SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni tas-sajd – Regolament (UE) Nru 1380/2013 – Artikolu 16(6) u Artikolu 17 – Allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi metodu bbażat fuq kriterji oġġettivi u trasparenti – Kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni mhux ugwali bejn l-operaturi tas-settur – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 16 u 20 – Libertà ta’ intrapriża – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑540/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema, Il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura

“Spika” UAB,

“Senoji Baltija” AB,

“Stekutis” UAB,

“Prekybos namai Aistra” UAB

vs

Žuvininkystės tarnyba prie Lietuvos Respublikos žemės ūkio ministerijos,

fil-preżenza ta’:

Lietuvos Respublikos žemės ūkio ministerija,

“Sedija” BUAB,

V. Malinausko gamybinė-komercinė firma “Stilma”,

“Starkis” UAB,

“Banginis” UAB

“Baltijos šprotai” UAB,

“Monistico” UAB,

“Ramsun” UAB,

“Rikneda” UAB,

“Laivitė” AB,

“Baltijos jūra” UAB,

“Baltlanta” UAB,

“Grinvita” UAB,

“Strimelė” UAB,

“Baltijos žuvys” BUAB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Banginis” UAB, minn E. Bernotas, L. Sesickas u J. Poderis, advokatė,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u G. Taluntytė, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u S. Horrenberger kif ukoll minn E. de Moustier, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(5)(c), tal-Artikolu 16(6) u tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22), kif ukoll tal-Artikoli 16 u 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “Spika” UAB, “Senoji Baltija” AB, “Stekutis” UAB u “Prekybos namai Aistra UAB (iktar ’il quddiem, flimkien “Spika et”), erba’ operaturi Litwani tas-settur tas-sajd, u Žuvininkystės tarnyba prie Lietuvos Respublikos žemės ūkio ministerijos (id-Dipartiment tas-Sajd fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, il-Litwanja) dwar l-allokazzjoni minn dan id-dipartiment ta’ opportunitajiet ta’ sajd individwali addizzjonali fil-Baħar Baltiku għas-sena 2015.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2(1), (2) u (5) tar-Regolament Nru 1380/2013, dwar l-objettivi tal-politika komuni tas-sajd, jipprevedi:

“1.   Il-[politika komuni tas-sajd] għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura huma ambjentalment sostenibbli fit-tul u huma ġestiti b’mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ta’ impjieg, u li jingħata kontribut għad-disponibbiltà ta’ provvisti tal-ikel.

2.   Il-[politika komuni tas-sajd] għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament ta’ riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirripristina l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom ’il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli.

[…]

5.   Il-[politika komuni tas-sajd] għandha, b’mod partikolari:

[…]

(c)

tipprovdi kondizzjonijiet għal industrija tas-sajd għall-qbid u l-ipproċessar ekonomikament vijabbli u kompetittiva u attività ta’ sajd relatata bbażata fuq l-art;

(d)

tipprovdi miżuri għall-aġġustament tal-kapaċità tal-flotot għal-livell ta’ opportunitajiet ta’ sajd konsistenti mal-Artikolu 2(2), sabiex il-flotot ikunu ekonomikament vijabbli mingħajr ma jisfruttaw eċċessivament r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

[…]

(f)

tikkontribwixxi għal standard tal-għajxien ġust għal dawk li jiddipendu mill-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jittieħed kont tas-sajd kostali u l-aspetti soċjoekonomiċi;

[…]

(i)

tippromwovi attivitajiet ta’ sajd kostali, b’kont meħud tal-aspetti soċjoekonomiċi;

[…]”

4

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ddefinizzjonijiet”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(4)

‘bastiment tas-sajd’ tfisser kwalunkwe bastiment mgħammar għall-isfruttament kummerċjali ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jew nassa tat-tonn;

(5)

‘bastiment tas-sajd tal-Unjoni’ tfisser bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru u li jkun irreġistrat fl-Unjoni;

[…]

(30)

‘operatur’ tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li topera jew li tikkontrolla kwalunkwe impriża li twettaq xi waħda mill-attivitajiet relatati ma’ xi stadju tal-produzzjoni, l-ipproċessar, it-tqegħid fis-suq, il-ktajjen ta’ distribuzzjoni u tal-bejgħ lill-konsumatur tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura;

[…]”

5

L-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, intitolat “Opportunitajiet tas-sajd”, jipprovdi fil-paragrafu 6 tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi kif l-opportunitajiet tas-sajd li jkunu allokati lilu, u li mhumiex soġġetti għal sistema ta’ konċessjonijiet trasferibbli tas-sajd, jistgħu jiġu allokati lil bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu (pereżempju billi jinħolqu opportunitajiet tas-sajd individwali). Għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-metodu ta’ allokazzjoni.”

6

L-Artikolu 17 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“Meta jallokaw opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom kif imsemmi fl-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jużaw kriterji trasparenti u oġġettivi inklużi dawk ta’ natura ambjentali, soċjali u ekonomika. Il-kriterji li għandhom jintużaw jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent, l-istorja tal-konformità, il-kontribut għall-ekonomija lokali u l-livelli ta’ qbid storiku. Fi ħdan l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu inċentivi għall-bastimenti tas-sajd li jużaw irkaptu selettiv tas-sajd jew li jużaw tekniki tas-sajd b’impatt ambjentali mnaqqas, bħal b’konsum imnaqqas tal-enerġija jew ta’ ħsara għall-abitat.”

Id-dritt Litwan

7

Il-Lietuvos Respublikos žuvininkystės įstatymas (il-Liġi Litwana dwar is-Sajd), kif issupplimentata u emendata bil-Liġi Nru°XII-1523, tat-23 ta’ Diċembru 2014, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Sajd”) hija intiża, b’mod partikolari, sabiex timplimenta r-Regolament Nru 1380/2013 fid-dritt nazzjonali. L-Artikolu 171 ta’ din il-liġi jipprevedi l-prinċipji ġenerali tad-distribuzzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd fil-Baħar Baltiku.

8

L-Artikolu 171(1) tal-Liġi dwar is-Sajd jipprevedi l-metodu ta’ determinazzjoni tal-allokazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ sajd individwali lill-operaturi li għandhom bastiment li jtajjar il-bandiera Litwana. Skont din id-dispożizzjoni, hemm lok, għal dan il-għan, li għal kull operatur tiġi kkalkolata l-medja tal-qbid tad-diversi speċi ta’ ħut ikkonċernat matul tliet snin kalendarji, magħżula mill-operatur fost l-aħħar seba’ snin kalendarji (iktar ’il quddiem is-“sehem storiku”).

9

Skont l-Artikolu 171(4) ta’ din il-liġi, l-opportunitajiet ta’ sajd individwali allokati lil operaturi jikkorrispondu għas-sehem storiku, li jista’ jitnaqqas jew jiżdied skont il-kriterji li ġejjin:

Is-sehem storiku jiżdied b’0.1 % għal kull sehem, f’termini ta’ perċentwali, tal-prodotti tas-sajd tal-ispeċi kkonċernata mibjugħa fit-territorju tal-Litwanja, ikkalkolat abbażi tal-prodotti tas-sajd kollha ta’ din l-ispeċi maqbuda mill-operatur matul is-snin ta’ referenza;

Sabiex jittieħed kont ta’ effetti iżgħar fuq l-ambjent tal-attivitajiet ta’ sajd professjonali ta’ operatur, is-sehem storiku jiżdied b’5 % meta jintużaw materjal tas-sajd professjonali u tekniki tas-sajd li jirrispettaw ħabitats naturali, u b’ 5 % għall-bastiment tas-sajd li jniġġsu inqas u li jużaw inqas enerġija;

Is-sehem storiku jitnaqqas bi 2 % għal kull ksur gravi mwettaq matul is-snin ta’ referenza u b’ 0.5 % għal kull ksur mhux meqjus bħala gravi tar-regoli applikabbli għas-sajd professjonali.

10

Konformement mal-Artikolu 171(6) tal-imsemmija liġi, operatur ekonomiku ma jistax ikollu, waħdu, iktar minn 40 % tal-opportunitajiet ta’ sajd allokati lir-Repubblika tal-Litwanja għal speċi partikolari ta’ ħuta.

11

L-Artikolu 171(7) u (8) tal-istess liġi jipprevedi l-allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd individwali permezz ta’ rkant. Wara li jitnaqqsu l-opportunitajiet ta’ sajd intiżi għall-użu minn sajd kostali fuq skala żgħira, is-sehem li jkun għad fadal tal-opportunitajiet skont l-ispeċi, li jkunu ġew allokati lir-Repubblika tal-Litwanja wara l-allokazzjoni skont is-sehem storiku, liema sehem għandu tal-inqas jirrappreżenta 5 % minn dawn il-possibbiltajiet, għandu jingħata permezz ta’ rkant lill-operaturi li għandhom bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera Litwana, sakemm ma tinqabiżx il-kapaċità massima ta’ sajd stabbilita mill-Ministeru għall-Agrikoltura fiż-żona ġeografika ta’ sajd ikkonċernata.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li skont il-minuti ta’ laqgħa miżmuma fil-11 ta’ Marzu 2015 miż-Zvejybos Baltijos jurije kvotu skyrimo komisija (il-Kummissjoni għall-Allokazzjoni tal-Opportunitajiet ta’ Sajd fil-Baħar Baltiku, il-Litwanja), imwaqqfa bid-Deċiżjoni Nru VI-24, tat-18 ta’ Marzu 2013, tad-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, din tal-aħħar allokat opportunitajiet ta’ sajd individwali addizzjonali lill-operaturi li kienu ppreżentaw applikazzjoni għal dan il-għan skont id-distribuzzjoni li ġejja:

“Banginis” UAB: 175 tunnellata aringi u 252 tunnellata sardin;

“Grinvita” UAB: 29 tunnellata aringi u 49 tunnellata sardin;

“Baltlanta” UAB: 23 tunnellata aringi u 16-il tunnellata sardin, u

“Baltijos šprotai” UAB: 202 tunnellati aringi u 285 tunnellata sardin.

13

Spika et ikkontestaw il-legalità tal-allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd addizzjonali ta’ aringi u ta’ sardin u ressqu rikors quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) intiż għall-annullament tal-minuti msemmija iktar ’il fuq, filwaqt li sostnew li l-opportunitajiet ta’ sajd individwali allokati lil Grinvita, Baltlanta, Banginis u Baltijos šprotai ma kellhomx bażi legali.

14

Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Novembru 2015, din il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ Spika et. Għaldaqstant, huma appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Litwanja), sabiex jiksbu l-annullament tas-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza u adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida li tilqa’ r-rikors tagħhom.

15

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, fl-ewwel lok, li l-Liġi dwar is-Sajd timplimenta, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1380/2013 u tikkonstata li, abbażi ta’ din il-liġi, l-operaturi ma humiex ittrattati bl-istess mod għal dak li jirrigwarda l-allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd. F’tali ċirkustanzi u fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, id-diskriminazzjoni fil-konfront ta’ wħud mill-operaturi tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji kostituzzjonali Litwani ta’ kompetizzjoni ħielsa u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

16

Fit-tieni lok, din il-qorti tistaqsi jekk is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 16(6) tar-Regolament Nru 1380/2013 tippermettix lill-imsemmija Stat jistabbilixxu l-kriterji għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd li jirriżultaw fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni mhux ugwali fir-rigward tal-operaturi, li jikkompetu bejniethom sabiex jiksbu tali opportunitajiet.

17

L-imsemmija qorti hija fil-fatt tal-idea li din is-setgħa diskrezzjonali ma hijiex bla limitu, sa fejn l-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jadottaw kriterji trasparenti u oġġettivi, inkluż kriterji ta’ natura ambjentali, soċjali u ekonomika. B’mod iktar partikolari, hija tistaqsi, minn naħa, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Liġi dwar is-Sajd, li tistabbilixxi metodu ta’ allokazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ sajd individwali li huwa bbażat prinċipalment fuq id-data storika relattiva għall-kwantitajiet maqbuda u li, minħabba f’hekk, jista’ joħloq l-imsemmija kundizzjonijiet ta’ inugwaljanza, jistax jitqies li huwa “oġġettiv”. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-limitazzjonijiet għall-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ dan il-metodu humiex inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, anki jekk dan il-metodu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ oġġettività u ta’ trasparenza msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1380/2013.

18

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tfakkar li Stat Membru li jimplementa regolament tal-Unjoni huwa obbligat jirrispetta l-Karta. Għaldaqstant, hija tistaqsi dwar jekk l-Artikoli 16 u 20 tagħha, relattivi għal-libertà ta’ intrapriża u għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fid-dritt, jipprekludux li Stat Membru jadotta metodu ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ sajd li jqiegħed lill-operaturi f’kundizzjonijiet mhux ugwali sabiex jiksbu opportunitajiet ta’ sajd, minkejja li dan il-metodu jkun ibbażat fuq il-kriterji msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1380/2013.

19

Fir-raba’ u l-aħħar lok, b’teħid ikunsiderazzjoni tal-objettivi ta’ kompetizzjoni tal-politika komuni tas-sajd, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 2(5)(c) tar-Regolament Nru 1380/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-Istati Membri milli jagħżlu metodu ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ sajd li jwassal għal kundizzjonijiet mhux ugwali għall-operaturi li jikkompetu sabiex jiksbu kwantità ogħla ta’ opportunitajiet ta’ sajd, anki jekk dan ikun ibbażat fuq kriterju trasparenti u oġġettiv.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 17 u 2(5)(c) tar-Regolament [Nru 1380/2013] fid-dawl tal-Artikoli 16 u 20 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta Stat Membru jeżerċita d-diskrezzjoni prevista fl-Artikolu 16(6), huwa jkun ipprojbit milli jagħżel metodu ta’ allokazzjoni tal-kwoti tas-sajd allokati lilu li jikkawża kundizzjonijiet inugwali ta’ kompetizzjoni għal [operaturi] li jwettqu attività f’dan il-qasam minħabba kwantità ikbar ta’ opportunitajiet ta’ sajd, anki jekk dak il-metodu jkun ibbażat fuq kriterju trasparenti u oġġettiv?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

21

Banginis issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda magħmula. Fil-fatt, skont din il-kumpannija, id-dritt tal-Unjoni ma japplikax fil-kawża prinċipali, peress li meta r-Repubblika tal-Litwanja tadotta metodu ta’ allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd individwali, hija ma timplimentax id-dritt tal-Unjoni iżda teżerċita kompetenza esklużiva tagħha.

22

Sabiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tinvolvix l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi vverifikat, fost elementi oħra, jekk hija għandhiex l-għan li timplimenta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, liema hija n-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk għandhiex għanijiet oħra li ma humiex dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 25).

23

Issa, meta jadottaw il-metodu ta’ allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd allokati lilhom, l-Istati Membri jeżerċitaw kompetenza mogħtija lilhom espressament, fil-kuntest tat-twettiq tal-politika komuni tas-sajd, minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 16(6) tar-Regolament Nru 1380/2013.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li, billi adottat il-metodu ta’ allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd lill-bastimenti li jtajjru l-bandiera Litwana, ir-Repubblika tal-Litwanja implimentat id-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda magħmula.

Fuq il-mertu

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 16(6) u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1380/2013, kif ukoll l-Artikoli 16 u 20 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha dan jadotta metodu ta’ allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd li jista’ jikkawża trattament mhux ugwali bejn l-operaturi li għandhom bastimenti li jtajjru l-bandiera tiegħu.

26

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda għandu jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk metodu ta’ allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1380/2013.

27

Skont l-Artikolu 16(6) tal-imsemmi regolament, kull Stat Membru għandu jiddeċiedi kif l-opportunitajiet tas-sajd li jkunu allokati lilu jistgħu jiġu allokati lil bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relattiva għall-Artikolu 20(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 460), li jikkorrisondi għall-Artikolu 16(6) tar-Regolament Nru 1380/2013, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-5 ta’ Mejju 2009, Atlantic Dawn et vs Il‑Kummissjoni, C‑372/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:287, punt 41).

28

Issa, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-Istati Membri huma obbligati jużaw, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1380/2013, kriterji “transparenti u oġġettivi”.

29

Fil-każ ineżami, ir-Repubblika tal-Litwanja għażlet li talloka l-opportunitajiet ta’ sajd li kienu allokati lilha billi tuża metodu bbażat prinċipalment fuq il-kriterju tal-“livell tal-qbid”. Skont dan il-kriterju, il-parti l-kbira tal-imsemmija opportunitajiet ta’ sajd hija allokata skont il-medja tal-qbid ta’ speċi ta’ ħuta minn operatur matul tliet snin kalendarji magħżula fost l-aħħar seba’ snin kalendarji.

30

Dan il-kriterju huwa espliċitament imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1380/2013, fil-lista ta’ dawk il-kriterji li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu sabiex jużaw għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd allokati lilhom. Barra minn hekk, l-imsemmi kriterju huwa stabbilit f’dispożizzjoni legali, jiġifieri fl-Artikolu 171 tal-Liġi dwar is-Sajd, li, billi jirreferi għas-sehem storiku tal-operaturi kkonċernati, jibbaża ruħu fuq data oġġettiva, li tista’ titkejjel u tiġi vverifikata mill-awtoritajiet kompetenti.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li metodu ta’ allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, josserva l-kundizzjonijiet ta’ trasparenza u ta’ oġġettività msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1380/2013.

32

Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-adozzjoni ta’ tali metodu ta’ allokazzjoni jikkawżax ksur tal-Artikoli 16 u 20 tal-Karta, meta dan il-metodu jirriżulta fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet inqas favorevoli għall-operaturi li għandhom sehem storiku ta’ livell ta’ qbid (iktar ’il quddiem l-“operaturi storiċi”), għad-detriment tal-operaturi li ma għandhomx tali sehem storiku u li jixtiequ jidħlu fis-suq tas-sajd jew iżidu l-produzzjoni tagħhom (iktar ’il quddiem l-“operaturi mhux storiċi”).

33

Fil-fatt, skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, u li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tivverifika, filwaqt li l-operaturi storiċi jistgħu jiksbu opportunitajiet ta’ sajd billi sempliċement jipprovdu l-livell ta’ qbid tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti, l-opportunitajiet ta’ sajd huma allokati lill-operaturi mhux storiċi biss abbażi ta’ dawk li jkunu reżidwi, skont il-bilanċ li jkun għad fadal mill-kwota mogħtija lir-Repubblika tal-Litwanja wara li jkunu saru l-allokazzjonijiet abbażi tas-sehem storiku. Għaldaqstant, tali metodu ta’ allokazzjoni jista, minn naħa, jippreġudika l-libertà ta’ intrapriża tal-operaturi mhux storiċi, billi jillimita d-dritt tagħhom li joperaw fis-suq inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, billi jwassal għal inugwaljanzi fit-trattament bejn id-diversi tipi ta’ operaturi li ma humiex iġġustifikati.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 16 tal-Karta, il-libertà ta’ intrapriża huwa rrikonoxxut konformement mad-dritt tal-Unjoni. Il-protezzjoni mogħtija mill-imsemmi artikolu tkopri l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 25).

35

Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 20 tal-Karta, huwa jistipula l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 30).

36

Issa, mill-Artikolu 52(1) tal-Karta jirriżulta li kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minnha għandha tkun aċċettata biss jekk tkun prevista mil-liġi u tkun tirrispetta l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet. Barra minn hekk, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tali limitazzjonijiet jistgħu jseħħu biss jekk huma jkunu neċessarji u jissodisfaw b’mod effettiv objettivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

37

Fil-każ ineżami, huwa paċifiku, hekk kif tfakkar fil-punt 30 tas-sentenza preżenti, li l-metodu ta’ allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien previst minn liġi, jiġifieri l-Liġi dwar is-Sajd.

38

Barra minn hekk, din il-liġi tistabbilixxi, minn naħa, mekkaniżmu ta’ rkant li jippermetti lill-operaturi mhux storiċi jiksbu opportunitajiet ta’ sajd mhux allokati, abbażi tal-bilanċ li jkun għad fadal tal-kwota mogħtija lir-Repubblika tal-Litwanja wara li jkunu saru l-allokazzjonijiet skont is-sehem storiku. Barra minn hekk, l-imsemmija liġi tillimita għal 40 % l-opportunitajiet ta’ sajd għal speċi ta’ ħuta partikolari li jistgħu jiġu allokati għal kull operatur. Għaldaqstant, peress li l-metodu ta’ allokazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jwassalx għal għeluq totali tas-suq inkwistjoni, huwa josserva l-kontenut essenzjali tal-libertà ggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta.

39

Minn naħa, il-Liġi dwar is-Sajd ma għandhiex bħala effett li tqajjem dubju dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u tipprevedi b’mod partikolari, fl-Artikolu 171(4) tagħha, dispożizzjonijiet li jippermettu li jittieħdu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet partikolari li fihom jistgħu jsibu ruħhom l-operaturi. Għaldaqstant, dan il-metodu josserva wkoll, il-kontenut essenzjali tad-drittijiet li d-diversi tipi ta’ operaturi jisiltu mill-Artikolu 20 tal-Karta.

40

Madakollu, għadu jrid jiġi vverifikat jekk tali limitazzjonijiet għal-libertajiet imsemmija fl-Artikoli 16 u 20 tal-Karta jissodisfawx objettiv ta’ interess ġenerali tal-Unjoni u, jekk dan huwa l-każ, jekk josservawx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

41

Għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkontribwixxix għal interess ġenerali tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li din tiddetermina l-opportunitajiet ta’ sajd tal-bastimenti li jtajjru l-bandiera Litwana, u għaldaqstant tirregola l-aċċess għas-sajd. Konsegwentement, l-imsemmija miżuri huma ġġustifikati mill-objettiv tal-politika komuni tas-sajd, imfakkar fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1380/2013, intiż li jiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul.

42

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-metodu ta’ allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ibbażat prinċipalment fuq is-sehem storiku, huwa intiż li jiżgura li dawn l-opportunitajiet jingħataw, b’mod prijoritarju, lil operaturi li għandhom flotta ta’ bastimenti b’kapaċità ta’ sajd li fil-prinċipju hija adatta għall-volum ta’ qbid li jikkorrispondi ma’ dawn l-opportunitajiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmi metodu huwa ġġustifika mill-objettiv tal-politika komuni tas-sajd stabbilit fl-Artikolu 2(5)(d) tar-Regolament Nru 1380/2013 u jippermetti wkoll li tinżamm il-vijabbiltà ekonomika tal-flotot, hekk kif tipprevedi din id-dispożizzjoni.

43

Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ tali metodu ta’ allokazzjoni hija ġġustifikata wkoll mill-objettiv soċjoekonomiku espost fl-Artikolu 2(5)(f) tar-Regolament Nru 1380/2013, sa fejn il-preservazzjoni tal-vijabbiltà ekonomika tal-flotot tippermeti lill-operaturi storiċi jkomlu joperaw fis-suq inkwistjoni u, għaldaqstant, li jiġi żgurat li jinżamm standard tal-ħajja ġust għall-persuni li jiddependu mill-attivitajiet tas-sajd.

44

Sakemm leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tfittex li tilħaq l-objettivi tal-politika komuni tas-sajd, bħal dawk sanċiti mir-Regolament Nru 1380/2013, għandu jiġi kkonstatat li hija tissodisfa objettiv ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

45

Sussegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw minn tali leġiżlazzjoni josservawx il-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu huma adatti sabiex jintlaħqu l-objettivi li hija tfittex, u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tagħhom.

46

Ċertament, fil-każ ineżami, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, fid-dawl ta’ evalwazzjoni globali tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax il-kundizzjonijiet esposti fil-punt preċedenti. Madankollu, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li, għal dan il-għan, tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet, C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 52).

47

Għal dak li jikkonċerna l-adegwatezza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex tilħaq l-objettivi ta’ interess ġenerali li hija tfittex, għandu jiġi rrilevat li permezz tal-metodu ta’ allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd li hija tipprevedi, din il-leġiżlazzjoni tippermetti b’mod partikolari li jiġi evitat li riżorsi bioloġiċi tal-baħar jiġu sfruttati b’mod eċċessiv u li jiġu mfixxkla jew preklużi milli jikbru mill-ġdid. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sehem storiku jiżdied b’ 5 % jekk l-operaturi jużaw tekniki ta’ sajd li jirrispettaw il-ħabitats naturali, u saħansitra b’ 5 % addizzjonali meta l-imsemmija operaturi jużaw bastimenti tas-sajd li jniġġsu inqas l-ambjent u jużaw inqas enerġija.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija leġiżlazzjoni hija adatta sabiex tiggarantixxi s-sostenibbiltà, fuq il-livell ambjentali, tal-attivitajiet tas-sajd, imsemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1380/2013.

49

Għandu jingħad ukoll li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-livelli storiċi ta’ qbid li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu ta’ allokazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippermetti li l-operaturi storiċi jkunu jistgħu jistrieħu, għall-futur, fuq volum ta’ opportunitajiet ta’ sajd relattivament stabbli meta mqabbel mas-snin preċedenti. Għaldaqstant, dawn l-operaturi jistgħu, minn naħa, jipproċedu għal irkupru tal-investimenti, li ta’ spiss ikunu kbar, li huma jkunu ftehmu sabiex joperaw fis-suq inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, jipprogrammaw l-attivitajiet neċessarji sabiex jiżguraw li l-effikaċja tal-flotot tagħhom tinżamm.

50

Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali flimkien mal-metodu ta’ allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd li hija tipprevedi huma wkoll adatti sabiex jiggarantixxu li jitwettqu l-għanijiet soċjoekonomiċi sottostanti tal-Artikolu 2(5)(d) u (f) tar-Regolament Nru 1380/2013.

51

Għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk dan il-metodu jirriżultax jew le f’restrizzjonijiet għal-libertajiet sanċiti fl-Artikoli 16 u 20 tal-Karta li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi mfittxija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, qabel kollox, li s-sehem storiku jista’ jiżdied jew jitnaqqas skont ċerti kriterji, b’mod partikolari ta’ natura ambjentali jew li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ekonomija lokali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-sehem storiku jitnaqqas bi 2 % jew b’ 0.5 % abbażi, rispettivament, ta’ kull ksur serju jew le mwettaq matul is-snin ta’ referenza msemmija fl‑Artikolu 171(1) tal-Liġi dwar is-Sajd.

52

Imbagħad, operatur storiku ma jistax ikollu, waħdu, iktar minn 40 % tal-opportunitajiet ta’ sajd allokati lir-Repubblika tal-Litwanja għal speċi ta’ ħuta partikolari.

53

Fl-aħħar nett, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 38 tas-sentenza preżenti, is-sehem tal-opportunitajiet ta’ sajd li ma jkunx ingħata b’mod prijoritarju lill-operaturi storiċi, li għandu jirrappreżenta mill-inqas 5 % mill-opportunitajiet ta’ sajd allokati lir-Repubblika tal-Litwanja, huwa allokat permezz ta’ rkant lill-operaturi l-oħra li għandhom bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera Litwana.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-metodu ta’ allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhux biss ma jwassalx biex jirriżerva l-opportunitajiet ta’ sajd lill-operaturi storiċi biss skont l-ishma storiċi rispettivi tagħhom iżda, barra minn hekk, jippermetti li dawn l-ishma jitqiesu abbażi ta’ ċertu numru ta’ elementi oġġettivi.

55

Għaldaqstant, dan il-metodu ta’ allokazzjoni ma jeċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali mfittxija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u konsegwentement, ma jiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

56

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 16(6), u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1380/2013, kif ukoll l-Artikoli 16 u 20 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha dan jadotta metodu ta’ allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd li, filwaqt li jkun ibbażat fuq kriterju ta’ allokazzjoni trasparenti u oġġettiv, jista’ jikkawża trattament mhux ugwali bejn l-operaturi li għandhom bastimenti tas-sajd li jtajjru l-bandiera tiegħu, sakemm l-imsemmi metodu jfittex li jilħaq wieħed jew iktar mill-interessi ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni u josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 16(6), u l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, kif ukoll l-Artikoli 16 u 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha dan jadotta metodu ta’ allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd li, filwaqt li jkun ibbażat fuq kriterju ta’ allokazzjoni trasparenti u oġġettiv, jista’ jikkawża trattament mhux ugwali bejn l-operaturi li għandhom bastimenti tas-sajd li jtajjru l-bandiera tiegħu, sakemm l-imsemmi metodu jfittex li jilħaq wieħed jew iktar mill-interessi ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea u josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.