SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kwalità ta’ qorti tal-korp ta’ rinviju – Direttiva 2014/24/UE – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Proċedura miftuħa – Kriterji ta’ għoti – Evalwazzjoni teknika – Limitu minimu ta’ punti – Evalwazzjoni bbażata fuq il-prezz”

Fil-Kawża C‑546/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Órgano Administrativo de Recursos Contractuales de la Comunidad Autónoma de Euskadi (il-Korp Amministrattiv għall-Appelli fil-qasam tal-Kuntratti Pubbliċi tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura

Montte SL

vs

Musikene,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda (Relatur), E. Juhász, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-digriet għall-ftuħ tal-proċedura orali tas‑6 ta’ Marzu 2018 u wara s-seduta tas‑16 ta’ April 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

għall-Gvern Elleniku, minn A. Dimitrakopoulou u K. Georgiadis, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Sanfrutos Cano u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Montte SL u Musikene, fir-rigward ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 90 tad-Direttiva 2014/24 hija fformulata kif ġej:

“Il-kuntratti għandhom jingħataw abbażi ta’ kriterji oġġettivi li jiżguraw konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza, nondiskriminazzjoni u trattament ugwali, bil-ħsieb li jiġi żgurat tqabbil oġġettiv tal-valur relattiv tal-offerti sabiex jiġi determinat, f’kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva, liema offerta hija l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża. Għandu jkun stabbilit b’mod espliċitu li l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża għandha tkun ivvalutata abbażi tal-aqwa bilanċ bejn prezz u kwalità, li dejjem għandu jinkludi element ta’ prezz jew spiża. Għandu jkun iċċarat bl-istess mod li din il-valutazzjoni tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża għandha wkoll isseħħ abbażi tal-effettività tal-prezz jew il-kost-effettività biss. Huwa għalhekk aktar adegwat li jiġi mfakkar li l-awtoritajiet kontraenti huma liberi li jistabbilixxu standards ta’ kwalità adegwati billi jużaw speċifikazzjonijiet tekniċi jew kondizzjonijiet għat-twettiq tal-kuntratt.

[...]”

4

Skont il-premessa 92 ta’ din id-direttiva:

“Meta jkunu qed jivvalutaw l-aqwa bilanċ bejn prezz u kwalità l-awtortajiet kontraenti għandhom jiddeterminaw il-kriterji ekonomiċi u kwalitattivi marbuta mas-suġġett tal-kuntratt li huma ser jużaw għal dak il-għan. Dawk il-kriterji għandhom għaldaqstant jippermettu valutazzjoni komparattiva tal-livell ta’ prestazzjoni offrut minn kull offerta fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt, kif iddefinit fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Fil-kuntest tal-aqwa bilanċ bejn prezz u kwalità, lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji possibbli tal-għoti li jinkludu aspetti ambjentali u soċjali stabbiliti f’din id-Direttiva. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiġu mħeġġa jagħżlu kriterji għall-għoti li jippermettulhom li jiksbu xogħlijiet, provvisti u servizzi ta’ kwalità għolja li l-aktar li jixirqu l-ħtiġijiet tagħhom.

Il-kriterji tal-għoti magħżula ma għandhomx jikkonferixxu libertà tal-għażla bla restrizzjoni fuq l-awtorità kontraenti u għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ kompetizzjoni effettiva u ġusta u jkunu akkumpanjati minn arranġamenti li jippermettu li l-informazzjoni pprovduta mill-offerenti tkun ivverifikata b’mod effikaċi.

Biex tiġi identifikata l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt m’għandhiex tkun ibbażata biss fuq kriterji ta’ nuqqas ta’ spiża. Il-kriterji kwalitattivi għaldaqstant għandhom jiġu akkumpanjati minn kriterju ta’ spiża li jista’, fl-għażla tal-awtorità kontraenti, ikun il-prezz jew approċċ ta’ kosteffettività bħall-ispiża taċ-ċiklu tal-ħajja. Madankollu, il-kriterji għall-għoti m’għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jiddeterminaw ir-remunerazzjoni ta’ ċerti servizzi jew jistabbilixxu prezzijiet fissi għal ċerti provvisti.”

5

L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Prinċipji tal-akkwist”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“ L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.”

6

Skont l-Artikolu 27 tal-istess direttiva, intitolat “Proċedura miftuħa”:

“1.   Fil-proċeduri miftuha, kwalunkwe operatur ekonomiku interessat jista’ jissottometti offerta fir-rigward ta’ sejha għall-kompetizzjoni.

Il-limitu ta’ żmien minimu għar-riċevuta ta’ offerti għandu jkun ta’ 35 jum mid-data li fiha ntbagħat l-avviż dwar kuntratt.

L-offerta għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni għas-selezzjoni kwalitattiva li tkun mitluba mill-awtorità kontraenti.

2.   Meta awtoritajiet kontraenti jkunu diġà ppubblikaw avviż informattiv minn qabel li ma kienx huwa stess użat bħala mezz għas-sejħa tal-kompetizzjoni, il-limitu ta’ żmien minimu għar-riċevuta tal-offerti jista’ jitqassar għal 15‑il jum, kif stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dejjem jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)

l-avviż informattiv minn qabel inkluda l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-avviż dwar kuntratt fit-taqsima I tal-parti B tal-Anness V, sa fejn dik l-informazzjoni kienet disponibbli fiż-żmien li ġie ppubblikat l-avviż informattiv minn qabel;

b)

vviż informattiv minn qabel intbagħat għall-pubblikazzjoni bejn 35 jum u 12-il xahar qabel id-data li fiha ntbagħat l-avviż dwar kuntratt.

3.   Fejn stat ta’ urġenza sostanzjat sew mill-awtorità kontraenti jrendi bħala imprattikabbli l-limitu ta’ żmien stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, din tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien li ma għandux ikun inqas minn 15-il jum mid-data li fiha ntbagħat l-avviż tal-kuntratt.

4.   L-awtorità kontraenti tista’ tnaqqas b’ħamest ijiem il-limitu ta’ żmien għall-wasla ta’ offerti stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta hi taċċetta li l-offerti jistgħu jiġu sottomessi b’mezzi elettroniċi f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1), u l-Artikolu 22(5) u (6).”

7

L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar”, jipprovdi, fil-paragrafu 6 tiegħu:

“Il-proċeduri kompetittivi permezz tan-negozjar jistgħu jsiru fi stadji suċċessivi sabiex jonqos in-numru ta’ offerti li jridu jiġu nnegozjati billi jiġu applikati l-kriterji tal-għoti speċifikati fl-avviż dwar kuntratt, fl-istedina għall-konferma tal-interess jew f’dokument ieħor ta’ akkwist. Fl-avviż tal-kuntratt, fl-istedina għall-konferma tal-interess jew f’dokument ieħor ta’ akkwist, l-awtorità kontraenti għandha tindika jekk hi rrikorrietx għal dik l-alternattiva.”

8

L-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, intitolat “Djalogu kompetittiv”, jiddikjara, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Id-djalogi kompetittivi jistgħu jseħħu fi stadji suċċessivi sabiex jonqos in-numru ta’ soluzzjonijiet li jridu jiġi diskussi fl-istadju ta’ djalogu billi jiġu applikati l-kriterji tal-għoti stipulati fl-avviż dwar kuntratt jew fid-dokument deskrittiv. Fl-avviż tal-kuntratt jew fid-dokument deskrittiv, l-awtorità kontraenti għandha tindikaw jekk hijiex ser tuża dik l-għażla.”

9

L-Artikolu 31 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Sħubija għall-innovazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“In-negozjati matul il-proċeduri tas-sħubiji għall-innovazzjoni jistgħu jsiru fi stadji suċċessivi sabiex jonqos in-numru ta’ offerti li jridu jiġu nnegozjati billi jiġu applikati l-kriterji tal-għoti speċifikati fl-avviż dwar kuntratt, fl-istedina għall-konferma tal-interess jew fid-dokumenti tal-akkwist. Fl-avviż dwar kuntratt, fl-istedina għall-konferma tal-interess jew fid-dokumenti tal-akkwist, l-awtorità kontraenti għandha tindika jekk hijiex ser tirrikorri għal dik l-għażla.”

10

Skont l-Artikolu 66 tal-istess direttiva, intitolat “Tnaqqis tan-numru ta’ offerti u soluzzjonijiet”:

“Fejn l-awtoritajiet kontraenti jirrikorru għall-għażla li jnaqqsu n-numru ta’ offerti li għandhom jiġu nnegozjati kif stipulat fl-Artikolu 29(6) jew ta’ soluzzjonijiet li għandhom jiġu diskussi kif stipulat fl-Artikolu 30(4), dawn għandhom jagħmlu dan billi japplikaw il-kriterji tal-għoti ddikjarati fid-dokumenti tal-akkwist. Fl-istadju finali, in-numru finali għandu jkun biżżejjed sabiex tkun żgurata kompetizzjoni ġenwina billi jkun hemm biżżejjed offerti, soluzzjonijiet jew kandidati kwalifikati.”

11

L-Artikolu 67(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Kriterji għall-għoti tal-kuntratt”, jipprovdi:

“1.   Mingħajr ħsara għal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jikkonċernaw il-prezz ta’ ċerti provvisti jew ir-remunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jibbażaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fuq l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża.

2.   Mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti, l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża għandha tiġi identifikata abbażi tal-prezz jew l-ispiża, bl-użu ta’ approċċ kost-effettiv, bħall-kalkolu tal-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja skont l-Artikolu 68, u tista’ tinkludi l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità, li għandu jiġi vvalutat abbażi ta’ kriterji li jinkludu aspetti kwalitattivi, ambjentali u/jew soċjali marbutin mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Dawn il-kriterji jistgħu jinkludu, pereżempju:

a)

il-kwalità, inklużi l-mertu tekniku, il-karatteristiċi estetiċi u funzjonali, l-aċċessibilità, id-disinjar għall-utenti kollha, il-karatteristiċi soċjali, ambjentali u dawk innovattivi u l-kummerċ u l-kondizzjonijiet tiegħu;

b)

l-organizzazzjoni, il-kwalifiki u l-esperjenza tal-persunal assenjat għat-twettiq tal-kuntratt, fejn il-kwalità tal-persunal assenjat tista’ tħalli impatt sinifikanti fuq il-livell tal-prestazzjoni tal-kuntratt; jew

c)

is-servizz ta’ wara l-bejgħ u l-assistenza teknika, il-kondizzjonijiet ta’ twassil bħad-data ta’ twassil, il-proċess ta’ twassil u l-perijodu ta’ twassil jew il-perijodu ta’ tlestija.

L-element ta’ spiża jista’ wkoll jieħu l-forma ta’ prezz fissa jew spiża fissa li abbażi tagħhom l-operaturi ekonomiċi jikkompetu fuq il-kriterji ta’ kwalità biss.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kontraenti ma jistgħux jużaw il-prezz biss jew l-ispiża biss bħala l-kriterju uniku għall-għoti jew jillimitaw l-użu tagħhom għal ċerti kategoriji ta’ awtoritajiet kontraenti jew ċerti tipi ta’ kuntratti.

[...]

4.   Il-kriterji tal-għoti ma għandux ikollhom l-effett li jagħtu lill-awtorità kontraenti libertà mingħajr restrizzjonijiet għall-għażla. Huma għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ kompetizzjoni effettiva u għandhom jiġu akkumpanjati mill-ispeċifikazzjonijiet li jippermettu li l-informazzjoni mogħtija mill-offerenti tiġi vverifikata b’mod effettiv sabiex jiġi vvalutat kemm l-offerti jissodisfaw il-kriterji tal-għoti. Fil-każ ta’ dubju, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jivverifikaw b’mod effettiv il-preċiżjoni tal-informazzjoni u l-evidenza mogħtija mill-offerenti.”

Id-dritt Spanjol

12

Skont l-Artikolu 40(6) tat-Texto Refundido de la Ley de Contratos del Sector Público (it-Test Ikkodifikat tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi), li jirriżulta mir-Real Decreto Legislativo 3/2011 por el que se aprueba el Texto Refundido de la Ley de Contratos del Sector Público (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 3/2011, li Japprova l-Kodifikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi), tal‑14 ta’ Novembru 2011 (BOE Nru 276, tas‑16 ta’ Novembru 2011, p. 117729), l-appell speċjali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, qabel l-introduzzjoni ta’ rikors kontenzjuż amministrattiv, huwa ta’ natura fakultattiva.

13

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 150(4) tat-Test Ikkodifikat tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprovdi dan li ġej:

“Meta jittieħed inkunsiderazzjoni iktar minn kriterju wieħed, għandu jiġi speċifikat il-valur relattiv attribwit lil kull wieħed minnhom, li jista’ jiġi espress billi tiġi stabbilita marġni ta’ valuri ta’ portata adegwata. Fil-każ li l-proċedura ta’ għoti tkun maqsuma f’diversi fażijiet, ikun indikat ukoll f’liema minnhom għandhom jiġu applikati l-kriterji differenti, kif ukoll il-limitu minimu ta’ punti meħtieġ sabiex l-offerent ikompli jipparteċipa fil-proċedura ta’ selezzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Musikene hija fondazzjoni tas-settur pubbliku tal-Comunidad Autónoma de Euskadi (il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, Spanja). Fix-xahar ta’ Lulju 2016, hija nediet, skont il-proċedura miftuħa, sejħa għal offerti bil-għan li tagħti kuntratt pubbliku relatat mal-“[p]rovvista ta’ tagħmir ta’ għamara u ta’ materjal sinjaletiku, għamara speċifika mużikali, strumenti mużikali, tagħmir elettroakustiku, ta’ reġistrazzjoni u awdjoviżiv, tagħmir informatiku u ta’ riproduzzjoni”, li l-valur stmat tiegħu jien jammonta għal EUR 1 157 430.59. L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ġew approvati mill-amministrazzjoni ta’ Musikene fl‑14 ta’ Lulju 2016 u l-avviż ta’ kuntratt ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2016/S 142‑257363) fis‑26 ta’ Lulju 2016.

15

Il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt huma ddikjarati fl-Anness VII – A tal-ispeċifikazzjonijiet amministrattivi partikolari li jirregolaw il-kuntratt, kif ġej: :

“a)

il-‘preżentazzjoni u deskrizzjoni tal-proġett’, bil-ponderazzjoni ta’ 50 punt fuq 100, hija maqsuma f’subkriterji sekondarji distini għal kull wieħed mill-ħames lottijiet li fuqhom huwa bbażat il-kuntratt. Għal kull wieħed minn dawn il-lottijiet għandha tapplika l-klawżola li ġejja:

‘Limitu minimu tal-punti neċessarji sabiex il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ selezzjoni titkompla: l-offerenti li ma jkunux kisbu 35 punt għall-offerta teknika ma jiġux ammessi fil-fażi ekonomika.’

b)

Għal kull wieħed mil-lottijiet, it-tnaqqis fil-prezz offert, bil-ponderazzjoni ta’ 50 punt fuq 100, jiġi deċiż skont l-iskala li ġejja:

‘Jiġi attribwit massimu ta’ 50 punt. L-offerta li l-ammont tagħha jkun ugwali għall-valur tal-baġit tal-kuntratt jingħata 0 punti.

5 punti jiġu applikati għal kull tnaqqis ta’ 1 % fuq il-valur tal-baġit tal-kuntratt, sabiex:

il-perċentwali ta’ tnaqqis ta’ 1 % relattiv għall-valur tas-suq: 5 punti

il-perċentwali ta’ tnaqqis ta’ 5 % relattiv għall-valur tas-suq: 25 punt

il-perċentwali ta’ tnaqqis ta’ 10 % relattiv għall-valur tas-suq: 50 punt’.”

16

Fil‑11 ta’ Awwissu 2016, l-Órgano Administrativo de Recursos Contractuales de la Comunidad Autónoma de Euskadi (il-Korp Amministrattiv għall-Appelli fil-qasam tal-Kuntratti Pubbliċi tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, Spanja) ġie adit b’appell speċjali ppreżentat minn Montte kontra l-imsemmija speċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Montte sostniet li l-kundizzjoni li limitu minimu ta’ punti huwa neċessarju fi tmiem il-fażi teknika sabiex offerent ikun jista’ jkompli jipparteċipa fil-proċedura ta’ selezzjoni għandha tiġi annullata inkwantu din tillimita l-aċċess tal-offerenti għall-fażi ekonomika tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u fil-prattika tneħħi minn kull sinjifikat il-ponderazzjoni konġunta tal-kriterji tekniċi u ekonomiċi prevista mill-imsemmija speċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Montte ssostni li, b’differenza tal-kriterju tal-prezz, li japplika awtomatikament permezz tal-applikazzjoni ta’ formola, il-kriterji tekniċi, li huma suġġetti għal evalwazzjoni kwalitattiva inqas oġġettiva, fil-prattika, huma suġġetti għal ponderazzjoni ta’ 100 % mit-total tal-punti. Għalhekk, skont Montte, billi japplikaw dawn il-kriterji, l-offerenti ma jistgħux jiġu ġġudikati b’mod ugwali skont il-prezz tal-offerta tagħhom u għaldaqstant Musikene ma tkunx f’pożizzjoni li ssir taf l-offerta l-iktar vantaġġuża wara li tkun ipponderat il-kriterji kollha.

17

Min-naħa tagħha, Musikene tqis li l-imsemmija kundizzjoni hija ġġustifikata. Hija ssostni li, press li l-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwarda l-installazzjoni ta’ tagħmir li għandu jagħmel parti minn binja, huwa ġġustifikat li jkun rikjest mill-offerenti li l-offerti tagħhom jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet minimi marbuta mal-osservanza tat-termini u mal-kwalità teknika tas-servizzi pprovduti.

18

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlazzjoni u l-prassi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jkunu kuntrarji għad-Direttiva 2014/24. F’dan ir-rigward, hija tosserva, qabel kollox, li din id-direttiva tidher li tippermetti l-iffissar ta’ kriterji ta’ għoti tal-kuntratt li japplikaw matul fażijiet eliminatorji suċċessivi biss fil-proċeduri li għalihom din il-possibbiltà hija espressament prevista, u mhux fil-proċeduri miftuħa u ristretti, li huma rregolati minn regoli li jispeċifikaw l-iżvolġiment tagħhom b’mod speċifiku. Sussegwentement, hija tqis li s-sistema ta’ kriterji ta’ għoti tal-kuntratt li tapplika matul stadji eliminatorji suċċessivi fil-proċeduri miftuħa tista’, bi ksur tal-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24, tipprekludi l-kompetizzjoni reali meta l-applikazzjoni ta’ limiti tnaqqas b’mod kunsiderevoli n-numru ta’ offerenti fil-fażi finali. Fl-aħħar nett, hija tqis li l-limitu eliminatorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrikjedi minimu ta’ 35 punt fuq 50 fl-evalwazzjoni teknika, jista’ jipprekludi li l-iktar offerti kompetittivi fir-rigward tal-prezz jiġu analizzati u evalwati.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Órgano Administrativo de Recursos Contractuales de la Comunidad Autónoma de Euskadi (il-Korp Amministrattiv għall-Appelli fil-qasam tal-Kuntratti Pubbliċi tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-Direttiva [2014/24] tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 150.4 [tat-Test Ikkodifikat tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi] jew prassi ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni, li jawtorizzaw lill-awtoritajiet kontraenti jistabbilixxu, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jirregolaw il-kontenzjuż ta’ proċedura miftuħa għall-għoti ta’ kuntratt, kriterji ta’ għoti li joperaw f’fażijiet eliminatorji suċċessivi għall-offerti li ma jeċċedux limitu minimu ta’ punti predeterminat?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-imsemmija Direttiva 2014/24 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, jew prassi ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni, li fil-proċedura miftuħa għall-għoti ta’ kuntratt jużaw l-imsemmija sistema ta’ kriterji ta’ għoti li joperaw f’fażijiet eliminatorji suċċessivi b’tali mod li fl-aħħar fażi ma jkunx jifdal biżżejjed offerti sabiex tkun tista’ tiġi ggarantita kompetizzjoni reali?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, l-imsemmija Direttiva 2014/24 tipprekludi klawżola bħal dik inkwistjoni, li fiha l-fattur tal-prezz jittieħed inkunsiderazzjoni biss għall-offerti li jkunu kisbu 35 punt minn 50 punt fl-evalwazzjoni tal-kriterji tekniċi, minħabba li din il-klawżola ma tkunx tiggarantixxi kompetizzjoni reali jew li tevita l-mandat mogħti lill-awtorità kontraenti sabiex tagħti l-kuntratt lill-offerta bl-aqwa valur kwalità/prezz?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

20

Preliminarjament, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-Órgano Administrativo de Recursos Contractuales de la Comunidad Autónoma de Euskadi (il-Korp Amministrattiv għall-Appelli fil-qasam tal-Kuntratti Pubbliċi tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask) jissodisfax il-kriterji biex jitqies bħala qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

21

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi evalwata l-kwalità ta’ “qorti jew tribunal” tal-korp tar-rinviju, kwistjoni li hija rregolata biss mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħal jekk dan il-korp huwiex stabbilit mil-liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċedura hijiex ta’ natura kontradittorja, jekk l-imsemmi korp japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti (sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2016, MT Højgaard u Züblin, C‑396/14, EU:C:2016:347, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan il-każ, minn naħa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-korp ta’ rinviju huwa korp permanenti u indipendenti li joriġina minn dispożizzjoni legali, u li jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu fuq il-bażi ta’ kriterji esklużivament ġuridiċi wara proċedura ta’ natura kontradittorja. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-indipendenza ta’ dan il-korp, din id-deċiżjoni tippreċiża li dan, peress li ma huwa suġġett għal ebda rabta ġerarkika u ma jirċevix struzzjonijiet minn terzi, jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’oġġettività, imparzjalità u taħt awtonomija sħiħa.

23

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tal-korp tar-rinviju, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 267 TFUE, huwa minnu li l-ġurisdizzjoni ta’ dan il-korp tar-rinviju, skont l-Artikolu 40(6) tat-Test Ikkodifikat tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, għandha natura fakultattiva. B’hekk, persuna li jkollha l-intenzjoni li tikkontesta r-regolarità ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għandha l-għażla bejn l-appell speċjali quddiem il-korp tar-rinviju u r-rikors kontenzjuż amministrattiv.

24

Madankollu mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-korp tar-rinviju, li l-ġurisdizzjoni tagħha ma tiddependix mill-ftehim tal-partijiet, huma vinkolanti għal dawn tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-korp jissodisfa wkoll il-kriterju relatat man-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme, C‑203/14, EU:C:2015:664, punti 23 sa 25).

25

Għalhekk l-Órgano Administrativo de Recursos Contractuales de la Comunidad Autónoma de Euskadi (il-Korp Amministrattiv għall-Appelli fil-qasam tal-Kuntratti Pubbliċi tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask) jissodisfa l-kriterji sabiex jitqies bħala qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja huma ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2014/24 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-awtoritajiet kontraenti l-jedd li jimponu, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ta’ sejħa għal offerti skont proċedura miftuħa, rekwiżiti minimi fir-rigward tal-evalwazzjoni teknika, b’tali mod li l-offerti sottomessi li ma jiksbux livell minimu ta’ punti predeterminat fi tmiem din l-evalwazzjoni jiġu esklużi mill-evalwazzjoni ulterjuri bbażata kemm fuq kriterji tekniċi kif ukoll fuq il-prezz.

27

Filwaqt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi li kull operatur ekonomiku interessat jista’ jissottometti, fi proċedura miftuħa, offerta bi tweġiba għal sejħa għal kompetizzjoni, din id-direttiva tagħti lill-awtoritajiet kontraenti l-jedd li jimponu, fil-kuntest ta’ tali proċedura, rekwiżiti minimi fil-kuntest tal-evalwazzjoni teknika.

28

F’dan ir-rigward, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/24 ma jinkludi ebda regola dwar l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ għoti, ħlief għal dawk ir-regoli dwar it-terminu minimu ta’ riċeviment tal-offerti mid-data li fiha jintbagħat l-avviż ta’ kuntratt.

29

Barra minn hekk, il-premessa 90 tal-imsemmija direttiva tfakkar li l-awtoritajiet kontraenti għandhom il-libertà li jiffissaw ir-regoli ta’ kwalità adegwati u li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi jew kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, filwaqt li l-premessa 92 tal-istess direttiva tippreċiża li din għandha bħala għan li tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kontraenti jagħżlu kriterji ta’ għoti li jippermettulhom jiksbu xogħlijiet provvisti u servizzi ta’ kwalità għolja li l-aktar jixirqu l-ħtiġijiet tagħhom.

30

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2014/24 jiddikjara li l-awtoritajiet kontraenti jibbażaw lilhom infushom, għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi, fuq l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża. L-Artikolu 67(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti hija ddeterminatafuq il-bażi tal-prezz jew tal-ispiża u tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità li huwa evalwat fuq il-bażi ta’ kriterji li jinkludu aspetti kwalitattivi, bħall-kwalità, inkluż il-valur tekniku.

31

Jeħtieġ li jingħad ukoll li dawn il-kriterji għandhom, hekk kif jirriżulta mill-premessa 90 tal-imsemmija direttiva u mill-Artikolu 67(4) tagħha, jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, sabiex jiġi ggarantit paragun oġġettiv tal-valur relattiv tal-offerti u għaldaqstant li tiġi ggarantita kompetizzjoni effettiva. Dan ma huwiex il-każ ta’ kriterji li jafdaw lill-awtorità kontraenti libertà ta’ għażla inkundizzjonali (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012, Il‑Kummissojni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑368/10, EU:C:2012:284, punt 87).

32

Għaldaqstant, l-awtoritajiet kontraenti għandhom, fl-osservanza tar-rekwiżiti ddikjarati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-libertà li jiddeterminaw, konformement mal-ħtiġijiet tagħhom, b’mod partikolari l-livell ta’ kwalità teknika li l-offerti sottmessi għandhom jiżguraw skont il-karatteristiċi u l-għan tal-kuntratt inkwistjoni u għandhom jistabbilixxu limitu minimu li dawn l-offerti għandhom josservaw mill-perspettiva teknika. F’dan is-sens, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24 ma jipprekludix il-possibbiltà, fl-istadju tal-għoti tal-kuntratt, li inizjalment jeskludi offerti sottomessi li ma jiksbux il-limitu massimu ta’ punti predeterminat fir-rigward tal-evalwazzjoni teknika. F’dan ir-rigward, jidher li offerta li ma tiksibx tali limitu, bħala prinċipju, ma tikkorrispondix mal-ħtiġijiet tal-awtorità kontraenti u ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża. Għaldaqstant l-awtorità kontraenti, f’tali każ, ma hijiex obbligata tiddetermina jekk il-prezz ta’ tali offerta huwiex inqas minn dawk tal-offerti mhux eliminati li jiksbu l-imsemmi limitu u li għalhekk jikkorrispondu mal-ħtiġijiet tal-awtorità kontraenti.

33

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat ulterjorment li, jekk għoti ta’ kuntratt isir wara l-evalwazzjoni teknika, l-awtorità kontraenti jkollha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-prezz tal-offerti li jiksbu limitu minimu mill-perspettiva teknika.

34

Il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 32 ta’ din is-sentenza ma hijiex imqiegħda inkwistjoni miċ-ċirkustanza, imfakkra mill-qorti tar-rinviju, li d-Direttiva 2014/24 tipprevedi espressament il-possibbiltà għal ċerti proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt minbarra l-proċeduri miftuħa li jiżvolġu f’fażijiet suċċessivi, li huwa l-każ tal-proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar (Artikolu 29(6)), tal-proċedura bi djalogu kompetittiv (Artikolu 30(4)), jew ulterjorment tal-proċedura ta’ sħubija għall-innovazzjoni (Artikolu 31(5)).

35

Fil-fatt, hekk kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li d-Direttiva 2014/24 tirriżerva għal ċerti proċeduri, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 29(6), fl-Artikolu 30(4) u fl-Artikolu 31(5) tagħha, il-possibbiltà li dawn jiżvolġu f’fażijiet suċċessivi, ma tippermettix il-konklużjoni li evalwazzjoni f’żewġ fażijiet tal-offerti, biss matul il-fażi ta’ għoti ta’ kuntratt, ma tkunx ammissibbli fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li, hekk kif sostniet il-Kummissojni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-possibbiltà offerta lill-awtorità kontraenti mill-imsemmija dispożizzjonijiet li teskludi offerti li, minkejja li josservaw ir-rekwiżiti minimi, ma jirriżultawx fost l-aħjar fosthom, hija ġġustifikata bin-natura speċifika tal-proċeduri kkonċernati, li fil-kuntest tagħhom in-negozjar jew id-djalogu jkun jista’ jirriżulta diffiċli li kieku numru eċċessiv ta’ offerti jew ta’ soluzzjonijiet kellu jinżamm sal-fażi finali tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

37

Madankollu, il-kawża prinċipali tirrigwrda sitwazzjoni differenti minn dawk fid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jirriżultax li l-awtorità kontraenti għandha l-possibbiltà li teskludi offerti li jissodisfaw il-kriterji ta’ għoti u li jilqgħu biss l-aħjar offerti. Għall-kuntrarju, konformement mal-imsemmija speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-uniċi offerti li l-awtorità kontraenti hija awtorizzata teskludi mill-evalwazzjoni bbażata fuq il-prezzijiet huma dawk li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi relatati mal-evalwazzjoni teknika u għaldaqstant mal-ħtiġijiet tal-awtorità kontraenti. Issa, tali metodu ta’ aġir ma għandux l-għan li jillimita n-numru ta’ offerti sottomessi għall-evalwazzjoni bbażata fuq il-prezz, ġaladarba l-offerti kollha mressqa jistgħu, bħala prinċipju, jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti minimi.

38

Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jitfakkar li l-awtoritajiet kontraenti għandhom, matul il-proċedura, josservaw il-prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratt iddikjarati fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, fost liema jinsabu, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità.

39

Fid-dawl tal-punti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li d-Direttiva 2014/24 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-awtoritajiet kontraenti l-jedd li jimponu, fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt skont proċedura miftuħa, rekwiżiti minimi fir-rigward tal-evalwazzjoni teknika, b’tali mod li l-offerti sottomessi li ma jiksbux limitu minimu ta’ punti predeterminat fi tmiem din l-evalwazzjoni jiġu esklużi mill-evalwazzjoni ulterjuri bbażata kemm fuq kriterji tekniċi kif ukoll fuq il-prezz.

Fuq it-tieni domanda

40

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-awtoritajiet kontraenti l-jedd li jimponu, fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt skont proċedura miftuħa, rekwiżiti minimi fir-rigward tal-evalwazzjoni teknika, b’tali mod li l-offerti sottomessi li ma jiksbux limitu minimu ta’ punti predeterminat fi tmiem din l-evalwazzjoni jiġu esklużi mill-fażijiet suċċessivi tal-għoti tal-kuntratt, u dan, indipendentement min-numru ta’ offerenti li jkun fadal.

41

F’dan ir-rigward, sa fejn, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet magħmula mid-Direttiva 2014/24, b’mod partikolari fl-Artikoli 18 u 67 tagħha, ġew applikati korrettament, jeħtieġ li jiġi ddikjarat li kompetizzjoni effettiva ġiet żgurata mill-awtorità kontraenti. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi ppreċiżat mill-ewwel li anki jekk, wara l-evalwazzjoni teknika, ikun għad fadal biss offerta waħda li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtorità kontraenti, din tal-aħħar bl-ebda mod ma hi marbuta taċċettaha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 1999, Fracasso u Leitschutz, C‑27/98, EU:C:1999:420, punti 32 sa 34). F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk l-awtorità kontraenti tqis li l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt hija, fid-dawl tal-partikolaritajiet u tas-suġġett tal-kuntratt ikkonċernat, ikkaratterizzata minn nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva, ikun possibbli li din il-proċedura tingħalaq u, fil-każ ta’ bżonn, tinbeda proċedura ġdida bi kriterji ta’ għoti differenti.

42

Ċertament, skont l-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24, l-awtoritajiet kontraenti, meta jirrikorru għall-possibbiltà li jnaqqsu n-numru ta’ offerti li għandhom jiġu nnegozjati, prevista fl-Artikolu 29(6) ta’ din id-direttiva, jew dik li jnaqqsu n-numru ta’ soluzzjonijiet li għandhom jiġu diskussi, prevista fl-Artikolu 30(4) tal-imsemmija direttiva, għandhom iwettqu dan it-tnaqqis billi japplikaw il-kriterji ta’ għoti indikati fid-dokumenti tal-kuntratt, b’tali mod li n-numru ta’ offerti meħuda inkunsiderazzjoni fil-fażi finali jippermetti li tiġi żgurata kompetizzjoni reali, sa fejn ikun hemm numru suffiċjenti ta’ offerti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa.

43

Madankollu, għar-raġunijiet imfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-kawża prinċipali tirrigwarda sitwazzjoni differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 29(6) u l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2014/24, b’tali mod li ma taqax taħt l-Artikolu 66 tagħha. Għalhekk, il-ħtieġa li tiġi żgurata kompetizzjoni reali sal-fażi finali tal-proċedura, prevista f’dan l-aħħar artikolu, ma tirrigwardax il-proċeduri miftuħa bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

44

Fid-dawl tal-punti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-awtoritajiet kontraenti l-jedd li jimponu, fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt skont proċedura miftuħa, rekwiżiti minimi fir-rigward tal-evalwazzjoni teknika, b’tali mod li l-offerti sottomessi li ma jiksbux limitu minimu ta’ punti predeterminat fi tmiem din l-evalwazzjoni jiġu esklużi mill-fażijiet suċċessivi tal-għoti tal-kuntratt, u dan, indipendentement min-numru ta’ offerenti li jkun fadal.

Fuq it-tielet domanda

45

Peress li t-tielet domanda saret biss fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-awtoritajiet kontraenti l-jedd li jimponu, fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt skont proċedura miftuħa, rekwiżiti minimi fir-rigward tal-evalwazzjoni teknika, b’tali mod li l-offerti sottomessi li ma jiksbux limitu minimu ta’ punti predeterminat fi tmiem din l-evalwazzjoni jiġu esklużi mill-evalwazzjoni ulterjuri bbażata kemm fuq kriterji tekniċi kif ukoll fuq il-prezz.

 

2)

L-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-awtoritajiet kontraenti l-jedd li jimponu, fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt skont proċedura miftuħa, rekwiżiti minimi fir-rigward tal-evalwazzjoni teknika, b’tali mod li l-offerti sottomessi li ma jiksbux limitu minimu ta’ punti predeterminat fi tmiem din l-evalwazzjoni jiġu esklużi mill-fażijiet suċċessivi tal-għoti tal-kuntratt, u dan, indipendentement min-numru ta’ offerenti li jkun fadal.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.