SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Artikolu 45 TFUE – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21(1) – Direttiva 2000/78/KE – Artikoli 2, 6 u 16 – Data ta’ riferiment għall-finijiet tal-avvanza fil-karriera – Leġiżlazzjoni diskriminatorja ta’ Stat Membru li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ attività mwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni – Tneħħija tad-dispożizzjonijiet kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża C‑482/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Innsbruck, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Settembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Settembru 2016, fil-proċedura

Georg Stollwitzer

vs

ÖBB Personenverkehr AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Lulju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Stollwitzer, minn M. Orgler u J. Pfurtscheller, Rechtsanwälte,

għal ÖBB Personenverkehr AG, minn C. Wolf, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u G. Hesse, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikoli 2, 6 u 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Georg Stollwitzer u ÖBB-Personenverkehr AG (iktar ’il quddiem “ÖBB”) dwar il-legalità tal-iskema professjonali ta’ remunerazzjoni stabbilita mil-leġiżlatur Awstrijak sabiex jelimina diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2000/78

3

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha “[l]-iskop […] li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji […]

[…]”

5

Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva, din għandha tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni Ewropea, għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi l-korpi pubbliċi f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni.

6

L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva huwa redatt kif ġej:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

[…]”

7

L-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jitneħħew il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Id-dritt Awstrijak

8

Wara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381), il-Bundesgesetz zur Neuordnung der Rechtsverhältnisse der Österreichischen Bundesbahnen (Bundesbahngesetz 1992) (il-Liġi Federali li Torganizza mill-Ġdid ir-Relazzjonijiet Ġuridiċi tal-Ferroviji Federali Awstrijaċi (il-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑1992), BGBl. I, 825/1992)) ġiet emendata matul is-sena 2011 (BGBl. I, 129/2011, iktar ’il quddiem il-“Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2011”). Din l-emenda introduċiet, fl-Artikolu 53a ta’ din il-liġi u mill-1 ta’ Jannar 2004, metodu ġdid ta’ determinazzjoni tad-data ta’ riferiment għall-finijiet tal-avvanz fil-karriera.

9

Fis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iskema stabbilita fl-Artikolu 53 tal-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2011 kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, sa fejn, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-emenda leġiżlattiva magħmula kienet ċertament tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ servizz ta’ qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, iżda fl-istess ħin kienet tipprevedi, biss għall-ħaddiema vittmi ta’ din id-diskriminazzjoni, dispożizzjoni li kienet testendi b’sena l-perijodu meħtieġ għall-avvanz fil-karriera f’kull waħda mill-ewwel tliet skali ta’ remunerazzjoni, u b’hekk kienet definittivament tinvolvi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età. Wara din is-sentenza, il-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2011 kienet ġiet emendata mill-ġdid matul is-sena 2015 (BGBl. I, 64/2015,’il quddiem il-“Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015”).

10

L-Artikolu 53a tal-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015 huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Id-data ta’ riferiment għall-finijiet tal-avvanz fil-karriera għandha tkun id-data li fiha t-terminu li jippermetti l-aċċess għall-iskala ta’ remunerazzjoni ogħla jibda jiddekorri għall-ewwel darba.

(2)   Sabiex tiġi ddeterminata d-data ta’ riferiment għall-finijiet tal-avvanz fil-karriera, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-perijodi mwettqa fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol jew ta’ relazzjoni ta’ taħriġ bħala apprendist ma’:

(a)

[ÖBB], waħda mill-predeċessuri tagħha fid-dritt jew, mid-dħul fis-seħħ tal-proċeduri rregolati ta’ diviżjoni u ta’ organizzazzjoni mill-ġdid li jikkonċernaw lil ÖBB-Holding AG, kumpanniji indikati fil-Parti 3 ta’ din il-liġi Federali — fil-verżjoni tal-Liġi Federali ppubblikata fil-BGBl. I 138/2003 –, is-suċċessuri tagħhom fid-dritt u impriżi li jirriżultaw minn waħda minn dawn il-kumpanniji sussegwentement għall-miżuri ta’ organizzazzjoni mill-ġdid adottati fil-kuntest tad-dritt tal-kumpanniji fis-seħħ, kif ukoll impriżi li lilhom ġew ittrasferiti, b’mod kuntrattwali jew wara trasferiment (trasferimenti) ta’ impriża, ir-relazzjonijiet ta’ xogħol tal-membri tal-persunal impjegati fil-31 ta’ Diċembru 2003 minn [ÖBB], u

(b)

impriżi ta’ infrastrutturi ferrovjarji u/jew ta’ trasport ferrovjarju ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), tar-Repubblika tat-Turkija jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, sakemm tali obbligu jirriżulta mill-ftehimiet rispettivi ta’ assoċjazzjoni jew ta’ moviment liberu.

(3)   L-avvanz fil-karriera għandu jseħħ fl-1 ta’ Jannar sussegwenti għall-iskadenza tat-terminu għall-avvanz fil-karriera.

[…]

(5)   Wara li jkunu ġew debitament ikkomunikati u pprovati l-perijodi ta’ servizz preċedenti, sa mhux iktar tard mill-iskadenza tat-terminu indikat fil-paragrafu (4), il-klassifikazzjoni għandha ssir fl-iskali ta’ remunerazzjoni tal-iskali tas-salarju li jinsabu fl-Annessi 2 u 2a tal-[Allgemeine Vertragsbedingungen für Dienstverträge bei den Österreichischen Bundesbahnen (AVB) (il-Kundizzjonijiet Ġenerali Applikabbli għall-Kuntratti ta’ Xogħol mas-Servizz tal-Ferroviji Awstrijaċi)], fuq il-bażi tad-data ta’ riferiment għall-finijiet tal-avvanz fil-karriera ddeterminata skont il-paragrafu (2).

(6)   Il-klassifikazzjoni prevista fil-paragrafu (5) ma għandha twassal għal ebda tnaqqis fis-salarji rċevuti qabel il-pubblikazzjoni tal-[Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015]. Jekk il-klassifikazzjoni b’applikazzjoni tal-paragrafu (5) twassal għal tnaqqis fis-salarju rċevut fir-rigward tal-aħħar xhar preċedenti għall-pubblikazzjoni tal-[Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015], dan is-salarju tal-aħħar irċevut għandu jinżamm sakemm is-salarju li jirriżulta mill-klassifikazzjoni b’applikazzjoni tal-paragrafu (5) jilħaq il-livell tas-salarju miżmum, skont l-Annessi 2 u 2a tal-[Kundizzjonijiet Ġenerali Applikabbli għall-Kuntratti ta’ Xogħol mas-Servizz tal-Ferroviji Awstrijaċi].

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

G. Stollwitzer beda jaħdem ma’ waħda mill-predeċessuri fid-dritt ta’ ÖBB fis-17 ta’ Jannar 1983. B’teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa minn G. Stollwitzer qabel id-dħul tiegħu fis-servizz, id-data ta’ riferiment għall-finijiet tal-avvanz tiegħu fil-karriera kienet ġiet stabbilita għat-2 ta’ Lulju 1980.

12

Din id-data tiddetermina, fost oħrajn, il-grupp ta’ rimunerazzjoni fl-iskala tas-salarji, li fi ħdanha ħaddiem jikseb f’intervalli regolari tlugħ fl-iskala. F’dak iż-żmien, din kienet iddeterminata billi jiġu kkalkolati l-perijodi mwettqa qabel id-dħul fis-servizz, bl-esklużjoni madankollu tal-perijodu preċedenti għall-età ta’ 18-il sena magħluqa. Il-perijodu meħtieġ għall-avvanz fil-karriera kien iffissat għal sentejn għall-iskali kollha.

13

F’dak li jikkonċerna lil ÖBB, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 53a tal-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015, il-leġiżlatur Awstrijak għażel riforma kompleta u retroattiva tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività preċedenti sabiex ineħħi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, bħal dik li kienet ġiet ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38).

14

Filwaqt li bbaża ruħu fuq is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381) u tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38), G. Stollwitzer ippreżenta rikors quddiem il-Landesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali ta’ Innsbruck, l-Awstrija) kontra ÖBB, sabiex din tal-aħħar tiġi kkundannata tħallsu somma li tikkorrispondi għad-differenza bejn is-salarju li rċieva bejn is-snin 2008 u 2015 u dak li kien ikun dovut lilu, fil-fehma tiegħu, jekk il-perijodi meħtieġa għall-avvanz fil-karriera kienu ġew ikkalkolati skont is-sitwazzjoni legali eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 53a tal-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015, iżda bl-inklużjoni tal-perijodi ta’ servizz preċedenti għall-għeluq tiegħu tal-età ta’ 18-il sena.

15

Il-Landesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali ta’ Innsbruck) ċaħdet ir-rikors, billi qieset li l-applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 53 tal-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015 kienet temmet kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Peress li G. Stollwitzer ma kienx f’pożizzjoni li jipproduċi l-prova tal-perijodi ta’ servizz meħtieġa taħt l-Artikolu 53a(2) ta’ din il-liġi, il-kalkolu tad-data ta’ riferiment għall-finijiet tar-remunerazzjoni bl-ebda mod ma kien tbiddel fil-każ tiegħu.

16

G. Stollwitzer appella minn dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Oberlandesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Innsbruck, l-Awstrija). Fl-istess ħin, huwa ressaq proċeduri quddiem il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija), li fi tmiemhom din tal-aħħar iddikjarat l-Artikolu 53a tal-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015 kompatibbli mas-sistema kostituzzjonali Awstrijaka. Il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali) indikat f’dan ir-rigward li, b’riżultat tas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38), id-dati ta’ riferiment għall-finijiet tal-avvanz fil-karriera tal-ħaddiema kollha tal-impriża kienu ġew ikkalkolati mill-ġdid bir-reqqa. F’każ fejn bidla fid-dati ta’ riferiment għall-finijiet tal-avvanz fil-karriera jkollha l-effett li tqiegħed fi żvantaġġ lil xi wħud minnhom, is-salarji eżistenti jinżammu, skont l-Artikolu 53a(6) ta’ din il-liġi (iktar ’il quddiem il- “klawżola ta’ salvagwardja”), sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

17

Skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 53a tal-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015 effettivament eliminax kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi eżaminat jekk din id-dispożizzjoni tintroduċix forma oħra ta’ diskriminazzjoni minn dik eżistenti taħt ir-regoli preċedentement applikabbli.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Innsbruck) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)

Id-dritt tal-Unjoni fis-seħħ, b’mod partikolari l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 6(3) TUE u tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea […], il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta mill-moviment liberu tal-ħaddiema prevista fl-Artikolu 45 TFUE u fid-Direttiva [2000/78], għandu jiġi interpretat b’mod li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali […] li, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-[sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C-417/13, EU:C:2015:38)] (jiġifieri l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena għall-membri tal-persunal [ta’ ÖBB]), tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena ta’ parti żgħira tal-membri tal-persunal tal-ÖBB iddiskriminati mil-leġiżlazzjoni preċedenti (minkejja li unikament il-perijodi mwettqa fi ħdan l-ÖBB jew impriżi pubbliċi simili ta’ infrastrutturi ferrovjarji u/jew trasport bil-ferrovija fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni u/jew moviment liberu), iżda madankollu ma tiħux inkunsiderazzjoni l-perijodi kollha l-oħra ta’ servizz mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena li jikkonċernaw il-parti l-kbira tal-membri tal-persunal tal-ÖBB iddiskriminati inizjalment, b’mod partikolari l-perijodi li jippermettu lill-membri tal-persunal tal-ÖBB ikkonċernati jwettqu aħjar ix-xogħol tagħhom, bħal pereżempju l-perijodi ta’ servizz imwettqa fi ħdan impriżi oħra pubbliċi jew privati ta’ trasport u/jew ta’ infrastrutturi, li jimmanifatturaw, iħaddmu jew imantnu l-infrastruttura użata mill-persuna li timpjega [ÖBB] (materjal fuq ir-roti, kostruzzjoni ta’ binarji ferrovjarji, kostruzzjoni ta’ linji, sistemi elettriċi u elettroniċi, devjatur, kostruzzjoni ta’ stazzjonijiet, eċċ), jew impriżi [analogi] għal dawn, u li b’hekk fil-fatt tkompli effettivament u definittivament diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għad-detriment tal-parti l-kbira tal-membri tal-persunal tal-ÖBB affettwati mil-leġiżlazzjoni diskriminatorja preċedenti?

(2)

L-aġir ta’ Stat Membru, proprjetarju ta’ 100 % ta’ impriża ta’ trasport bil-ferrovija u li huwa, fil-fatt, il-persuna li timpjega membri tal-persunal li jaħdmu għal din il-impriża, jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza sabiex dan l-Istat jitqies responsabbli abbażi tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-kundizzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, bħal pereżempju tal-Artikolu 2(1) flimkien mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78/KE, interpretati minn diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja [tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C-88/08, EU:C:2009:381); tas-16 ta’ Jannar 2014, Pohl, (C-429/12, EU:C:2014:12), u tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C-417/13, EU:C:2015:38)], meta għal raġunijiet purament fiskali, dan l-Istat Membru pprova jevita fl-2011 u l-2015, permezz ta’ emendi leġiżlattivi applikabbli retroattivament, id-dritt ta’ dawn il-membri tal-persunal, ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, għal ħlas addizzjonali ta’ remunerazzjoni minħabba d-diskriminazzjoni, b’mod partikolari bbażata fuq l-età, ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-sentenzi […] u rrikonoxxut ukoll f’diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali fosthom deċiżjoni tal-Oberster Gerichtshof ([il-Qorti Suprema, l-Awstrija]) […]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

19

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikoli 2, 6 u 16 tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-ħaddiema ta’ impriża fit-tabelli tas-salarji, biss il-perijodi ta’ attività mwettqa wara l-età ta’ 18-il sena, tneħħi, b’mod retroattiv u fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema kollha, dan il-limitu ta’ età iżda tawtorizza biss it-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza miksuba ma’ impriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku.

20

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-għan tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li din hija intiża li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiżgura lil kull persuna ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, billi toffrilha protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom hemm l-età (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, de Lange, C‑548/15, EU:C:2016:850, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, “prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” ifisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

22

Skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva, ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna, minħabba l-età tagħha, tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi ttrattata, ġiet ittrattata jew kieku tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli. Skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, ikun hemm diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ tinvolvi żvantaġġ partikolari għal persuni ta’ età partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma tkunx oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu u sakemm il-mezzi għat-twettiq ta’ dan l-għan ma jkunux xierqa u meħtieġa.

23

Hekk kif jirriżulta mill-fajl li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, l-Artikolu 53a tal-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015 jipprevedi tliet stadji. L-ewwel wieħed minnhom jikkonsisti fl-ikkalkolar mill-ġdid retroattivament tad-data ta’ riferiment għall-finijiet tal-avvanz tal-ħaddiem ikkonċernat fl-iskala tas-salarji marbuta mal-impjieg tiegħu. B’hekk, għall-kalkolu ta’ din id-data l-ġdida, din il-leġiżlazzjoni tieħu biss inkunsiderazzjoni, b’mod integrali u irrispettivament mill-età li fiha dan il-ħaddiem wettaqhom, il-perijodi ta’ attività mwettqa preċedentement ma’ impriżi ferrovjarji nazzjonali, ta’ Stati Membri oħra u tar-Repubblika tat-Turkija kif ukoll tal-Konfederazzjoni Svizzera. Min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni l-ġdida ma tipprevedi iktar ebda teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi l-oħra ta’ attività mwettqa preċedentement mill-imsemmi ħaddiem.

24

It-tieni stadju jikkonsisti fil-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiem ikkonċernat abbażi tad-data ta’ riferiment il-ġdida għall-finijiet tal-avvanz fil-karriera tiegħu, jiġifieri l-applikazzjoni fil-konfront tiegħu tal-iskema stabbilita mill-Artikolu 53a tal-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015. Id-data ta’ riferiment il-ġdida meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-avvanz fil-karriera tista’ għalhekk twassal għal żieda fis-salarju rċevut u għalhekk twassal għall-ħlas ta’ arretrati tas-salarju. Skont il-klawżola ta’ salvagwardja, jekk id-data ta’ riferiment il-ġdida għall-finijiet tal-avvanz fil-karriera twassal għal klassifikazzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat fi skala inqas, is-salarju effettivament irċevut fil-mument tad-determinazzjoni ta’ din id-data l-ġdida għandu jinżamm għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet miksuba. Dan is-salarju huwa ggarantit lilu sakemm huwa jkun wettaq il-perijodu ta’ servizz meħtieġ sabiex tintlaħaq skala għola fuq il-bażi tad-data ta’ riferiment il-ġdida għall-finijiet tal-avvanz fil-karriera.

25

It-tielet stadju previst mil-leġiżlatur Awstrijak jikkonsisti fl-introduzzjoni, għall-ħaddiema kollha ta’ ÖBB, ta’ skala ta’ salarju addizzjonali qabel l-aħħar skala, intiża sabiex tikkumpensa għall-effetti pekunjarji negattivi li fin-nuqqas ta’ dan twassal għalihom il-bidla tad-data ta’ riferiment għall-finijiet tal-avvanz fil-karriera tagħhom.

26

Għandu jiġi eżaminat jekk din il-leġiżlazzjoni tipperpetwax id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-iskemi preċedenti u tistabbilixxix diskriminazzjoni ġdida minħabba l-età fost il-ħaddiema ta’ ÖBB.

27

Skont il-qorti tar-rinviju, iż-żieda fis-salarju li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni, skont is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381), u tat‑28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, ECLI:EU:C:2015:38), tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena tiġi ridotta fix-xejn mill-iskema stabbilita mill-Artikolu 53a tal-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015 minħabba, l-ewwel nett, l-assenza kważi totali ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa bejn l-età ta’ 18-il sena u d-dħul fis-servizz, perijodi li, madankollu, jippermettu lill-ħaddiem ikkonċernat jaqdi d-dmirijiet tiegħu aħjar, it-tieni nett, l-introduzzjoni ta’ skala ta’ qabel tal-aħħar ġdida ta’ remunerazzjoni u, it-tielet nett, il-klawżola ta’ salvagwardja. Dawn il-miżuri f’kull każ iwasslu għal tnaqqis fid-dħul irċevut matul il-ħajja professjonali kollha tal-ħaddiema li sa dak iż-żmien ma kinux iddiskriminati.

28

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq qari żbaljat ta’ dawn is-sentenzi. Fil-fatt, tqeghid f’konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mas-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38) ma jagħtix neċessarjament id-dritt, għall-ħaddiema li kienu suġġetti għad-diskriminazzjoni kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja, għal tali żieda fis-salarju. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat fil-punti 43 sa 45 ta’ dik is-sentenza, għalkemm l-Istati Membri, skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, għandhom l-obbligu li jneħħu l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, dan l-artikolu madankollu ma jimponilhomx jadottaw miżuri speċifiċi fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, iżda jħallilhom il-libertà jagħżlu minn fost is-soluzzjonijiet differenti adattati sabiex jintlaħaq l-għan intiż, dik li huma jqisu bħala l-iktar adatta għal dan il-għan, skont is-sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu.

29

Tali tqegħid f’konformità, bil-għan li titneħħa diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, skont l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, ma jkollux għaldaqstant neċessarjament il-konsegwenza li jippermetti lil ħaddiem, li l-perijodi ta’ attività tiegħu mwettqa qabel ma għalaq 18-il sena ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-avvanz fil-karriera tiegħu minħabba l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali diskriminatorja, jikseb kumpens finanzjarju li jikkorrispondi għad-differenza bejn is-salarju li huwa kien jirċievi fl-assenza ta’ diskriminazzjoni u dak li huwa effettivament irċieva.

30

Fi kliem ieħor, it-tneħħija ta’ diskriminazzjoni ma tfissirx madankollu li l-persuna ddiskriminata taħt l-iskema legali preċedenti tibbenefika awtomatikament mid-dritt li tirċievi retroattivament tali differenza fis-salarju jew żieda fis-salarji futuri. Dan ikun il-każ biss jekk, u sakemm, miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament ma jkunux ġew adottati mil-leġiżlatur nazzjonali. Fil-fatt, f’dak il-każ, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ tiġi żgurata biss permezz tal-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija pprivileġġata, sistema li, fin-nuqqas tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, tibqa’ l-unika sistema ta’ riferiment valida (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr, C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Hekk kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jelimina d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li ġiet ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381), il-leġiżlatur Awstrijak kien għaldaqstant liberu li jiddeċiedi, kif għamel, li jemenda retroattivament is-sistema kollha tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività preċedenti. It-tneħħija pura u sempliċi tal-projbizzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali miksuba qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena kienet biss waħda mill-possibbiltajiet li kienu possibbli għal dak il-leġiżlatur sabiex jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78.

32

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, minħabba d-dħul fis-seħħ retroattiv tiegħu, il-kriterju tal-età huwa formalment imneħħi, u b’hekk huwa possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza mwetttqa, irrispettivament mill-età li fiha din inkisbet.

33

Barra minn hekk, l-Artikolu 53a tal-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015 japplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema kollha ta’ ÖBB, jiġifieri kemm għal dawk li kienu ddiskriminati taħt is-sistema preċedenti kif ukoll għal dawk li din tal-aħħar kienet iffavorixxiet, u jittrasferixxi dawn il-ħaddiema kollha fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni li huwa jistabbilixxi.

34

L-Artikolu 53a tal-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015 huwa distint f’dan ir-rigward mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359), u tat‑28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38) li fihom l-effetti tal-leġiżlazzjoni l-ġdida kienu japplikaw biss fir-rigward tal-ħaddiema ddiskriminati taħt is-sistema preċedenti u għaldaqstant żammet id-differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ gruppi ta’ ħaddiema f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tagħhom fl-iskala ta’ remunerazzjoni.

35

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-ħaddiema li wettqu qabel l-età ta’ 18-il sena perijodi ta’ attività jew ta’ taħriġ li ma jaqgħux taħt dawk meħuda inkunsiderazzjoni abbażi tal-iskema tal-Artikolu 53a tal-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015 (iktar ’il quddiem l-“esperjenza mhux rilevanti”) huma, bħal qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, miċħuda mill-possibbiltà li dawn il-perijodi jittieħdu inkunsiderazzjoni, u dan, kemm għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni rċevuta qabel il-pubblikazzjoni tal-imsemmija liġi, li ż-żamma tagħha hija ggarantita bis-saħħa tagħha skont il-klawżola ta’ salvagwardja, kif ukoll għall-finijiet tal-ħlas tal-arretrati tas-salarju li għadhom ma ġewx preskritti.

36

Madankollu, din il-kategorija hija komposta esklużivament mill-ħaddiema li għandhom biss esperjenza mhux rilevanti.

37

Għaldaqstant, il-kunsiderazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju, li skontha diskriminazzjoni minħabba l-età tista’ tirriżulta mill-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena ma’ impriżi oħra, twassal sabiex tqiegħed f’dubju l-modalitajiet il-ġodda ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-esperjenza deċiżi mil-leġiżlatur nazzjonali.

38

Il-Gvern Awstrijak isostni, f’dan ir-rigward, li t-teħid inkunsiderazzjoni, mil-leġiżlazzjoni l-antika, mingħajr restrizzjoni u bin-nofs, tal-esperjenza mhux rilevanti kien imur lil hinn mill-kumpensament tal-esperjenza miksuba fil-qasam ikkonċernat u, essenzjalment, kellu l-istess żvantaġġi bħall-kriterju tal-età, sa fejn dan ma kienx ibbażat fuq l-esperjenza li tippermetti lill-ħaddiem ikkonċernat jaqdi d-dmirijiet tiegħu aħjar bħala impjegat ta’ ÖBB.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li tiġi kkumpensata l-esperjenza miksuba fil-qasam ikkonċernat, li tippermetti lill-ħaddiem jaqdi d-dmirijiet tiegħu aħjar, jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika salarjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2006, Cadman, C‑17/05, EU:C:2006:633, punti 34 et seq, u tat‑18 ta’ Ġunju 2009, Hütter, C‑88/08, EU:C:2009:381, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Min jimpjega huwa għalhekk, bħala prinċipju, ħieles li jieħu inkunsiderazzjoni biss, fir-remunerazzjoni, tali perijodi ta’ attività mwettqa qabel.

40

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, għalkemm dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni biss ċerti perijodi ta’ attività preċedenti u tinjora oħrajn ċertament tista’ twassal għal differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema skont id-data tar-reklutaġġ tagħhom mill-impriża kkonċernata, din id-differenza ma hijiex, direttament jew indirettament, ibbażata fuq l-età u lanqas fuq avveniment marbut mal-età. Fil-fatt, hija l-esperjenza miksuba ma’ impriżi oħra li ma hijiex meħuda inkunsiderazzjoni, indipendentement mill-età li fiha din ġiet akkwistata jew mill-età li fiha l-ħaddiem ikkonċernat ġie rreklutat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2012, Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft, C‑132/11, EU:C:2012:329, punt 29).

41

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-klawżola ta’ salvagwardja, li tipprovdi li jekk id-data ta’ riferiment il-ġdida għall-finijiet tal-avvanz fil-karriera twassal għal klassifikazzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat fi skala inqas, is-salarju effettivament irċevut fil-mument tad-determinazzjoni ta’ din id-data l-ġdida għandu jinżamm, mill-fajl li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li din il-klawżola toffri lill-ħaddiem il-garanzija ta’ trasferiment fis-sistema l-ġdida mingħajr telf finanzjarju, b’osservanza tad-drittijiet kweżiti u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fatt li jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol.

42

Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi rrilevat li tali klawżola hija intiża li tirrigwarda biss lill-ħaddiema li ma jistgħux iktar jinvokaw l-esperjenza mhux rilevanti tagħhom. Għaldaqstant, allegata diskriminazzjoni marbuta mal-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja ma hijiex fi kwalunkwe każ ibbażata fuq il-kriterju tal-età, iżda fuq il-modalitajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza preċedenti. Issa, mill-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali bażi ma tistax f’dan il-każ tiġi kkontestata.

43

L-istess japplika fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ skala ta’ qabel tal-aħħar ta’ remunerazzjoni, li, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tweġibiet għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija intiża li tikkumpensa l-effetti relatati ma’ klassifikazzjoni mill-ġdid fi skala iktar baxxa.

44

Għaldaqstant, fid-dawl tal-obbligi imposti fuq l-Istati Membri skont id-dritt tal-Unjoni fir-rigward tat-tneħħija ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-mument tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività preċedenti u tal-libertà li għandu l-leġiżlatur nazzjonali sabiex jorganizza l-iskema salarjali tal-ħaddiema ta’ ÖBB, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-bidla neċessarja tad-dritt fis-seħħ ma titlifx in-natura mhux diskriminatorja tagħha minħabba li din ma twassalx, fil-kuntest ta’ trasferiment globali tal-ħaddiema f’sistema ġdida ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-esperjenza preċedenti li ma tinvolvix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, sabiex tavvantaġġa lill-ħaddiema kollha. Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, jidher li l-leġiżlatur Awstrijak ma eċċediex il-limiti tas-setgħa li huwa għandu f’dan il-qasam.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rrikonoxxuta lill-Istati Membri fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan speċifiku fil-qasam ta’ politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-determinazzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu tali għan, li l-leġiżlatur Awstrijak, fil-kuntest tal-proċess ta’ adozzjoni tal-Artikolu 53a tal-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015, osserva bilanċ bejn, minn naħa, it-tneħħija tad-diskriminazzjoni minħabba l-età u, min-naħa l-oħra, iż-żamma tad-drittijiet miksuba taħt is-sistema legali preċedenti.

46

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-Artikolu 45 TFUE, sa fejn l-Artikolu 53a tal-Liġi Federali dwar il-Ferroviji tal‑2015 jipprevedi b’mod espliċitu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività preċedenti fis-settur ferrovjarju li twettqu fi Stati Membri oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element li jippermetti li jiġi kkonstatat eventwali ksur tal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema prevista f’dan l-artikolu.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikoli 2, 6 u 16 tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-ħaddiema ta’ impriża fit-tabelli tas-salarji, biss il-perijodi ta’ attività mwettqa wara l-età ta’ 18-il sena, tneħħi, b’mod retroattiv u fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema kollha, dan il-limitu ta’ età iżda tawtorizza biss it-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza miksuba ma’ impriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku.

Fuq it-tieni domanda

48

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikoli 2, 6 u 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-ħaddiema ta’ impriża fit-tabelli tas-salarji, biss il-perijodi ta’ attività mwettqa wara l-età ta’ 18-il sena, tneħħi, b’mod retroattiv u fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema kollha, dan il-limitu ta’ età iżda tawtorizza biss it-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza miksuba ma’ impriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.