SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ April 2018 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Regolament (KE) Nru 1072/2009 – Artikolu 2(6) – Artikolu 8 – Operazzjonijiet ta’ kabotaġġ – Kunċett – Definizzjoni inkluża f’dokument ‘Mistoqsijiet & Tweġibiet’ li stabbiliet il-Kummissjoni Ewropea – Valur legali – Miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni li jillimitaw in-numru ta’ punti ta’ tagħbija u punti ta’ ħatt li jistgħu jagħmlu parti mill-istess operazzjonijiet ta’ kabotaġġ – Marġni diskrezzjonali – Restrizzjoni – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑541/16,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-25 ta’ Ottubru 2016

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Hottiaux, L. Grønfeldt u U. Nielsen, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat inizjalment minn C. Thorning, sussegwentement minn J. Nymann-Lindegren u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ottubru 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 2(6), u l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU 2009, L 300, p. 72).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1072/2009

2

Ir-Regolament Nru 1072/2009 għandu bħala għan l-istabbiliment ta’ politika komuni tat-trasport inter alia, l-istipular ta’ regoli komuni applikabbli għall-aċċess għas-suq fit-trasport bit-triq internazzjonali ta’ merkanzija fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi tat-trasport fi Stat Membru. Dan ir-regolament jistabbilixxi l-prinċipju li bih it-trasport internazzjonali għandu jkun imwettaq taħt il-kopertura ta’ liċenzja Komunitarja. Din tista’ tingħata lil kwalunkwe trasportatur li qed iġorr merkanzija bit-triq f’isem ħaddieħor.

3

Il-premessi 4 sa 6, 13 u 15 tar-Regolament Nru 1072/2009 jistabbilixxu:

“(4)

L-istabbiliment ta’ politika tat-trasport komuni timplika t-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha kontra l-persuna li tipprovdi s-servizzi ta’ trasport fuq bażi taċ-ċittadinanza jew il-fatt li hija stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak fejn ikun ser jiġi provdut is-servizz.

(5)

Sabiex dan jinkiseb mingħajr xkiel u flessibbilment, għandha ssir disposizzjoni għal reġim transizzjonali ta’ kabotaġġ sakemm l-armonizzazzjoni tas-suq tat-trasport bit-triq tal-merkanzija ma tkunx ġiet kompluta.

(6)

It-twettiq gradwali ta’ suq Ewropew wieħed għandha twassal għall-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-swieq domestiċi tal-Istati Membri. Minkejja dan, dan it-twettiq għandu jieħu kont tal-effettività tal-kontrolli u l-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet tal-impjieg fil-professjoni, l-armonizzazzjoni ta’ regoli fl-oqsma, inter alia, tal-infuzar u l-ħlasijiet tal-utenti tat-triq, u l-leġiżlazzjoni soċjali u dwar is-sikurezza. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni tas-suq kif ukoll l-armonizzazzjoni hawn fuq msemmija, u għandha tipproponi, jekk ikun xieraq, il-ftuħ aktar tas-swieq domestiċi tat-trasport bit-triq, inkluż il-kabotaġġ.

[…]

(13)

Trasportaturi li jkollhom liċenzi Komunitarji kif previst f’dan ir-Regolament u trasportaturi awtorizzati li joperaw ċerti kategoriji ta’ servizzi internazzjonali ta’ trasport ta’ merkanzija għandhom ikunu permessi li jwettqu servizzi nazzjonali ta’ trasport fuq bażi temporanja fi Stat Membru fuq bażi temporanja, f’konformità ma’ dan ir-Regolament mingħajr ma jkollhom uffiċċju reġistrat jew stabbiliment ieħor hemmhekk. […]

[…]

(15)

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment, operazzjonijiet ta’ kabotaġġ jikkonsistu fl-għoti ta’ servizzi minn trasportaturi fi Stat Membru fejn ma jkunux stabbiliti, u m’għandhomx ikunu pprojbiti sakemm ma jitwettqux b’mod li joħloq attività permanenti jew kontinwa f’dak l-Istat Membru. Biex jgħin fl-infurzar ta’ din il-ħtieġa, il-frekwenza tal-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ u l-perijodu meta dawn jistgħu jitwettqu għandhom ikunu definiti b’mod iktar ċar. Fl-imgħoddi, servizzi ta’ trasport nazzjonali bħal dawn kienu permessi fuq bażi temporanja. Fil-prattika, kien diffiċli li jiġi aċċertat liema servizzi huma permessi. Huma għalhekk meħtieġa regoli ċari u faċilment infurzabbli.”

4

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1072/2009, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(6)

‘operazzjonijiet ta’ kabotaġġ’ tfisser trasport nazzjonali għall-kiri jew għall-kumpens imwettaq fuq bażi temporanja fi Stat Membru ospitanti f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

[…]”

5

Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1072/2009, intitolat “Kabotaġġ”, jinkludi l-Artikolu 8, li jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“(1)   . Kull trasportatur b’kiri jew qligħ, li huwa detentur ta’ liċenza Komunitarja u li x-xufier tiegħu, jekk ikun ċittadin ta’ pajjiż terz, ikollu l-attestazzjoni tax-xufier, ikun intitolat, permezz tal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu, iwettaq operazzjonijiet ta’ kabotaġġ.

(2)   . Ladarba l-merkanzija li tinġarr tul vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel tiġi kkunsinjata, it-trasportaturi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikun permessi jwettqu, bl-istess vettura, jew, fil-każ ta’ vetturi mgħaqqdin, il-vettura bil-mutur ta’ dik l-istess vettura, sa tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ wara t-trasport internazzjonali minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz għall-Istat Membru ospitanti. L-aħħar ħatt tul operazzjoni tal-kabotaġġ qabel it-tluq mill-Istat Membru ospitanti għandu jsseħħ fi żmien sebat ijiem mill-aħħar ħatt fl-Istat Membru ospitanti waqt il-vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel.

Fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu, it-trasportaturi jistgħu jwettqu wħud mill-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, jew kollha kemm huma, permessi taħt dak is-subparagrafu fi kwalunkwe Stat Membru bil-kondizzjoni li jkunu limitati għal operazzjoni ta’ kabotaġġ waħda għal kull Stat Membru fi żmien tlett ijiem mid-dħul mhux mgħobbi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.”

Id-dritt Daniż

6

Il-punt 3 tal-Cabotagevejledning gældende fra den 14. maj 2010. En vejledning om cabotagereglerne i Europarlamentets og Rådets forordning nr. 1072/2009 om fælles regler for adgang til markedet for international godskørsel (il-Linji Gwida tal-14 ta’ Mejju 2010 fuq ir-regoli dwar il-kabotaġġ fit-triq fir-Regolament Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ”), li t-Trafikstyrelsen (l-Uffiċċju tat-Trasport, id-Danimarka), ippubblika fuq is-sit internet tiegħu fil-21 ta’ Mejju 2010, jindika:

“operazzjonijiet ta’ kabotaġġ huma ddefiniti bħala trasport nazzjonali ta’ kunsinna mill-ġbir tal-oġġetti sakemm jaslu għand id-destinatarju kif speċifikat fin-nota tal-kunsinna. Trasport ta’ kabotaġġ jista’ jinvolvi diversi punti ta’ tagħbija jew diversi punti ta’ ħatt.”

Il-proċedura prekontenzjuża

7

Fit-2 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari mingħand ir-Renju tad-Danimarka fi ħdan il-qafas ta’ fajl pilota tal-UE (Nru 5703/13), sabiex tkun tista’ tevalwa jekk il-leġiżlazzjoni Daniża dwar it-trasport tal-kabotaġġ kienet kompatibbli mar-Regolament Nru 1072/2009 u għamel tliet ilmenti bbażati, rispettivament, fuq l-obbligu li jintbagħtu d-dokumenti rilevanti fl-istess żmien tal-kontroll tal-osservanza tar-regoli ta’ kabotaġġ, tal-livell tal-multi imposti fuq trasportaturi għall-ksur ta’ dawn ir-regoli u l-limitazzjoni imposta fuq il-possibbiltà li jitwettqu trasport ta’ kabotaġġ li jinkludi diversi punti tat-tagħbija u diversi punti ta’ ħatt.

8

Ir-Renju tad-Danimarka wieġeb għal din it-talba b’ittri tat-18 ta’ Novembru u tat-12 ta’ Diċembru 2013.

9

Billi dawn ir-risposti ma kinux sodisfaċenti, il-Kummissjoni bagħtet, fil-11 ta’ Lulju 2014, ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru, filwaqt li tenniet it-tliet ilmenti msemmija fil-punt 7 ta’ din is-sentenza.

10

Permezz ta’ ittra tat-9 ta’ Settembru 2014, ir-Renju tad-Danimarka kkontesta l-imsemmija lmenti.

11

Fil-25 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju tad-Danimarka opinjoni motivata li fiha hija indikat li kienet issodisfatta mill-ispjegazzjonijiet tal-awtoritajiet Daniżi u l-emenda fil-leġiżlazzjoni Daniża fir-rigward tal-ilment dwar l-obbligu li jiġu ppreżentati dokumenti rilevanti fl-istess mument tal-kontroll. L-opinjoni motivata kienet tirrigwarda għalhekk biss iż-żewġ ilmenti l-oħra.

12

Ir-Renju tad-Danimarka rrisponda għal din l-opinjoni motivata b’ittra tal-25 ta’ Novembru 2015, li fiha pprovda kjarifiki addizzjonali.

13

Il-Kummissjoni kienet issodisfatta bl-ispjegazzjonijiet dwar ilment dwar il-livell tal-multi imposti fuq it-trasportaturi għall-ksur tar-regoli dwar il-kabotaġġ. Hija, għalhekk, iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors, iżda billi llimitat il-portata tiegħu għall-ilment dwar il-limitazzjoni tan-numru ta’ punti ta’ tagħbija u ta’ punti ta’ ħatt li jistgħu jiġu inklużi f’trasport ta’ kabotaġġ.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

14

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-kunċett ta’ “trasport ta’ kabotaġġ” imsemmi fl-Artikolu 2(6), u fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istess trasport ta’ kabotaġġ jista’ jinvolvi diversi punti tat-tagħbija, diversi punti ta’ ħatt, jew diversi punti tat-tagħbija u diversi punti ta’ ħatt.

15

Il-Kummissjoni ssostni li, waqt il-laqgħa tal-Kumitat dwar it-Trasport bit-Triq tal-25 ta’ Ottubru 2010, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri rnexxielhom jaqblu dwar din l-interpretazzjoni, li ġiet ippubblikata fis-sit internet tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Mobilità u Trasport” tal-Kummissjoni, fil-forma ta’ dokument “Mistoqsijiet u tweġibiet”, u li, għaldaqstant, timponi fuq l-Istati Membri kollha.

16

Il-Kummissjoni tqis li, sa fejn il-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ adottati mir-Renju tad-Danimarka jipprevedu li trasport ta’ kabotaġġ jista’ jinvolvi jew diversi punti tat-tagħbija, jew diversi punti ta’ ħatt, ma jkunux konformi ma’ din l-interpretazzjoni, u lanqas mal-għan segwit mir-Regolament Nru 1072/2009.

17

Fl-aħħar nett, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tirrifjuta l-argument tar-Renju tad-Danimarka bbażat fuq il-fatt li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jadottaw miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni bil-għan li tiġi ċċarata d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “trasport ta’ kabotaġġ”, fis-sens tar-Regolament Nru 1072/2009. Skont din l-istituzzjoni, tali marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax jeżisti, peress li dan il-kunċett ġie armonizzat permezz tal-Artikolu 2(6), u l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament u li, f’kull każ, il-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ ma humiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

18

Ir-Renju tad-Danimarka jikkontesta l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “trasport ta’ kabotaġġ” issuġġerita mill-Kummissjoni. Huwa jirrileva li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 jipprevedi biss li jistgħu jitwettqu bl-istess vettura, sa tliet trasporti bil-kabotaġġ, iżda ma jispeċifikax l-għadd ta’ punti ta’ tagħbija u ta’ ħatt li l-istess trasport ta’ kabotaġġ jista’ jinvolvi. B’hekk, dan ir-regolament ma huwiex ċar f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett.

19

Dan in-nuqqas ta’ ċarezza huwa kkorroborat mill-fatt li r-regoli dwar l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ previsti fir-Regolament Nru 1072/2009 għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod differenti fl-Istati Membri, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-paġni 18 u 19 tar-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Istat tas-Suq tat-Trasport bit-Triq tal-Unjoni Ewropea (COM(2014) 222 finali). Barra minn hekk, il-Kummissjoni nfisha rrikonoxxiet li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ trasport ta’ kabotaġġ li tinsab fir-Regolament Nru 1072/2009 hija problematika u tipprevedi li jiġi rrevedut dak ir-regolament sabiex tindirizzaha.

20

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ trasport ta’ kabotaġġ ġiet iċċarata wara laqgħa tal-Kumitat għat-Trasport u li d-definizzjoni l-ġdida stabbilita mir-rappreżentanti tal-Istati Membri f’din l-okkażjoni jidher f’dokument “Mistoqsijiet u tweġibiet” li torbot l-Istati Membri, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li dan id-dokument ma għandu ebda valur legali u li d-definizzjoni li hemm fiha ma tistrieħx fuq ftehim bejn l-Istati Membri.

21

Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 48 tas-sentenza tat-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter (C‑316/10, EU:C:2011:863), li, meta regolament għandu nuqqas ta’ ċarezza, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jadottaw miżuri fil-livell nazzjonali biex jiġi indirizzat, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati u konformi mal-għanijiet imfittxija mir-regolament inkwistjoni.

22

Dan l-Istat Membru josserva li, skont l-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009, moqrija fid-dawl tal-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa li jiġi llimitat it-trasport nazzjonali ta’ merkanzija bit-triq fl-Istat Membru ospitanti li għandu jitwettaq minn trasportatur bit-triq mhux residenti billi jipprojbixxi, b’mod partikolari, it-trasport ta’ kabotaġġ mwettaq b’mod li joħloq attività permanenti jew kontinwa f’dak l-Istat Membru.

23

Issa, jekk ebda restrizzjoni ma kienet applikata għan-numru ta’ punti ta’ tagħbija u ta’ ħatt, ikun possibbli għat-trasportatur tat-triq mhux residenti, li jwettaq numru kbir ta’ operazzjonijiet ta’ trasport fl-Istat Membru ospitanti u li jitqiesu bħala li jikkostitwixxu l-istess trasport ta’ kabotaġġ, b’mod li l-limitazzjoni għal tliet trasport prevista mir-Regolament Nru 1072/2009 tista’ tiġi evitata.

24

Ir-Renju tad-Danimarka jiddeduċi li, peress li huma jiżguraw in-natura temporanja tal-kabotaġġ u jgħinu biex itejbu l-fattur tal-piż tat-trakkijiet u biex jiġi evitat it-trasport mhux mgħobbi għall-benefiċċju tal-effiċjenza tat-trasport, il-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ huma konformi mal-għan segwit mir-Regolament Nru 1072/2009. Dawn il-miżuri jistgħu, barra minn hekk, iżidu ċ-ċertezza legali u li tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontroll tal-osservanza tal-imsemmi regolament.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25

Bil-għan li tittieħed deċiżjoni fuq il-fondatezza ta’ dan ir-rikors, għandu jitfakkar li, preliminarjament, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa l-oneru tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma l-Kummissjoni ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑287/03, EU:C:2005:282, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Malta, C‑376/09, EU:C:2011:320, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, il-Kummissjoni takkuża lir-Renju tad-Danimarka li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 2(6), u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009 billi adotta miżuri implimentattivi nazzjonali biex jiċċara l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “trasport ta’ kabotaġġ”, fis-sens tal-imsemmi regolament, filwaqt li dan l-Istat Membru ma kellux kompetenza f’dan il-qasam. Fi kwalunkwe każ, dawn il-miżuri ma humiex konformi ma’ l-għan segwit mir-Regolament Nru 1072/2009.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm, minħabba n-natura tagħhom stess u l-funzjoni tagħhom fl-iskema ta’ sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr ma jkun neċessarju li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri ta’ applikazzjoni, uħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom jistgħu jeħtieġu, madankollu, għall-implementazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri (sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter, C‑316/10, EU:C:2011:863, punti 3940, kif ukoll tat-30 ta’ Marzu 2017, Lingurár, C‑315/16, EU:C:2017:244, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Huwa stabbilit li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni ta’ regolament jekk ma jostakolawx l-applikabbiltà diretta tiegħu, jekk ma jaħbux in-natura tiegħu ta’ att ta’ dritt tal-Unjoni u jekk jispeċifikaw l-eżerċizzju ta’ marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom minn dan ir-regolament filwaqt li jibqgħu fil-parametri tad-dispożizzjonijiet tiegħu (sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter, C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 41, kif ukoll tat-30 ta’ Marzu 2017, Lingurár, C‑315/16, EU:C:2017:244, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Huwa b’riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolament inkwistjoni, interpretati fid-dawl tal-għanijiet ta’ dan, li għandu jiġi stabbilit jekk dawn jipprojbixxux, jimponux jew jippermettux lill-Istati Membri li jadottaw ċerti miżuri ta’ applikazzjoni u, b’mod partikolari f’din l-aħħar ipoteżi, jekk il-miżura kkonċernata tidħolx fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lil kull Stat Membru (sentenza tat-30 ta’ Marzu 2017, Lingurár, C‑315/16, EU:C:2017:244, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1072/2009, jiġifieri l-Artikolu 2(6), u l-Artikolu 8 ta’ dan tal-aħħar, ma għandhomx jawtorizzaw espliċitament lill-Istati Membri jadottaw miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni rigward it-trasport ta’ kabotaġġ.

31

Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza u kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni ta’ regolament anki jekk dan ma jawtorizzahomx espressament.

32

B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punti 48 sa 50 tas-sentenza tat-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter (C‑316/10, EU:C:2011:863), fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU 2005, L 3, p. 1), ċertu marġni ta’ diskrezzjoni li għandha tiġi rikonoxxuta lill-Istati Membri li jippermettilhom jadottaw miżuri nazzjonali li jistabbilixxu standards numeriċi dwar l-għoli tal-kompartimenti interni maħsuba għat-trasport ta’ ħnieżer bit-triq, sa fejn, anki jekk l-imsemmi regolament ma kienx jawtorizza espressament lill-Istati Membri biex jadottaw dawn l-istandards, dan ma stabbilixxiex b’mod preċiż l-għoli ta’ dawn il-kompartimenti.

33

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 36 u 40 sa 43 tas-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et (C‑367/09, EU:C:2010:648), li, anki jekk r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), ma kienx jawtorizza espressament lill-Istati Membri li jagħmlu dan, peress li dawn tal-aħħar ma kinux fid-dritt li jadottaw miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni li jipprevedu s-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni li jippreġudika l-baġit tal-Unjoni, fid-dawl tal-fatt li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi regolament kienu limitati li jistabbilixxu regoli ġenerali u li huma ma kinux speċifikaw f’liema sitwazzjoni u lanqas għal liema persuna għandha tapplika kull sanzjoni.

34

Għalhekk huwa importanti, bl-istess mod, li jiġi vverifikat jekk, hekk kif isostni r-Renju tad-Danimarka, il-kunċett ta’ “trasport ta’ kabotaġġ”, kif iddefinit fir-Regolament Nru 1072/2009, għandu nuqqas ta’ preċiżjoni, b’mod partikolari rigward il-kwistjoni jekk trasport ta’ kabotaġġ tista’ tinvolvi diversi punti tat-tagħbija u diversi punti ta’ ħatt, b’mod li l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni li jispeċifikaw il-portata ta’ dan il-kunċett tidher ġustifikata.

35

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1072/2009 jiddefinixxi l-kunċett ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ bħala “trasport nazzjonali għall-kiri jew għall-kumpens imwettaq fuq bażi temporanja fi Stat Membru ospitanti”, mingħajr madankollu ma tippreċiża bl-ebda mod, in-numru ta’ punti ta’ tagħbija jew ta’ ħatt li jista’ jkollu dan it-trasport.

36

L-Artikolu 8(2) tal-istess regolament jipprevedi li, ladarba l-merkanzija ttrasportata matul operazzjoni ta’ ġarr internazzjonali lejn l-Istat Membru ospitanti ġiet ikkunsinnata, it-trasportaturi tat-triq mhux residenti huma awtorizzati jwettqu sa tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ konsekuttivi għal trasport internazzjonali ġejjin minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz għall-Istat Membru ospitanti. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li l-aħħar ħatt tul operazzjoni tal-kabotaġġ qabel it-tluq mill-Istat Membru ospitanti għandu jsseħħ fi żmien sebat ijiem mill-aħħar ħatt fl-Istat Membru ospitanti waqt l-operazzjoni ta’ trasport internazzjonali għad-destinazzjoni tiegħu.

37

Jekk jirriżulta mit-termini “l-aħħar ħatt tul operazzjoni tal-kabotaġġ” li jinsab f’dan l-artikolu li operazzjoni ta’ kabotaġġ tista’ tinvolvi diversi punti ta’ ħatt, din id-dispożizzjoni madankollu ma tgħidx jekk operazzjoni ta’ kabotaġġ tista’ tinvolvi wkoll diversi punti tat-tagħbija.

38

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem rispettiv tal-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 ma jippermettux li tingħata risposta għall-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “operazzjoni ta’ kabotaġġ” previst mill-imsemmi regolament għandu jinftiehem fis-sens li operazzjoni ta’ kabotaġġ tista’ tinvolvi diversi punti tat-tagħbija u diversi punti ta’ ħatt.

39

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet, il-fatt li dispożizzjoni hija fformulata f’termini ġenerali jew mhux preċiżi hija indikazzjoni li huma meħtieġa li jiġu adottati miżuri domestiċi ta’ applikazzjoni.

40

Barra minn hekk, l-għan tar-Regolament Nru 1072/2009 li jikkonsisti, skont il-premessa 26 tagħha, li toffri qafas koerenti għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq madwar l-Unjoni, dan ir-regolament ma jipprekludix li Stat Membru jadotta ċerti miżuri għall-applikazzjoni ta’ dak ir-regolament. Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kabotaġġ, il-premessa 5 tal-istess regolament tispeċifika li jeħtieġ jiġu previsti arranġamenti tranżitorji għal dan it-tip ta’ trasport, sakemm l-armonizzazzjoni tas-suq tat-trasport bit-triq ma tkunx ġiet kompluta.

41

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex jiġi deċiż meta l-limitu ta’ tliet operazzjonijiet ta’ trasport previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 għandha tiġi kkunsidrata bħala li ntlaħaq, għandu jiġi ddeterminat jekk trasport b’diversi punti tat-tagħbija u diversi punti ta’ ħatt jikkostitwixxix wieħed u l-istess operazzjoni ta’ kabotaġġ jew diversi operazzjonijiet tat-trasport ta’ kabotaġġ.

42

Fit-tielet lok, huwa stabbilit li l-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ kabotaġġ”, fis-sens tar-Regolament Nru 1072/2009, huwa suġġett għal interpretazzjoni differenti skont l-Istati Membri. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka u, sa dan l-aħħar, ir-Repubblika tal-Finlandja, jikkunsidraw li operazzjoni ta’ kabotaġġ ma tkunx tista’ tinvolvi diversi punti tat-tagħbija u diversi punti ta’ ħatt. Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u r-Repubblika tal-Polonja għandhom jippermettu diversi punti tat-tagħbija u diversi punti ta’ ħatt fl-ipoteżi ta’ kuntratt uniku ta’ trasport jew meta l-merkanzija tkun tal-istess speditur jew destinatarju. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tal-Isvezja jqisu li operazzjoni ta’ kabotaġġ tista’ dejjem tinvolvi diversi punti tat-tagħbija u diversi punti ta’ ħatt. Issa, tali diverġenza ta’ interpretazzjoni jirrifletti nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-Regolament Nru 1072/2009 f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ.

43

Fir-raba’ lok, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet, kemm fil-punt 19 tar-rapport tagħha COM(2014) 222 finali kif ukoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub u matul is-seduta, il-ħtieġa li jiġi ċċarat il-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ kabotaġġ”, fis-sens tar-Regolament Nru 1072/2009.

44

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk l-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009 ma jipprevedux espressament l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex ċari f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, b’mod li għandu jiġi rikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jadottaw tali miżuri.

45

Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 u 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur (COM(2017) 281 finali), li b’mod partikolari jkollhom l-għan li jemendaw ir-Regolament Nru 1072/2009 fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ kabotaġġ mogħtija fl-Artikolu 2(6) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, din il-proposta għadha tinsab fl-istadju tad-diskussjonijiet, hija irrilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

46

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’operazzjonijiet tal-kabotaġġ kienet iċċarata f’dokument “Mistoqsijiet u tweġibiet” adottat b’segwitu għal-laqgħa tal-Kumitat dwar it-Trasport bit-Triq tal-25 ta’ Ottubru 2010, lanqas dan ma jista’ jintlaqa’.

47

Fil-fatt, anki jekk, kif issostni l-Kummissjoni, dan id-dokument ġie ppubblikat fis-sit onlajn tad-DĠ għall-“Mobilità u t-Trasport” ta’ din l-istituzzjoni, dan ma jkunx ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 82 sa 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 2(2) tar-Regoli tal-Proċedura għall-Kumitat għat-Trasport bit-Triq jipprevedi li l-aġenda mfassla għal kull laqgħa għandha tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa waħda, miżuri proposti li fuqhom dan il-kumitat hu mitlub jagħti opinjoni, skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju, min-naħa l-oħra, kwistjonijiet oħra mqiegħda quddiem dak il-kumitat għal informazzjoni jew skambju sempliċi ta’ fehmiet. Issa, jirriżulta mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ kabotaġġ”, kif tinsab fid-dokument imsemmi, kien jidher effettivament fl-aġenda tal-laqgħa tal-Kumitat dwar it-Trasport bit-Triq tal-25 ta’ Ottubru 2010, iżda dan il-punt ma ġiex ippreżentat għall-vot. Għaldaqstant, din l-interpretazzjoni ma tistax titqies li tirriżulta minn ftehim bejn ir-rappreżentanti tal-Istati Membri. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni nnifisha rrikonoxxiet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll waqt is-seduta, li l-istess dokument ma għandux natura legalment vinkolanti.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi allegat fil-konfront tar-Renju tad-Danimarka li adotta miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1072/2009 u, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 2(6) kif ukoll tal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, għall-finijiet li tiġi ppreċiżata l-portata tal-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ kabotaġġ”, fis-sens ta’ dan l-aħħar, bil-ħsieb tal-applikazzjoni tiegħu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

49

Madankollu għandu jiġi vverifikat jekk il-miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni adottati mir-Renju tad-Danimarka, jiġifieri l-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ, huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

50

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li japplika b’mod partikolari għall-awtoritajiet leġiżlattivi u regolatorji tal-Istati Membri meta japplikaw id-dritt tal-Unjoni, jirrikjedi li miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni għandhom ikunu xierqa sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dan jintlaħaq (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter, C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 52).

51

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-natura adegwata tal-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ sabiex jilħqu l-għan imfittex mir-Regolament Nru 1072/2009 fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ trasport, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li, billi jipprojbixxi lit-trasportaturi bit-triq mhux residenti li jwettqu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ li jinkludu diversi punti tat-tagħbija u diversi punti ta’ ħatt, dawn il-miżuri għandhom l-għan li jiżguraw, b’mod partikolari, li l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ ma jiġux imwettqa b’mod li joħloq attività permanenti jew kontinwa.

52

Hemm lok li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li peress li r-Regolament Nru 1072/2009 huwa intiż, skont il-premessa 5 tiegħu, għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ kabotaġġ tranżizzjonali, l-Istati Membri ma humiex obbligati jiftħu kompletament is-swieq nazzjonali għal trasportaturi bit-triq mhux residenti. B’hekk, l-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-kabotaġġ huwa permess biss wara trasport internazzjonali u huwa limitat għal tliet operazzjonijiet fi żmien sebat ijiem mill-aħħar ħatt ta’ dak it-trasport internazzjonali. Barra minn hekk, il-premessi 13 u 15 tar-Regolament Nru 1072/2009 jenfasizzaw in-natura temporanja tal-kabotaġġ u jindikaw, b’mod partikolari, li l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ ma għandhomx isiru b’mod li joħloq attività permanenti jew kontinwa fi ħdan l-Istat Membru ospitanti.

53

Issa, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 66 u 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li jiġi permess lit-trasportaturi bit-triq mhux residenti li jwettqu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ li jinkludu għadd bla limitu ta’ punti ta’ tagħbija u ta’ ħatt jista’ jrendi ineffettiv il-limitu ta’ tliet operazzjonijiet ta’ trasport previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 u, għalhekk, imur kontra n-natura temporanja tal-kabotaġġ kif ukoll għall-għan imfittex minn dan ir-regolament fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ trasport. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, in-natura temporanja tal-kabotaġġ huwa ggarantit biss bil-limitu ta’ sebat ijiem previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009.

54

Għalhekk, il-projbizzjoni prevista mil-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ hija ta’ tali natura li tiggarantixxi l-osservanza tal-limitu ta’ tliet operazzjonijiet ta’ trasport previst fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament.

55

Konsegwentement, dawn il-miżuri għandhom ikunu xierqa sabiex jilħqu l-għan imfittex mir-Regolament Nru 1072/2009 fir-rigward tal-kabotaġġ.

56

It-tieni nett, għandu jiġi vverifikat jekk il-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

57

Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li r-restrizzjoni tan-numru ta’ punti ta’ tagħbija u ta’ ħatt li jistgħu jinkludu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, previst fil-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ, ikun meħtieġ biex tkun żgurata n-natura temporanja għall-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ u ma għandhiex tkun wisq restrittiva peress li dawn il-linji gwida ma għandhomx jestendu sakemm jipprevedu li operazzjoni ta’ kabotaġġ tista’ tinvolvi biss punt ta’ tagħbija u punt ta’ ħatt.

58

Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ jipprevedu li operazzjoni ta’ kabotaġġ tista’ tinvolvi diversi punti tat-tagħbija, jew diversi punti ta’ ħatt. Dawn il-miżuri għaldaqstant ma jillimitawx in-numru ta’ konsenjaturi jew ta’ prinċipali għall-istess operazzjoni ta’ kabotaġġ u jippermettu impliċitament li operazzjoni ta’ kabotaġġ tista’ tinvolvi diversi punti tat-tagħbija u punt tal-ħatt jew diversi punti ta’ ħatt u punt ta’ tagħbija.

59

Minn dan isegwi li, skont il-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ, huma biss l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ li jinkludu diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt li huma pprojbiti.

60

Għalhekk, dawn il-miżuri ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex mir-Regolament Nru 1072/2009.

61

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni baqgħet ma wrietx li, bl-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni biex jiċċara l-kunċett ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fis-sens tar-Regolament Nru 1072/2009, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8 ta’ dak ir-regolament.

63

Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

64

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Renju ta’ Danimarka.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.