Kawża C-507/16

Entertainment Bulgaria System EOOD

vs

Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofija

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 168(a) u Artikolu 169(a), Artikolu 214(1)(d) u (e) u Artikoli 289 u 290 – Tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-input dovuta jew imħallsa – Tranżazzjonijiet tal-output fi Stati Membri oħra – Skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa fl-Istat Membru li fih jiġi eżerċitat id-dritt ta’ tnaqqis”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Novembru 2017

Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Proċedura ta’ awtolikwidazzjoni – Obbligu ta’ reġistrazzjoni tad-destinatarju u/jew fornitur ta’ servizzi li jaqgħu taħt proċedura ta’ awtolikwidazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta d-dritt għal tnaqqis tal-imsemmija taxxa lid-destinatarju rreġistrat – Issodisfar tal-kundizzjonijiet sostantivi tad-dritt għal tnaqqis u identifikazzjoni tal-persuna li tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud – Inammissibbiltà – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta wkoll it-tnaqqis lil persuna taxxabbli li jibbenefika fl-Istat Membru tal-istabbiliment tiegħu minn skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa – Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2009/162, Artikoli 168(a), 169(a) u 214(1)(d) u (e))

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE, tat-22 ta’ Diċembru 2009, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi persuna taxxabbli, stabbilita fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, li jnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input dovuta jew imħallsa f’dan l-Istat Membru għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħra li ma humiex l-Istat Membru li fih hija stabbilita l-persuna taxxabbli, peress li din tkun identifikata għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud skont wieħed jew l-ieħor minn żewġ każijiet imsemmija fl-Artikolu 214(1)(d) u(e) tad-Direttiva 2006/112 kif emendata bid-Direttiva 2009/162. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 168(a) u l-Artikolu 169(a) tad-Direttiva 2006/112 kif emendata bid-Direttiva 2009/162, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni li tipprojbixxi lil persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru milli tibbenefika minn skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa milli teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħra li ma humiex l-Istat Membru li fih hija stabbilita l-persuna taxxabbli.

(ara l-punt 45 u d-dispożittiv)