall-valur tal-kawża – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt li jinkiseb kumpens għall-annullament minn qabel tal-att amministrattiv li kkawża d-dannu – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt li jinkiseb kumpens għall-kundizzjoni supplimentari bbażata fuq in-natura intenzjonali tad-dannu kkawżat mill-awtorità nazzjonali – Inammissibbiltà

    (Artikolu 4(3) TUE)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 42 sa 45)

  2.  L-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti, kif emendata bid-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu, minn naħa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti tiddependi mill-insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu u mir-revoka tal-liċenzja bankarja ta’ din l-istituzzjoni u, min-naħa l-oħra, li ssir deroga mit-termini previsti, minn dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex tiġi kkonstatata l-indisponibbiltà tad-depożiti u sabiex dawn id-depożiti jiġu rrimborsati, għar-raġuni li huwa neċessarju li l-istituzzjoni ta’ kreditu titqiegħed taħt sorveljanza speċjali.

    (ara l-punt 69 u d-dispożittiv 1)

  3.  L-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 1994/19, kif emendata bid-Direttiva 2009/14, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indisponibbiltà ta’ depożiti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tiġi kkonstatata permezz ta’ att espliċitu tal-awtorità nazzjonali kompetenti u ma tistax tiġi dedotta minn atti oħra, bħad-deċiżjoni tal-Balgarska Narodna Banka (il-Bank Nazzjonali Bulgaru) li l-Korporativna Targovska Banka jitqiegħed taħt sorveljanza speċjali, u lanqas ma tista’ tiġi preżunta minn ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipal.

    (ara l-punt 78 u d-dispożittiv 2)

  4.  L-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19, kif emendata bid-Direttiva 2009/14, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà ta’ depożitu bankarju, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-proprjetarju ta’ dan id-depożitu jkun l-ewwel għamel, lill-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, talba għall-irtirar tal-fondi, li tkun baqgħet mingħajr suċċess.

    (ara l-punt 87 u d-dispożittiv 3)

  5.  L-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 2009/14, kif emendata bid-Direttiva 2009/14, għandu effett dirett u jikkostitwixxi regola tad-dritt intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi li jippermettu lid-depożitanti jressqu azzjoni għall-kumpens għad-dannu kkawżat mir-rimbors tardiv tad-depożiti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, minn naħa, jekk in-nuqqas ta’ konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti fi żmien it-terminu ta’ ħamest ijiem ta’ xogħol previst f’din id-dispożizzjoni, minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet stipulati b’mod ċar f’din id-dispożizzjoni kienu ssodisfatti, jikkostitwixxix, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ksur suffiċjentement serju, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, jekk hemmx rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit minn depożitant, bħal Nikolay Kantarev.

    (ara l-punt 117 u d-dispożittiv 4)

  6.  L-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-assenza ta’ proċedura speċifika fil-Bulgarija sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru fir-rigward ta’ danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni minn awtorità nazzjonali:

    dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi żewġ rimedji differenti li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ qrati differenti u huma suġġetti għal kundizzjonijiet differenti, sakemm il-qorti tar-rinviju tiddetermina jekk, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, ir-responsabbiltà ta’ awtorità nazzjonali bħall-Bank Nazzjonali Bulgaru għandhiex tiġi stabbilita fuq il-bażi taż-Zakon za otgovornostta na darzhavata i obshtinite za vredi (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Komuni għad-Danni Kkawżati) jew taż-Zakon za zadalzheniata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti) u sakemm kull wieħed miż-żewġ rimedji jkun konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività;

    dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għall-kundizzjoni supplimentari bbażata fuq in-natura intenzjonali tad-dannu kkawżat mill-awtorità nazzjonali inkwistjoni;

    dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għall-obbligu li l-individwu jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ ħtija sa fejn, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-kunċett ta’ “ħtija” ma jmurx lil hinn mill-kunċett ta’ “ksur suffiċjentement serju”;

    dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħlas ta’ taxxi sempliċi jew proporzjonali għall-valur tal-kawża sa fejn, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-ħlas ta’ taxxa sempliċi jew ta’ taxxa proporzjonali għall-valur tal-kawża ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ effettività, fid-dawl tal-ammont u l-kobor tat-taxxa, tan-natura insuperabbli jew le tal-ostakolu li hija possibbilment tikkostitwixxi għall-aċċess għall-ġustizzja, tan-natura obbligatorja tagħha kif ukoll tal-possibbiltajiet ta’ eżenzjoni, u

    dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għall-annullament minn qabel tal-att amministrattiv li wassal għad-dannu, sakemm, punt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, dan ir-rekwiżit jista’ raġonevolment ikun rikjest mill-persuna leża.

    (ara l-punt 147 u d-dispożittiv 5)