SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

7 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 72/166/KEE – Direttiva 84/5/KEE – Direttiva 90/232/KEE – Sewwieq responsabbli għall-inċident li kkaġuna l-mewt tal-konjuġi tiegħu, passiġġiera fil-vettura – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-kumpens għad-dannu materjali mġarrab mis-sewwieq responsabbli għall-inċident”

Fil-Kawża C-506/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal da Relação do Porto (qorti tal-appell ta’ Porto, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Settembru 2016, fil-proċedura

José Joaquim Neto de Sousa

vs

Estado português,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Estado português, minn M.E. Duarte Rodrigues,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn S. Jaulino, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, par P. Costa de Oliveira kif ukoll minn K.‑P. Wojcik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3), kif emendata bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005 (ĠU 2005, L 149, p. 14) (iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”), u tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249, iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn José Joaquim Neto de Sousa u l-Estado português (Stat Portugiż) dwar ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni, li huwa imputabbli lis-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema, il-Portugall).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11), ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”) kif ukoll it-Tieni u t-Tielet Direttiva. Madankollu, fid-dawl ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu kkunsidrati d-direttivi mħassra.

4

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva:

“Kull Stat Membru għandu […] jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.”

5

L-Artikolu 1(1) tat-Tieni Direttiva kien jistabbilixxi li:

“L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva] għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali [korrimenti fuq il-persuna].”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva kien ifformulat kif ġej:

“Il-membri tal-familja tal-persuna assigurata, ix-xufier jew kull persuna oħra li hi responsabbli taħt il-liġi ċivili fil-każ ta’ inċident, u li r-responsabbilità tagħha hija koperta mill-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) m’għandhiex tiġi eskluża mill-assigurazzjoni fir-rigward tal-korrimenti personali [fuq il-persuna] tagħha minħabba dik ir-relazzjoni.”

7

L-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva jipprevedi li:

“[…] [L-]assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva] għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier, li joriġinaw mill-użu ta’ vettura.

[…]”

Id-dritt Portugiż

8

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Decreto-Lei Nru 522/85 – Seguro Obrigatório de Responsabilidade Civil Automóvel (Digriet-Liġi Nru 522/85 dwar l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili tal-karozza), tal-31 ta’ Diċembru 1985, kif emendat bid-Decreto-Lei Nru 130/94 (Digriet-Liġi Nru 130/94), tad-19 ta’ Mejju 1994 (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 522/85”), id-danni li jirriżultaw minn leżjonijiet fuq il-persuna mġarrba mis-sewwieq tal-vettura assigurata huma esklużi mill-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbilità ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (iktar ’il quddiem l-“assigurazzjoni obbligatorja”).

9

Mill-Artikolu 7(3) tad-Digriet-Liġi Nru 522/85 jirriżulta li, fil-każ tal-mewt, ikkaġunat minn inċident, b’mod partikolari tal-konjuġi tas-sewwieq tal-vettura u tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, kull kumpens għad-danni mhux materjali lill-persuna responsabbli għall-inċident huwa eskluż.

10

Skont l-Artikolu 483 tal-kodiċi ċivili, dik il-persuna li bi ħtija tippreġudika illegalment id-drittijiet ta’ ħaddieħor għandha tagħti kumpens lill-persuna leża għad-danni li jirriżultaw minn dak il-fatt.

11

L-Artikolu 495(3) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li, fil-każ ta’ mewt jew ta’ leżjoni fuq il-persuna, il-persuni li jistgħu jitolbu l-manteniment mill-persuna leża jew li kienu jirċievu manteniment minn din tal-aħħar fl-eżekuzzjoni ta’ obbligu naturali għandhom id-dritt għal kumpens.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Fit-3 ta’ Diċembru 2005, f’Paredes (il-Portugall), seħħ inċident bejn il-vettura misjuqa minn J. J. Neto de Sousa, assigurat mal-kumpannija ta’ assigurazzjoni Zurich, u vettura oħra. J. J. Neto de Sousa, li kien tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu, ġie ddikjarat responsabbli għal dan l-inċident. F’din il-vettura kien hemm, bħala passiġġiera, A. C. da Rocha Carvalho, il-konjuġi ta’ J. J. Neto de Sousa, li mietet bħala konsegwenza tal-imsemmi inċident.

13

J. J. Neto de Sousa ressaq kawża kontra Zurich quddiem it-Tribunal Judicial de Paredes (qorti tad-distrett ta’ Paredes, il-Portugall), fejn talab li din il-kumpannija ta’ assigurazzjoni tiġi kkundannata tħallsu s-somma ta’ EUR 335700, miżjuda bl-interessi, bħala kumpens għad-dannu materjali u għall-korriment fuq il-persuna kkawżati mill-inċident tat-3 ta’ Diċembru 2005. Għal dan il-għan, huwa sostna b’mod partikolari li l-Artikolu 7(3) tad-Digriet-Liġi Nru 522/85 ma kienx jeskludi l-kumpens tal-persuna responsabbli għall-inċident.

14

It-Tribunal Judicial de Paredes (qorti tad-distrett ta’ Paredes) ċaħdet it-talba ta’ J. J. Neto de Sousa sa fejn din kienet tirrigwarda l-kumpens għad-dannu materjali peress li din il-qorti la ma setgħet tiddetermina d-dħul, l-ispejjeż u l-piżijiet finanzjarji ta’ J. J. Neto de Sousa, u lanqas sa liema estent id-decujus kienet tikkontribwixxi jew kienet ser tikkontribwixxi għad-dħul tal-kopja. L-imsemmija qorti ċaħdet ukoll din it-talba għal dak li jirrigwarda l-kumpens għad-dannu mhux materjali, għar-raġuni li l-kumpens għal dan id-dannu kien eskluż bis-saħħa tal-Artikolu 7(3) tad-Digriet-Liġi Nru 522/85.

15

J. J. Neto de Sousa appella minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal da Relação do Porto (qorti tal-appell ta’ Porto, il-Portugall) unikament għal dak li jirrigwarda l-kumpens għad-dannu materjali. Din il-qorti ċaħdet l-appell billi qieset, essenzjalment, li J. J. Neto de Sousa ma kellu dritt għal ebda kumpens, sa fejn huwa kien is-sewwieq responsabbli għall-inċident li fih il-konjuġi tiegħu, bħala passiġġiera fil-vettura misjuqa minnu, kienet mietet.

16

J. J. Neto de Sousa appella quddiem is-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema) fejn tenna l-argument tiegħu li d-Digriet-Liġi Nru 522/85 ma kienx jeskludi l-kumpens għad-dannu materjali mġarrab mis-sewwieq responsabbli minħabba l-mewt tal-konjuġi tiegħu kkaġunat mill-inċident u fejn sostna li, billi rrifjutatlu d-dritt għal kumpens għad-dannu materjali li jirriżulta mill-mewt tal-konjuġi tiegħu, li kienet passiġġiera fil-vettura implikata fl-inċident, it-Tribunal da Relação do Porto (qorti tal-appell ta’ Porto) kisret l-Artikolu 7(3) tad-Digriet-Liġi. J. J. Neto de Sousa talab ukoll lil din il-qorti sabiex tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, domanda preliminari dwar il-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet tat-Tieni u tat-Tielet Direttiva jipprekludux il-kumpens għal tali dannu.

17

Is-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema) caħdet l-appell. Hija qieset, essenzjalment, li d-dritt għal kumpens ta’ J. J. Neto de Sousa kien irregolat kemm mill-Artikolu 495(3) tal-kodiċi ċivili kif ukoll mill-Artikolu 483 ta’ dan il-kodiċi, li dan id-dritt jitnissel “fl-isfera legali” tal-persuna li titlob il-kumpens u mhux f’dak tad-decujus u li, minħabba s-sewqan kolpevoli tiegħu, J. J. Neto de Sousa ppreġudika wieħed mid-drittijiet tiegħu stess. Din il-qorti qieset li skont il-prinċipju ta’ sibi imputet, id-dritt previst fl-Artikolu 495(3) tal-kodiċi ċivili ma jistax jiġi invokat minn dak li waħdu huwa responsabbli għall-inċident li kkaġuna l-mewt tal-konjuġi tiegħu, passiġġiera fil-vettura misjuqa minnu, u li, konsegwentement, ma kienx hemm lok li J. J. Neto de Sousa jingħata kumpens.

18

Għal dak li jirrigwarda t-talba għal deċiżjoni preliminari, is-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema) qieset essenzjalment li t-Tieni u t-Tielet Direttiva jiddeterminaw is-sistema tal-assigurazzjoni obbligatorja filwaqt li jħallu d-dritt nazzjonali jirregola r-responsabbiltà ċivili u li, għalkemm, għal dak li jirrigwarda l-passiġġieri, din is-sistema tidħol sa ċertu punt fil-kamp tad-dritt nazzjonali, ir-regoli tad-Digriet-Liġi Nru 522/85 ma għandhomx l-effett li jeskludu l-applikazzjoni tas-sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili, kif prevista fl-Artikolu 495(3) tal-kodiċi ċivili.

19

J. J. Neto de Sousa ressaq quddiem it-Tribunal da Comarca do Porto Este (Penafiel) [qorti tad-distrett ta’ Porto Este (Penafiel), il-Portugall] azzjoni dikjaratorja ordinarja kontra l-État portugais intiża sabiex dan jiġi kkundannat iħallsu s-somma ta’ EUR 245700, miżjuda bl-interessi, bħala kumpens għad-dannu li huwa ġarrab minħabba l-iżball ġudizzjarju li s-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema) wettqet meta ċaħdet l-appell tiegħu.

20

Billi t-Tribunal da Comarca do Porto Este (Penafiel) [qorti tad-distrett ta’ Porto Este (Penafiel)] ċaħdet l-azzjoni ta’ J. J. Neto de Sousa, huwa appella quddiem it-Tribunal da Relação do Porto (qorti tal-appell ta’ Porto) fejn sostna b’mod partikolari li s-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema) interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 3 tat-Tieni Direttiva kif ukoll l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva, li jiggarantixxu lill-passiġġieri ta’ vettura bil-mutur, iżda mhux lis-sewwieq, il-kumpens għall-korrimenti fuq il-persuna li huma jkunu soffrew minħabba inċident tat-traffiku, u naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 267 TFUE. J. J. Neto de Sousa talab ukoll lit-Tribunal da Relação do Porto (qorti tal-appell ta’ Porto) sabiex tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domanda preliminari msemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza.

21

Il-qorti tar-rinviju tosserva li s-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema) ma ddeċidietx dwar jekk il-passiġġiera li mietet kellhiex tingħata kumpens, iżda dwar jekk J. J. Neto de Sousa għandux dritt jew le għal kumpens fid-dawl tal-fatt li huwa kien responsabbli għall-inċident. Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex jiġi ddeterminat jekk is-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema) setgħetx tastjeni milli tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi vverifikat qabelxejn jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati kinux ċari u nieqsa minn ambigwità.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal da Relação do Porto (qorti tal-appell ta’ Porto) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tat-[Tieni u tat-Tielet Direttiva] jipprekludu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi l-kumpens tax-xufier responsabbli mill-inċident, għad-danni patrimonjali [materjali], fil-każ ta’ mewt tal-konjuġi li kien qed jakkumpanjah fil-vettura bħala passiġġier (ara l-Artikolu 7(3) tad-[Digriet-Liġi Nru 522/85])?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Barra minn hekk, jista’ jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tal-1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela, C‑144/16, EU:C:2017:76, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fis-sentenza li permezz tagħha hija allegatament kisret id-dispożizzjonijiet tat-Tieni u t-Tielet Direttiva, is-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema) qieset li d-dritt Portugiż applikabbli, b’mod partikolari l-Artikolu 483 u l-Artikolu 495(3) tal-kodiċi ċivili, ma jippermettux lil J. J. Neto de Sousa jikseb il-kumpens li huwa qed jitlob.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula għandha tinftiehem fis-sens li hija tirreferi għall-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi d-dritt għas-sewwieq ta’ vettura bil-mutur, responsabbli, bi ħtija tiegħu, għal inċident tat-traffiku li kkaġuna l-mewt tal-konjuġi tiegħu, passiġġiera f’din il-vettura, li jingħata kumpens għad-dannu materjali li huwa ġarrab minħabba dan il-mewt.

26

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-preambolu tal-Ewwel u tat-Tieni Direttiva juru li dawn huma intiżi, minn naħa, li jiżguraw il-moviment liberu kemm tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll tal-persuni li jinsabu abbord dawn il-vetturi u, min-naħa l-oħra, li jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, ikun fejn ikun il-post fit-territorju tal-Unjoni fejn iseħħ l-inċident (sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2011, Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, C‑409/09, EU:C:2011:371, punt 23, u tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 26).

27

L-Ewwel Direttiva, kif ikkompletata mit-Tieni u mit-Tielet Direttiva, timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur normalment ibbażati fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni u tippreċiża, b’mod partikolari, it-tipi ta’ danni u t-terzi li jkunu sfaw vittmi li din l-assigurazzjoni għandha tkopri (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Madankollu, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ kopertura mill-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili ta’ danni kkawżati lil terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni, ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel wieħed huwa ddefinit u ggarantit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni waħda hija rregolata, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali (sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2011, Carvalho Ferreira Santos, C‑484/09, EU:C:2011:158, punt 31, u tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 28).

29

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-għan tal-Ewwel, tat-Tieni u tat-Tielet Direttiva, kif ukoll mill-formulazzjoni tagħhom, jirriżulta li dawn ma humiex intiżi li jarmonizzaw is-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri u li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jiddeterminaw is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi bil-mutur (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Madankollu, l-Istati Membri huma obbligati jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur applikabbli skont id-dritt nazzjonali tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tat-tliet direttivi msemmija hawn fuq (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Barra minn hekk, huma għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi ma jistgħux iċaħħdu lill-Ewwel, lit-Tieni u lit-Tielet Direttiva mill-effettività tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 31).

32

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn id-direttivi jiġu mċaħħda minn din l-effettività jekk, fuq il-bażi tal-kontribut tal-vittma għall-okkorrenza tad-dannu, leġiżlazzjoni nazzjonali, iddefinita fuq il-bażi ta’ kriterji ġenerali u astratti, iċċaħħad lill-vittma mid-dritt li tingħata kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja, jew inkella tillimita tali dritt b’mod sproporzjonat (sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2011, Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, C‑409/09, EU:C:2011:371, punt 29, u tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 32).

33

Madankollu, fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li d-dritt għal kumpens ta’ J. J. Neto de Sousa huwa affettwat mhux minħabba limitazzjoni tal-kopertura tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur fid-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-assigurazzjoni, iżda mis-sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli.

34

Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif interpretata mis-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema), għandha l-effett li teskludi lis-sewwieq ta’ vettura bil-mutur, bħala l-persuna responsabbli għal inċident tat-traffiku, mid-dritt li jingħata kumpens għad-dannu li huwa jkun ġarrab minħabba dan l-inċident.

35

Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni ma hijiex ta’ natura li tillimita l-kopertura ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili stabbilita għall-persuna assigurata għad-danni kkawżati lil terzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 35).

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taffettwax il-garanzija, prevista mid-dritt tal-Unjoni, li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, iddeterminata skont id-dritt nazzjonali applikabbli, tkun koperta minn assigurazzjoni konformi mal-Ewwel, mat-Tieni u mat-Tielet Direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 38).

37

Din il-kunsiderazzjoni ma titqiegħedx inkwistjoni mill-fatt li d-dannu materjali mġarrab minn J. J. Neto de Sousa jirriżulta mill-mewt tal-konjuġi tiegħu, li kienet passiġġiera fil-vettura misjuqa minnu meta huwa kkawża l-inċident. Fil-fatt, l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju tidher li tindika li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax id-dritt għal kumpens għad-dannu mġarrab minn vittma li hija passiġġiera f’vettura implikata f’inċident, iżda dak imġarrab mis-sewwieq responsabbli għall-inċident.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi d-dritt għas-sewwieq ta’ vettura bil-mutur, responsabbli, bi ħtija tiegħu, għal inċident tat-traffiku li kkaġuna l-mewt tal-konjuġi tiegħu, passiġġiera f’din il-vettura, li jingħata kumpens għad-dannu materjali li huwa ġarrab minħabba dan il-mewt.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, it-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif emendata bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, u t-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi d-dritt għas-sewwieq ta’ vettura bil-mutur, responsabbli, bi ħtija tiegħu, għal inċident tat-traffiku li kkaġuna l-mewt tal-konjuġi tiegħu, passiġġiera f’din il-vettura, li jingħata kumpens għad-dannu materjali li huwa ġarrab minħabba dan il-mewt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.