Kawża C-551/16

J. Klein Schiphorst

vs

Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera – Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 7, 63 u 64 – Benefiċċji tal-qgħad – Persuna qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor – Żamma tad-dritt għall-benefiċċji – Tul taż-żmien”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Marzu 2018

Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Qgħad – Persuna qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor – Żamma tad-dritt għall-benefiċċji – Terminu ta’ tliet xhur – Estensjoni – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali – Limiti – Miżura nazzjonali li timponi fuq l-istituzzjoni kompetenti li tirrifjuta kull talba għal tali estenzjoni ħlief fil-każ ta’ riskju ta’ riżultat mhux raġonevoli – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikolu 64(1)(ċ))

L-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq l-istituzzjoni kompetenti li tirrifjuta bħala prinċipju kull talba ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad lil hinn minn tliet xhur, sakemm l-imsemmija istituzzjoni ma tikkunsidrax li r-rifjut ta’ din it-talba jwassal għal riżultat mhux raġonevoli.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan ir-regolament ma jistabbilixxix sistema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu sistemi nazzjonali distinti u għandu bħala uniku għan tiegħu li jiżgura koordinazzjoni bejn dawn tal-aħħar sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni. L-imsemmi regolament iħalli għalhekk ikomplu jeżistu sistemi distinti li joħolqu obbligi distinti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet distinti li kontra tagħhom persuna għandha drittijiet diretti jew biss skont id-dritt intern, jew skont id-dritt intern flimkien, jekk meħtieġ, mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey, C-140/12, EU:C:2013:565, punt 43, u tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-308/14, EU:C:2016:436, punt 67).

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt għaż-żamma tal-benefiċċji tal-qgħad matul perijodu ta’ tliet xhur jikkontribwixxi għall-assigurazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1980, Testa et, 41/79, 121/79 u 796/79, EU:C:1980:163, punt 14). Issa, tali konklużjoni tapplika wkoll fir-rigward tar-Regolament Nru 883/2004, sa fejn dan, minbarra li jiżgura l-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad matul perijodu ta’ tliet xhur, jippermetti wkoll l-estensjoni ta’ dan il-perijodu sa massimu ta’ sitt xhur.

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004 jiżgura l-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad matul perijodu ta’ tliet xhur biss, filwaqt li jippermetti, madankollu, skont id-dritt nazzjonali, l-estensjoni tal-imsemmi perijodu sa massimu ta’ sitt xhur.

Fir-rigward tal-kriterji li abbażi tagħhom l-istituzzjoni kompetenti tista’ testendi l-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad sa massimu ta’ sitt xhur, għandu jiġi enfasizzat li, meta, bħal f’din il-kawża, l-Istat Membru kkonċernat ikun eżerċita l-fakultà msemmija fit-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004, huwa għandu, fl-assenza ta’ kriterji stabbilti minn dan ir-regolament, jadotta, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, miżuri nazzjonali li jistabbilixxu l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjoni kompetenti, b’mod partikolari billi jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet li fihom l-estensjoni tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad lil hinn minn tliet xhur u sa massimu ta’ sitt xhur għandha jew ma għandiex tingħata lil persuna qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg.

(ara l-punti 44 sa 46, 51, 54 u d-dispożittiv)