Kawża C-558/16

Proċeduri mressqa minn Doris Margret Lisette Mahnkopf

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kammergericht Berlin)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Suċċessjonijiet u ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Possibbiltà li jiġi indikat is-sehem tal-konjuġi superstiti fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal‑1 ta’ Marzu 2018

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, liġi applikabbli, rikonoxximent u infurzar tad-deċiżjonijiet, aċċettazzjoni u infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Regolament Nru 650/2012 – Kamp ta’ applikazzjoni – Dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi, meta jmut wieħed mill-konjuġi, diviżjoni fissa tal-akkwisti bl-inkrementazzjoni tas-sehem tas-suċċessjoni tal-konjuġi superstiti – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 650/2012, Artikolu 1(1))

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 650/2012 tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, meta jmut wieħed mill-konjuġi, diviżjoni fissa tal-akkwisti bl-inkrementazzjoni tas-sehem tas-suċċessjoni tal-konjuġi superstiti taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

Skont l-Artikolu 1371(1) tal‑Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”): “Meta r-reġim matrimonjali jiġi tterminat minħabba l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi, it-tqassim tal-assi għandha ssir permezz tal-inkrementazzjoni tas-sehem legali tal-konjuġi superstiti bi kwart tal-wirt; il-fatt li l-miżżewġin effettivament ikunu żiedu l-valur tal-assi tagħhom huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.”

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 78 u 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 1371(1) tal-BGB, skont l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jirrigwardax id-diviżjoni ta’ elementi patrimonjali, iżda jirrigwarda l-kwistjoni tad-drittijiet tal-konjuġi superstiti fir-rigward tal-elementi diġà llikwidati fi ħdan il-patrimonju li huwa suġġett għal suċċessjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-dispożizzjoni ma tidhirx li għandha bħala għan prinċipali d-diviżjoni tal-elementi tal-patrimonju jew il-likwidazzjoni tar-reġim matrimonjali iżda pjuttost id-determinazzjoni tal-quantum tas-sehem mis-suċċessjoni li huwa dovut lill-konjuġi superstiti b’relazzjoni mal-werrieta l-oħra. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda, għalhekk, prinċipalment is-suċċessjoni tal-konjuġi ddeċedut u mhux ir-reġim matrimonjali. Konsegwentement, regola tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija marbuta mal-patrimonju li huwa suġġett għal suċċessjoni għall-finijiet tar-Regolament Nru 650/2012.

Fl-aħħar nett, hekk kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-klassifikazzjoni bħala kwistjoni rregolata mid-dritt tas-suċċessjoni tas-sehem dovut lill-konjuġi superstiti bis-saħħa ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 1371(1) tal-BGB, tippermetti li l-informazzjoni dwar l-imsemmi sehem jiġi indikat fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, bl-effetti kollha deskritti fl-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 650/2012. Għalhekk jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kisba tal-għanijiet taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni tiġi ostakolata b’mod kunsiderevoli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kieku l-imsemmi ċertifikat ma kellux jinkludi l-informazzjoni kompleta dwar id-drittijiet tal-konjuġi superstiti fir-rigward tal-patrimonju li huwa suġġett għal suċċessjoni.

(ara l-punti 18, 40, 42-44 u d-dispożittiv)