Kawża C‑499/16

AZ

vs

Minister Finansów

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98 – Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi – Punt 1 tal-Anness III – Prodotti tal-ikel – Ikel tal-għaġina u kejkijiet – Data minima li jinżamm il-prodott jew data ta’ skadenza – Prinċipju ta’ newtralità fiskali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad‑9 ta’ Novembru 2017

Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi – Applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għall-prodotti tal-ikel – Ikel tal-għaġina u kejkijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rata mnaqqsa skont id-data minima li jinżamm il-prodott jew id-data ta’ skadenza – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità – Kriterju – Natura li tixxiebah tal-oġġetti jew tal-provvisti ta’ servizzi – Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 98)

L-Artikolu 98 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat‑28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix – sakemm il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jkun osservat, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika – leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għall-ikel tal-għaġina u għall-kejkijiet friski għall-kriterju uniku tad-“data minima [tagħhom] li jinżamm il-prodott” jew tad-“data ta’ skadenza” tagħhom.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 98(3) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Istati Membri jistgħu jużaw in-NM meta japplikaw ir-rati mnaqqsa għall-kategoriji li jagħmlu riferiment għal oġġetti, sabiex jiddelimitaw bi preċiżjoni l-kategorija kkonċernata. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-użu tan-NM huwa biss metodu fost oħrajn sabiex il-kategorija kkonċernata tiġi ddelimitata bi preċiżjoni.

Għalhekk, sa fejn il-kriterju marbut ma’ ċertu numru ta’ jiem ta’ konservazzjoni jiddelimita bi preċiżjoni l-kategorija kkonċernata, hemm lok jiġi kkonstatat li din l-applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa ta’ VAT għal aspett konkret u speċifiku tal-oġġetti inklużi f’waħda mill-kategoriji tal-imsemmi Anness III hija, bħala prinċipju, kompatibbli mal-Artikolu 98 tad-Direttiva dwar il-VAT.

Madankollu, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiksirx il-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan il-prinċipju jipprekludi li oġġetti jew provvisti ta’ servizzi li jixxiebhu, li jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom, ikunu ttrattati b’mod differenti mill-aspett tal-VAT (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, K,C‑219/13, EU:C:2014:2207, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-natura li tixxiebah tal-oġġetti jew tal-provvisti ta’ servizzi kkonċernati, li mingħajr dubju hija r-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandha prinċipalment tittieħed inkunsiderazzjoni l-perspettiva tal-konsumatur medju. Oġġetti jew provvisti ta’ servizzi jkunu jixxiebhu meta jkollhom karatteristiċi li jixxiebhu u jissodisfaw l-istess bżonnijiet tal-konsumatur, skont kriterju ta’ tqabbil fl-użu, u meta d-differenzi eżistenti ma jaffettwawx b’mod kunsiderevoli d-deċiżjoni tal-konsumatur medju li jirrikorri għal wieħed jew ieħor mill-imsemmija oġġetti jew provvisti ta’ servizzi (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, K,C‑219/13, EU:C:2014:2207, punt 25).

(ara l-punti 25, 28‑31, 36, u d-dispożittiv)