SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

14 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Direttivi 72/166/KEE, 84/5/KEE, 90/232/KEE u 2009/103/KE – Serq ta’ vettura – Inċident tat-traffiku – Dannu fiżiku u materjali subit mill-assigurat li huwa proprjetarju tal-vettura, bħala persuna mixja fit-triq – Responsabbiltà ċivili – Kumpens – Kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja – Klawżoli ta’ esklużjoni – Leġizlazzjoni nazzjonali li teskludi lill-assigurat li huwa proprjetarju tal-vettura minn kumpens mill-assigurazzjoni – Kompatibbiltà ma’ dawk id-direttivi – Kunċett ta’ ‘terz li huwa vittma’”

Fil-Kawża C‑503/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal da Relação de Évora (qorti tal-appell ta’ Évora, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Settembru 2016, fil-proċedura

Luís Isidro Delgado Mendes

vs

Crédito Agrícola Seguros – Companhia de Seguros de Ramos Reais SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Crédito Agrícola Seguros – Companhia de Seguros de Ramos Reais SA, minn V. Ferreira Pires, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Costa de Oliveira kif ukoll minn K.‑P. Wojcik u B. Rechena, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12(3) u 13(1) tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Luís Isidro Delgado Mendes u Crédito Agrícola Seguros – Companhia de Seguros de Ramos Reais SA (iktar ’il quddiem “CA Seguros”) fir-rigward tal-kumpens minn din tal-aħħar, skont ir-responsabilità ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, għad-dannu subit minn L. I. Delgado Mendes minħabba f’inċident tat-traffiku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”):

“Kull Stat Membru għandu […] jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.”

4

L-Artikolu 1(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3), kif emendat bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005 (ĠU 2005, L 149, p. 14) (iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”), jipprevedi:

“L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva] għandha tkopri b’obbligu kemm il-ħsara lill- proprjetà u kemm il-korrimenti personali.”

5

L-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva jiddisponi:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li kull dispożizzjoni statutorja jew kull klawsola kontrattwali li tkun tinstab fil-polza ta’ l-assigurazzjoni maħruġa skond l-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva], li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:

persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew implikata għal dan, jew

[…]

għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva], titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident.

Madanakollu d-dispożizzjoni jew il-klawsola msemmija fl-ewwel inċiż tista’ tiġi invokata kontra persuni li minn jeddhom daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment, meta l-assiguratur jista’ jipprova li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa.

Stati Membri għandu jkollhom l-għażla — fil-każ ta’ inċidenti li jseħħu fit-territorju tagħhom — li ma japplikawx id-dispożizzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu jekk u sakemm il-vittma tkun tista’ takkwista kumpens għall-ħsara li saritilha minn korp ta’ sigurtà soċjali.”

6

L-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249), kif emendata bid-Direttiva 2005/14, (iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva”), jipprevedi b’mod partikolari li, “l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva] għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier, li joriġinaw mill-użu ta’ vettura”.

7

L-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva jiddisponi:

“L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva] għandha tkopri danni personali u ħsara lill-proprjetà mġarrba minn dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr mutur li, bħala konsegwenza ta’ inċident fejn vettura b’mutur tkun involuta, huma intitolati għal kumpens skond il-liġi ċivili nazzjonali. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju kemm għar-responsabbiltà ċivili kif ukoll għall-ammont ta’ danni.”

8

Id-Direttiva 2009/103 kkodifikat id-direttivi li kienu jeżistu qabel fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u, konsegwentement, abrogathom b’effett mis-27 ta’ Ottubru 2009. Skont it-tabella ta’ korrispondenza li tidher fl-Anness II ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva jikkorrispondi mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103 u l-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva jikkorrispondi mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2009/103.

Id-dritt Portugiż

9

Skont l-Artikolu 4(1) tad-decreto‑lei no 291/2007, que aprova o regime do sistema do seguro obrigatório de responsabilidade civil automóvel e transpõe parcialmente para a ordem jurídica interna a Directiva no 2005/14/CE, do Parlamento Europeu e do Conselho, de 11 de Maio, que altera as Directivas nos 72/166/CEE, 84/5/CEE, 88/357/CEE e 90/232/CEE, do Conselho, e a Directiva no 2000/26/CE, relativas ao seguro de responsabilidade civil resultante da circulação de veículos automóveis (Digriet‑Liġi Nru 291/2007 li japprova l-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-karozzi u jittrasponi parzjalment id-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur), tal-21 ta’ Awwissu 2007 (Diáro da República, serje 1, Nru 160, tal-21 ta’ Awwissu 2007):

“Kull persuna li tista’ tkun responsabbli ċivilment tal-kumpens għad-dannu fiżiku jew materjali lil terz permezz ta’ vettura tal-art bil-mutur jew mill-irmonk tagħha, li s-sewqan tagħha jiddependi mill-pussess ta’ titolu speċifiku, li normalment ikunu stazzjonati fit-territorju Portugiż, għandha, sabiex din il-vettura tkun tista’ tiċċirkula, tkun koperta minn assigurazzjoni li tiggarantixxi din ir-responsabbiltà, skont dan id-digriet‑liġi.”

10

L-Artikolu 11(2) tad-Digriet‑Liġi Nru 291/2007 jistabbilixxi:

“L-assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili prevista fl-Artikolu 4 tkopri d-danni subiti mill-persuna mixja fit-triq, miċ-ċiklisti u mill-persuni l-oħra li jagħmlu użu mit-toroq mingħajr vettura bil-mutur fil-każijiet u skont il-livell li għalih il-liġi applikabbli għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta minn inċidenti tat-traffiku tiffissa l-kumpens għal dawn id-danni.”

11

L-Artikolu 14(2)(b) ta’ dan id-digriet‑liġi jiddisponi:

“Huma wkoll esklużi mill-garanzija tal-assigurazzjoni d-danni materjali kollha kkawżati mill-persuni li ġejjin: […] detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni”.

12

L-Artikolu 15(3) ta’ dan id-digriet‑liġi jipprevedi:

“Fil-każijiet ta’ serq aggravat, ta’ serq sempliċi, jew ta’ reat minħabba fl-użu illegali ta’ vetturi bil-mutur u ta’ inċidenti tat-traffiku kkawżati intenzjonalment, l-assigurazzjoni ma tiggarantixxix il-kumpens dovut mill-awturi u mill-kompliċi rispettivi fir-rigward tal-proprjetarju […]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

Fis-26 ta’ April 2009, L. I. Delgado Mendes u martu kienu f’razzett li jappartjeni lilhom, fi Chamusca (il-Portugall), u fil-bitħa ta’ dan kienu pparkjati żewġ karozzi, waħda ta’ L. I. Delgado Mendes u l-oħra ta’ martu. Lejn is-18.00, il-persuni kkonċernati kkonstataw li mal-istering tal-vettura ta’ L. I. Delgado Mendes kien hemm raġel li huma ma kinux jafu u li kien startja din il-vettura. L. I. Delgado Mendes u martu immedjatament daħħlu fil-vettura l-oħra u bdew l-insegwiment ta’ din il-vettura.

14

Meta waslu f’salib it-toroq, il-vettura ta’ L. I. Delgado Mendes waqqfet. L. I. Delgado Mendes waqaf ukoll, madwar 20 metru bogħod minn din il-vettura, u ħareġ mill-vettura ta’ martu u mexa lejn il-vettura tiegħu stess.

15

Is-sewwieq tal-vettura ta’ L. I. Delgado Mendes irriversja, sabiex hekk din il-vettura laqtet kemm il-lemin tal-karozza tal-mara ta’ L. I. Delgado Mendes kif ukoll lil dan tal-aħħar, li waqa’ mal-art. Sussegwentement, dan is-sewwieq reġa’ saq ’il quddiem u mbagħad, f’daqqa waħda u malajr, reġa’ irriversja fuq L. I. Delgado Mendes li kien qiegħed iqum minn mal-art u saq fuqu, sabiex hekk kaxkru permezz tal-vettura tiegħu stess għal distanza ta’ madwar 8 metri.

16

Bħala riżultat dirett ta’ dan l-inċident, L. I. Delgado Mendes sofra fratturi multipli u trawma. Huwa kien segwit klinikalment sat-8 ta’ Frar 2011 u tqiegħed fuq leave tal-mard għal 654 jum u kien għadu qed isofri minn numru ta’ effetti li dan l-inċident ħalla warajh.

17

Fid-data ta’ dan l-inċident, ir-responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati lil terz mill-vettura ta’ L. I. Delgado Mendes kien assigurat minn CA Seguros, taħt polza tal-assigurazzjoni li ssemmi lill-persuna kkonċernata bħala d-detentriċi ta’ polza tal-assigurazzjoni u s-sewwieqa regolari ta’ din il-vettura. Din il-polza tal-assigurazzjoni b’mod partikolari kienet tispeċifika kif ġej:

hija ddefinita bħala terz kull “persuna li, minħabba f’inċident kopert mill-kuntratt, issofri dannu li jista’ jiġi rreperat jew kkumpensat skont id-dritt ċivili jew din il-polza tal-assigurazzjoni” [klawżola 1(e)];

“dan il-kuntratt huwa intiż sabiex jissodisfa l-obbligu ta’ assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tal-karozzi, previst mid-Digriet‑Liġi [Nru 291/2007]” (punt 1 tal-klawżola 2);

“dan il-kuntratt jiggarantixxi, fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi:

a)

ir-responsabbiltà ċivili tad-detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni, proprjetarju tal-vettura […] kif ukoll dik ta’ dawk li jkunu fil-pussess jew qed isuqu leġittimament din il-vettura, għad-danni fiżiċi u materjali, ikkawżati lil terzi;

b)

il-kumpens dovut mill-awturi ta’ serq sempliċi, ta’ serq aggravat, ta’ reat minħabba fl-użu illegali ta’ vetturi bil-mutur jew ta’ inċidenti tat-traffiku kkawżati intenzjonalment” (punt 2 tal-klawżola 2);

“dan il-kuntratt jinkludi […] għal dak li jikkonċerna l-inċidenti fit-territorju tal-Portugall, l-obbligu ta’ kumpens stabbilit mid-dritt ċivili” [punt 1(a) tal-klawżola 4];

huma “esklużi mill-garanzija obbligatorja tal-assigurazzjoni d-danni materjali kollha kkawżati [mid-]detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni” [punt 2(b) tal-klawżola 5];

“[f]il-każijiet ta’ serq aggravat […] u ta’ inċidenti tat-traffiku kkawżati intenzjonalment, l-assigurazzjoni ma tiggarantixxix il-kumpens dovut mill-awturi u mill-kompliċi rispettivi fir-rigward tal-proprjetarju […]” (punt 5 tal-klawżola 5).

18

L. I. Delgado Mendes ippreżenta rikors quddiem it-Tribunal de Comarca de Santarém (qorti tad-distrett ta’ Santarém, il-Portugall), intiż għall-kundanna ta’ CA Seguros sabiex iħallsuh kumpens li jammonta għal EUR 210641.00, bħala danni patrimonjali u mhux patrimonjali subiti, flimkien mal-interessi bir-rata legali min-notifika ta’ dan ir-rikors. Għal diversi raġunijiet, CA Seguros talbet għaċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors.

19

Din il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ L. I. Delgado Mendes bħala infondat għar-raġunijiet, b’mod partikolari, li skont l-Artikolu 15(3) tad-Digriet‑Liġi Nru 291/2007, il-proprjetarju tal-vettura kien eskluż miċ-ċirku ta’ benefiċjarji potenzjali tal-assigurazzjoni ffirmata.

20

L. I. Delgado Mendes appella din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal da Relação de Évora (qorti tal-appell ta’ Évora, il-Portugall). Huwa b’mod partikolari jsostni li għandha tingħata interpretazzjoni restrittiva lil dan l-Artikolu 15(3) fis-sens li jeskludi biss il-kumpens tad-danni materjali subiti mill-proprjetarju tal-vettura. Fil-fatt, permezz ta’ dan it-test, il-leġiżlatur ma kienx qed jinkludi inċidenti, bħal dawk li L. I. Delgado Mendes kien vittma tagħhom. L-għan ewlieni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet il-protezzjoni tal-vittmi ta’ danni fiżiċi, permezz tal-kumpens għal kulħadd, ħlief għas-sewwieq innifsu, peress li l-kumpens għad-danni fiżiċi subiti minn L. I. Delgado Mendes, f’dan il-każ, jaqgħu taħt l-istatus ta’ “terz li huwa vittma”.

21

CA Seguros topponi din l-interpretazzjoni restrittiva u b’mod partikolari ssostni li din tikser l-Artikolu 9 tal-Código civil (kodiċi ċivili), peress li l-assigurazzjoni kkonċernata hija intiża sabiex tiggarantixxi r-responsabbiltà ta’ “kull persuna li tista’ tkun responsabbli ċivilment tal-kumpens għad-dannu kkawżat lil terz permezz ta’ vettura tal-art bil-mutur”. Issa, ma jistax jiġi aċċettat li l-persuna responsabbli għar-riskju li jirriżulta miċ-ċirkulazzjoni ta’ karozza tkun hija nnifisha protetta taħt ir-responsabbiltà ċivili, daqs li kieku hija kellha l-kwalità ta’ terz.

22

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-għan tar-rikors huwa limitat għad-determinazzjoni tar-rabta eżistenti bejn, minn naħa, il-fatt li jikkawża r-responsabbiltà u l-obbligu ta’ kumpens tal-vittma li jirriżulta minn dan, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-limiti u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

23

It-Tribunal da Relação de Évora (qorti tal-appell ta’ Évora) tindika li tikkonferma kemm ir-responsabbiltà tas-sewwieq tal-vettura ta’ L. I. Delgado Mendes, assigurata minn CA Seguros, fil-każ ta’ inċident, kif ukoll l-obbligu fuq is-sewwieq biex jikkumpensa għad-danni li jkun ikkawża. Din il-qorti tippreċiża li, skont il-kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż bejn L. I. Delgado Mendes u CA Seguros, dan tal-aħħar huwa, f’sitwazzjoni preżenti fejn fiha l-vittma hija terz meta mqabbla mar-relazzjoni ta’ assigurazzjoni eżistenti bejn il-proprjetarju tal-vettura u l-kumpannija tal-assigurazzjoni tiegħu, li hija responsabbli b’mod ċar mill-kumpens għad-danni li jirriżultaw mit-tort esklużiv ta’ dan is-sewwieq.

24

Iżda l-kawża prinċipali għandha żewġ karatteristiċi partikolari, il-fatt li l-inċident kien ġie kkawżat intenzjonalment mis-sewwieq tal-vettura ta’ L. I. Delgado Mendes u li l-vittma, rikorrent fil-kawża, kienet id-detentriċi tal-polza tal-assigurazzjoni relatata ma’ din il-vettura.

25

Fir-rigward tal-ewwel fost dawn il-karatteristiċi, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-obbligu, għall-assiguratur, li jikkumpensa għad-danni li jirriżultaw minn inċidenti tat-traffiku kkawżati intenzjonalment hija stabbilita, mis-sena 2007, permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita tas-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema, il-Portugall).

26

Fir-rigward, madankollu, tat-tieni karatteristika, kemm l-Artikolu 15(3) tad-Digriet‑Liġi Nru 291/2007 kif ukoll il-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprevedu espressament li, “[f]il-każijiet ta’ serq […] u ta’ inċidenti tat-traffiku kkawżati intenzjonalment, l-assigurazzjoni ma tiggarantixxix il-kumpens dovut mill-awturi u mill-kompliċi rispettivi fir-rigward tal-proprjetarju”. Issa, iċ-ċirkustanzi tal-kawża jikkorrispondu għal dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(2)(b) ta’ dan id-digriet jeskludi wkoll “mill-garanzija tal-assigurazzjoni d-danni materjali kollha kkawżati […] mid-detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni”.

27

It-Tribunal da Relação de Évora (qorti tal-appell ta’ Évora) u CA Seguros jikkunsidraw, barra minn hekk, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(3) tad-Digriet‑Liġi Nru 291/2007 propost minn L. I. Delgado Mendes ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti, f’dan ir-rigward, fl-Artikolu 9 tal-kodiċi ċivili.

28

Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 14(2)(b) u tal-Artikolu 15(3) tad-Digriet‑Liġi Nru 291/2007 (iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni kkontestata”) mad-dritt tal-Unjoni. Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li t-Tieni Direttiva ssostitwit ir-relazzjoni bejn il-proprjetarju u l-assiguratur, tipika tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, bir-relazzjoni bejn l-assiguratur u l-persuna responsabbli mill-inċident u li t-Tielet Direttiva kkonfermat li r-relazzjoni determinanti, għal dak li jikkonċerna kwalunkwe disposizzjoni jew klawżola kuntrattwali li teskludi l-assigurazzjoni, kienet ir-relazzjoni bejn l-assiguratur u s-sewwieq u mhux ir-relazzjoni bejn l-assiguratur u l-proprjetarju, b’dan l-approċċ ikun ikkonfermat, matul is-sena 2008, mis-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema).

29

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-esklużjoni ta’ persuni koperti mil-leġiżlazzjoni kkontestata hija ddefinita fuq il-bażi ta’ kriterji ġenerali u astratti, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma kuntrarju għad-direttivi kkonċernati. Hija wkoll tistaqsi dwar il-konformità ta’ dawn l-esklużjonijiet, ibbażati biss fuq il-kwalità tal-proprjetarju tal-vettura li kienet is-suġġett tal-inċident, mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

30

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal da Relação de Évora (qorti tal-appell ta’ Évora) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fil-każ ta’ inċident tat-triq li minnu jirriżultaw danni fiżiċi u materjali fir-rigward ta’ persuna li ttajret intenzjonalment mill-vettura bil-mutur li tagħha kienet proprjetarja, li kienet qed tiġi misjuqa mill-persuna li serqitha, id-dritt [tal-Unjoni], b’mod speċifiku l-Artikoli 12(3) u 13(1) tad-Direttiva 2009/103/KE […], jipprekludi l-esklużjoni mid-dritt nazzjonali ta’ forma ta’ kumpens għall-imsemmija persuna li ttajret minħabba l-fatt li l-istess persuna għandha l-kwalità ta’ proprjetarja tal-vettura kif ukoll ta’ persuna koperta mill-assigurazzjoni tagħha?”

Fuq id-domanda preliminari

31

L-ewwel nett, qabel kollox għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2009/103 ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, minħabba fid-data tal-inċident li huwa għall-oriġini ta’ dan, huma b’mod partikolari, l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva u l-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva li huma, f’dan il-każ, applikabbli.

32

Sussegwentement, sabiex tingħata risposta utli għad-domanda magħmula, minbarra d-dispożizzjonijiet espressament imsemmija fid-domanda preliminari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva u l-Artikolu 1(1) tat-Tieni Direttiva.

33

Fl-aħħar nett, peress li l-qorti tar-rinviju ppreċiżat li l-obbligu, tal-assiguratur, li jikkumpensa l-inċidenti tat-traffiku kkawżati intenzjonalment huwa stabbilit, mill-2007, minn ġurisprudenza stabbilita tas-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema), jidher li d-domanda hawn magħmula, fir-realtà, ma tirrigwardax il-kwistjoni jekk l-Ewwel sat-Tielet Direttiva jimponu jew le kopertura minn assigurazzjoni obbligatorja għad-danni kkawżati minn inċidenti tat-traffiku kkawżati intenzjonalment, iżda speċifikament dwar il-kompatibbiltà ma’ dawn id-direttivi tal-esklużjoni ta’ tali kopertura ta’ persuna, mixja fit-triq għas-sempliċi raġuni li din il-persuna kienet id-detentriċi tal-assigurazzjoni u l-proprjetarja tal-vettura li kkawżat id-danni.

34

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva u l-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi l-kopertura u għalhekk il-kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur tad-danni fiżiċi u materjali subiti minn persuna mixja fit-triq vittma ta’ inċident tat-traffiku, minħabba biss il-fatt li din il-persuna kienet id-detentriċi ta’ polza tal-assigurazzjoni u l-proprjetarja tal-vettura li kkawżat id-danni.

35

Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi bil-mutur hija intiża li tiżgura l-moviment liberu kemm ta’ vetturi normalment stazzjonati fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll ta’ persuni li jivvjaġġaw f’tali vetturi kif ukoll li tiggarantixxi li l-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, indipendentement mit-territorju tal-Unjoni fejn seħħ l-inċident (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punt 27).

36

Għaldaqstant, l-Ewwel Direttiva, kif iċċarata u kkompletata mit-Tieni u mit-Tielet Direttiva, timponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur normalment stazzjonati fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni u tippreċiża, b’mod partikolari, it-tipi ta’ danni u t-terzi li huma vittmi li din l-assigurazzjoni għandha tkopri (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-għan tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva u tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva jikkonsisti f’li tiġi ggarantita l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi bil-mutur li tippermetti lill-passiġġieri vittma ta’ inċident ikkawżat minn vettura li jiġu kkumpensati għad-dannu subit minnhom (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punt 29).

38

Fil-fatt, l-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja turi li dan l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi ġie mfittex u msaħħaħ b’mod kostanti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 52).

39

B’mod partikolari, id-Direttiva 2005/14/KE wessgħat, bl-introduzzjoni tal-Artikolu 1a fit-Tielet Direttiva, il-kopertura ta’ assigurazzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva għad-danni fiżiċi u materjali subiti mill-persuni mixja fit-triq, miċ-ċiklisti u dawk kollha li jużaw it-triq mingħajr vettura bil-mutur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 55).

40

Konsegwentement, peress li fil-mument tal-inċident inkwistjoni L. I. Delgado Mendes kellu l-kwalità ta’ persuna mixja fit-triq, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva jirrikjedi li d-danni fiżiċi u materjali li huwa sofra b’riżultat ta’ dan l-inċident u li għalihom persuna mixja fit-triq hija intitolata tibbenefika minn kumpens konformement mad-dritt ċivili nazzjonali, ikunu koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja relatata mal-vettura tiegħu.

41

B’mod iktar speċifiku għal dak li jirrigwarda l-kwalità ta’ vittma ta’ inċident tat-traffiku ta’ detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni u ta’ proprjetarju tal-vettura involuta fl-inċident, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi mfittex mill-Ewwel sat-Tielet Direttiva jeħtieġ li s-sitwazzjoni legali tal-proprjetarju tal-vettura, li kien abbord ta’ din tal-aħħar fil-mument ta’ dan l-inċident bħala passiġġier, tiġi assimilata ma’ dik ta’ kwalunkwe vittma oħra li tkun passiġġier f’dak l-istess inċident (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punt 30).

42

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-għan jipprekludi wkoll li leġiżlazzjoni nazzjonali tillimita indebitament l-kunċett ta’ passiġġier kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi bil-mutur, billi teskludi minn dan il-kunċett il-persuni li kienu f’parti minn vettura li la kienet intiża għat-trasport tagħhom u lanqas kienet mgħammra għal dan il-għan (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punt 30).

43

Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li dan l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi jeħtieġ ukoll li s-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna li kienet assigurata sabiex issuq il-vettura, iżda li kienet passiġġiera ta’ din il-vettura fil-mument tal-inċident, tiġi assimilata ma’ dik ta’ kwalunkwe vittma oħra li tkun passiġġier f’dak l-istess inċident u li, għalhekk, il-fatt li persuna kellha assigurazzjoni sabiex tkun tista’ ssuq il-vettura li kkawżat dan l-inċident ma jippermettix li din il-persuna tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “terz li huwa vittma” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva, peress li kienet passiġġiera u mhux sewwieqa ta’ din il-vettura. (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punti 3132).

44

B’analoġija għal dan, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li persuna mixja fit-triq ittajret matul inċident tat-traffiku kienet id-detentriċi ta’ polza tal-assigurazzjoni u l-proprjetarja tal-vettura li kkawżat dan l-inċident ma jippermettix li din il-persuna tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “terz li huwa vittma”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva u tal-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva.

45

Fil-fatt, hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju u kif sostniet korrettament il-Kummissjoni, il-fatt li l-proprjetarju tal-vettura kkonċernata u d-detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni ma kienx abbord tal-vettura matul l-inċident, iżda ttajjar minn din il-vettura, bħala persuna mixja fit-triq, ma tistax tiġġustifika trattament differenti, fid-dawl tal-istess għan ta’ protezzjoni mfittex mill-Ewwel sat-Tielet Direttiva, kif imsemmi fil-punt 41 ta’ din is-sentenza.

46

Fit-tieni lok, fir-rigward tad-drittijiet rikonoxxuti lil terzi li huma vittmi, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ kopertura mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili ta’ danni kkawżati lil terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni, ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel wieħed huwa ddefinit u ggarantit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni wieħed huwa rregolat, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jirriżulta mill-għan tal-Ewwel sat‑Tielet Direttiva, kif ukoll mill-kliem tagħhom, li huma ma humiex intiżi li jarmonizzaw is-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri u li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jiddeterminaw is‑sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens ta’ inċidenti li jirriżultaw miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur ma jistgħux iċaħħdu l-Ewwel sat-Tielet Direttiva mill-effett utli tagħhom (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Hekk kif ippreċiżat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-direttivi jiġu mċaħħda minn tali effett jekk, fuq il-bażi tal-kontribut tal-vittma għall-okkorrenza tad-dannu, leġiżlazzjoni nazzjonali, definita fuq il-bażi ta’ kriterji ġenerali u astratti, jew iċċaħħad lill-vittma d-dritt li tiġi kkumpensata mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward taċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, jew tillimita tali dritt b’mod sproporzjonat. Għaldaqstant, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni individwali, dan id-dritt jista’ jiġi limitat (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Għalhekk jirriżulta mill-ġurisprudenza li dawn id-direttivi jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li tippermetti li jiġi rrifjutat jew limitat b’mod sproporzjonat, fuq is-sempliċi bażi tal-kontribut ta’ passiġġier għat-twettiq tad-dannu subit minnu, id-dritt tal-imsemmi passiġġier li jiġi kkumpensat mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Issa dan huwa l-istess fil-każ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-leġizlazzjoni kkontestata, li tippermetti li persuna mixja fit-triq tiġi rrifjutata, fuq il-bażi biss tal-kwalità tagħha ta’ detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni u ta’ proprjetà tal-vettura li kkawżatilha danni fiżiċi u materjali, id-dritt li tiġi kkumpensata mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur.

52

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jipprekludi li l-assiguratur tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi bil-mutur jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet legali jew klawżoli kuntrattwali sabiex jirrifjuta li jikkumpensa lill-vittmi ta’ inċident ikkawżat minn vettura assigurata (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punt 33).

53

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva sempliċement ifakkar dan l-obbligu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet jew tal-klawżoli ta’ polza tal-assigurazzjoni msemmija fl-imsemmi artikolu, li jeskludu mill-kopertura tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi bil-mutur id-dannu kkawżat lil terzi li huma vittmi minħabba l-użu jew is-sewqan tal-vettura assigurata minn persuni li ma humiex awtorizzati jsuqu din il-vettura, minn persuni li ma għandhomx liċenzja tas-sewqan jew minn persuni li ma jikkonfermawx mal-obbligi legali previsti fil-liġi dwar l-istat u s-sigurtà tal-imsemmija vettura (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punt 34).

54

Huwa minnu li, permezz ta’ deroga minn dan l-obbligu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva jipprevedi li ċerti vittmi jistgħu ma jiġux ikkumpensati mill-assiguratur, fid-dawl tas-sitwazzjoni li ħolqu huma stess, jiġiferi l-persuni li minn jeddhom rikbu fil-vettura li kkawżat id-dannu, meta l-assiguratur stess jista’ jipprova li l-vettura kienet misruqa. Madankollu, u hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tista’ biss issir f’dan il-każ partikolari (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punt 35).

55

Madankollu, fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li dan ma huwiex il-każ.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni kkontestata ddgħajjef il-garanzija, prevista mid-dritt tal-Unjoni, li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, kif iddeterminat mid-dritt nazzjonali applikabbli, għandu jkun kopert minn assigurazzjoni konforma mal-Ewwel sat-Tielet Direttiva.

57

Minn dan isegwi li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva kif ukoll l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-assiguratur tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur jista’ jibbenefika minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-leġiżlazzjoni kkontestata sabiex jirrifjuta li jikkumpensa lil terz li huwa vittma ta’ danni fiżiċi u materjali subiti matul inċident ikkawżat minn vettura assigurata.

58

Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li din il-konstatazzjoni ma hijiex invalidata mill-argument ta’ CA Seguros li s-sistema ta’ responsabilità ċivili hija effettwata serjament jekk din ir-responsabbiltà tista’ tiġi mġarrba fir-rigward tal-istess persuna assigurata, ħaġa li t-talba għal kumpens stess fil-kawża prinċipali qed timplika.

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju ppreċiżat li l-għan tar-rikors fil-kawża prinċipali huwa limitat, f’dan l-istadju tal-proċedura, għall-portata tal-kopertura mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tar-responsabbiltà ċivili diġà kkonstatata. Fil-fatt, din il-qorti affermat li kienet diġà ammettiet li s-sewwieq tal-vettura assigurata kien responsabbli għall-kumpens għad-danni li kien ikkawża u hija indikat li, skont il-kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż bejn L. I. Delgado Mendes u CA Seguros, din tal-aħħar, fl-assenza tal-leġiżlazzjoni kkontestata, kienet responsabbli sabiex tikkumpensa għad-danni li jirriżultaw esklużivament mit-tort tas-sewwieq.

60

Għaldaqstant, l-argument ta’ CA Seguros ma għandu l-ebda bażi fattwali, peress li l-qorti tar-rinviju ma kkonstatatx l-impenn tar-responsabbiltà ċivili ta’ L. I. Delgado Mendes fir-rigward tiegħu nnifsu, iżda l-impenn, fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, tar-responsabbiltà tas-sewwieq tal-vettura involuta fl-inċident inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li tingħata r-risposta li ġejja għad-domanda magħmula, li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva kif ukoll l-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi l-kopertura u għalhekk il-kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur għad-danni fiżiċi u materjali subiti minn persuna mixja fit-triq vittma ta’ inċident tat-traffiku, minħabba biss il-fatt li din il-persuna kienet id-detentriċi ta’ polza tal-assigurazzjoni u l-proprjetarja tal-vettura li kkawżat id-danni.

Fuq l-ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif emendat bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, kif ukoll l-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif emendata bid-Direttiva 2005/14, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi l-kopertura u għalhekk il-kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur għad-danni fiżiċi u materjali subiti minn persuna mixja fit-triq vittma ta’ inċident tat-traffiku, minħabba biss il-fatt li din il-persuna kienet id-detentriċi ta’ polza tal-assigurazzjoni u l-proprjetarja tal-vettura li kkawżat id-danni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.