SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
21 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti – Restrizzjonijiet – Tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lill-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) – Dividendi mħallsa minn kumpanniji residenti fi Stat Membru lil UCITS mhux residenti – Eżenzjoni tad-dividendi mħallsa minn kumpanniji residenti fi Stat Membru lil UCITS residenti – Ġustifikazzjonijiet – Tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri – Koerenza tas-sistema fiskali – Proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑480/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Awwissu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Settembru 2016, fil-proċedura
Fidelity Funds,
Fidelity Investment Funds,
Fidelity Institutional Funds
vs
Skatteministeriet,
fil-preżenza ta’:
NN (L) SICAV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits (Relatur), A. Borg Barthet, M. Berger, u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Fidelity Funds, Fidelity Investment Funds u Fidelity Institutional Funds, minn P. Farmer, barrister, u J. Skaadstrup Andersen, advokat, |
– |
għal NN (L) SICAV, minn E. Vistisen, advokat, |
– |
għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u J. Nymann‑Lindegren, bħala aġenti, assistiti minn S. Horsbøl Jensen, advokat, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, B. Koopman u J. Langer, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u R. Lyal, bħala aġenti, assistiti minn H. Peytz, avocat, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Diċembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 TFUE u 63 TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, Fidelity Funds, Fidelity Investment Funds u Fidelity Institutional Funds, u, min-naħa l-oħra, l-iSkatteministeriet (il-Ministeru għat-Taxxa, id-Danimarka) dwar talbiet għal rimbors ta’ taxxi f’ras il-għajn miżmuma fuq id-dividendi mħallsa lilhom minn kumpanniji residenti fid-Danimarka bejn is-sena 2000 u s-sena 2009. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Id-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139), kellha l-għan, skont ir-raba’ premessa tagħha, li tistabbilixxi regoli bażiċi komuni għall-awtorizzazzjoni, is-sorveljanza, l-istruttura u l-attivitajiet tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) li jinsabu fl-Istati Membri u għall-informazzjoni li huma għandhom jippubblikaw. Id-Direttiva 85/611 ġiet emendata diversi drabi qabel ma tħassret, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, bid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU 2009, L 302, p. 32), li fasslitha mill-ġdid. |
Id-dritt Daniż
4 |
L-Artikolu 1(5)(a) tal-lov om indkomstbeskatning af aktieselskaber m.v. (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji) jipprevedi li l-UCITS li huma fiskalment residenti fid-Danimarka huma suġġetti għat-taxxa fid-Danimarka, filwaqt li l-Artikolu 1(6) ta’ din il-liġi jirrigwarda t-tassazzjoni tal-fondi li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 C tal-lov om påligningen af indkomstskatk til staten (il-Liġi dwar il-Bażi tal‑Kontribuzzjonijiet, iktar ’il quddiem il-“ligningslov”) u li huma residenti fid-Danimarka. |
5 |
L-Artikolu 2(1)(c) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji jipprovdi li l-UCITS u l-fondi l-oħra ta’ investiment li ma għandhomx ir-residenza fiskali tagħhom fid-Danimarka huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dividendi ddistribwiti lilhom minn kumpanniji residenti fid-Danimarka, filwaqt li dan l-obbligu fiskali limitat jirrigwarda biss dħul li joriġina mid-Danimarka. |
6 |
Skont l-Artikolu 65(1) tal-kildeskatteloven (il-Liġi dwar it-Taxxa f’Ras il-Għajn), kull deċiżjoni ta’ distribuzzjoni ta’ dividendi minn kumpannija residenti fid-Danimarka għandha tipprevedi li għandha tinżamm taxxa f’ras il-għajn ta’ ċertu perċentwali tat-total iddistribwit, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja. Ir-rata tat-taxxa f’ras il-għajn kienet stabbilita għal 25 % għas-sensa 2000 iżda żdiedet għal 28 % bejn is-sena 2001 u s-sena 2009, |
7 |
Skont il-leġiżlazzjoni Daniża, ir-rata tat-taxxa f’ras il-għajn għandha titnaqqas għal 15 % meta l-awtoritajiet tal-Istat ta’ residenza tal-UCITS ikkonċernata huma obbligati jiskambjaw informazzjoni mal-awtoritajiet Daniżi abbażi ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, ta’ xi konvenzjoni internazzjonali oħra jew ta’ ftehim amministrattiv ta’ assistenza fil-qasam fiskali. Għall-persuni taxxabbli residenti fl-Unjoni Ewropea, it-tassazzjoni finali ma għandhiex, fil-prattika, taqbeż il-15 %, skont din id-dispożizzjoni. It-tassazzjoni tista’, barra minn hekk, titnaqqas iktar abbażi tal-ftehimiet fiskali konklużi bejn ir-Renju tad-Danimarka u l-Istat ta’ residenza tal-UCITS ikkonċernata. |
8 |
Il-Liġi dwar it-Taxxa f’Ras il-Għajn hija applikabbli għall-UCITS stabbiliti fid-Danimarka, li huma għalhekk, a priori, suġġetti għal din il-leġiżlazzjoni dwar it-tassazzjoni tad-dividendi. Madankollu, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 65(8) ta’ din il-liġi jirriżulta li l-Ministru għat-Taxxa jista’ jadotta regoli li jipprevedu li d-distribuzzjonijiet ta’ dividendi lil fondi li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 C tal-ligningslov (iktar ’il quddiem il-“fondi tal-Artikolu 16 C”) huma eżentati minn taxxa f’ras il-għajn. |
9 |
Waqt l-adozzjoni tad-Digriet dwar it-Taxxa f’Ras il-Għajn, il-Ministru għat-Taxxa għamel użu minn din il-possibbiltà sabiex jeżenta l-fondi tal-Artikolu 16 C minn kull taxxa f’ras il-għajn. Fil-fatt, skont l-Artikolu 38 tad-Digriet dwar it-Taxxa f’Ras il-Għajn, kull UCITS tista’ tinħareġ ċertifikat ta’ eżenzjoni u tibbenefika mill-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi, bil-kundizzjoni, minn naħa, li tkun impriża li taqa’ taħt l-Artikolu 1(1)(6) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, u għalhekk residenti fid-Danimarka, u, min-naħa l-oħra, li jkollha status ta’ fond tal-Artikolu 16 C. UCITS li hija residenti fid-Danimarka li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 16 C tal-ligningslov ma hijiex eżentata mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi. |
10 |
L-Artikolu 16 C tal-ligningslov jiddefinixxi xi tfisser l-espressjoni fondi tal-Artikolu 16 C. |
11 |
B’hekk, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ sal-1 ta’ Ġunju 2005, sabiex UCITS tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala fond tal-Artikolu 16 C, jeħtieġ li hija tiddistribwixxi ammont minimu stipulat. Id-distribuzzjoni minima tikkostitwixxi l-valur taxxabbli tad-dħul tal-fond ikkonċernat fuq il-livell tad-detenturi ta’ ishma ta’ dan tal-aħħar. |
12 |
Ir-regoli ta’ determinazzjoni tad-distribuzzjoni minima huma ppreċiżati fl-Artikolu 16 C(2) sa (6) tal-ligningslov. Skont l-Artikolu 16 C(2), id-distribuzzjoni minima hija magħmula mis-somma tad-dħul u tal-ammonti netti rċevuti matul is-sena finanzjarja, somma li minnha jitnaqqsu t-telf u l-ispejjeż. L-Artikolu 16 C(3) tal-ligningslov jipprevedi li f’dan il-kakolu huma inklużi numru ta’ sorsi ta’ dħul elenkati f’dan l-artikolu, b’mod partikolari l-interessi, id-dividendi tal-azzjonijiet, il-prodotti ta’ kreditu u l-kuntratti finanzjarji kif ukoll il-qligħ kapitali fuq trasferiment ta’ azzjonijiet. Skont l-Artikolu 16 C(4) u (5) tal-ligningslov, il-fondi tal-Artikolu 16 C jistgħu jnaqqsu t-telf fiskalment ammissibbli kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi. |
13 |
Wara l-adozzjoni tal-Liġi Nru 407 tal-1 ta’ Ġunju 2005 u b’effett minn din id-data, ma baqax mitlub li UCITS għandha effettivament tipproċedi b’distribuzzjoni minima lid-detenturi ta’ ishma tagħha sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-istatus ta’ fond tal-Artikolu 16 C. Il-benefiċċju ta’ dan l-istatus madankollu baqa’ dejjem suġġett għall-kundizzjoni li l-UCITS tipproċedi bl-iffissar ta’ distribuzzjoni minima, suġġetta għat-taxxa f’idejn id-detenturi ta’ ishma tagħha, permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn, miġbura minn din l-impriża. |
Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari
14 |
Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali huma UCITS, fis-sens tad-Direttiva 85/611, li għandhom is-sede tagħhom, rispettivament, fir-Renju Unit u fil-Lussemburgu. L-investimenti tagħhom f’kumpanniji stabbiliti fid-Danimarka huma investimenti ta’ portafoll u ma jaqbżux l-10 % tal-kapital. Il-prodotti offruti mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali huma aċċessibbli għal klijenti residenti fid-Danimarka, iżda ma humiex kkumerċjalizzati b’mod attiv f’dan l-Istat Membru. Bl-istess mod, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma talbux lill-awtoritajiet fiskali Daniżi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istatus fiskali ta’ fond tal-Artikolu 16 C u lanqas adattaw l-istatuti tagħhom għar-regoli applikabbli għal dawn il-fondi sas-sena fiskali 2005. |
15 |
Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ressqu quddiem il-qorti nazzjonali talbiet għal rimbors ta’ taxxi f’ras il-għajn miżmuma fuq distribuzzjonijiet ta’ dividendi ta’ kumpanniji stabbiliti fid-Danimarka li huma rċevew bejn is-sena 2000 u s-sena 2009, billi sostnew li l-UCITS residenti fid-Danimarka jistgħu, b’differenza tal-UCITS mhux residenti f’dan l-Istat Membru, jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet għall-eżenzjoni, jiġifieri li l-UCITS ikkonċernata tkun residenti fid-Danimarka u li hija tikkalkola u tiddikjara d-dħul tagħha skont il-leġiżlazzjoni fiskali Daniża. L-UCITS mhux residenti ma jistgħux, min-natura tagħhom, jissodisfaw l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet u huwa impossibbli għalihom, jew jekk le diffiċli ħafna, jissodisfaw it-tieni kundizzjoni, b’mod partikolari peress li dawn ma għandhom l-ebda inċentiv jagħmlu dan, peress li, minħabba l-ewwel kundizzjoni, dawn f’ebda każ ma jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn. |
16 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jqisu li, anki jekk ma jissodisfawx it-tieni kundizzjoni dwar l-obbligu li jikkalkolaw u li jiddikjaraw distribuzzjoni minima skont il-leġiżlazzjoni Daniża, huma għandhom dritt għar-rimbors tat-taxxi miġbura f’ras il-għajn. |
17 |
Il-Ministeru għat-Taxxa ċertament jammetti li s-sistema Daniża għandha bħala effett li, f’ċerti każijiet, UCITS stabbiliti fid-Danimarka u UCITS stabbiliti fi Stat Membru ieħor huma suġġetti għal trattament fiskali differenti fir-rigward tad-dividendi rċevuti minn kumpanniji stabbiliti fid-Danimarka. Madankollu, huwa tal-fehma li din ir-restrizzjoni hija ġġustifikata, minn naħa, min-neċessità li titħares il-koerenza tas-sistema fiskali u, min-naħa l-oħra, min-neċessità li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. |
18 |
F’dan il-kuntest, il-partijiet fil-kawżi prinċipali jaqblu fuq il-fatt li din id-differenza fit-trattament fiskali tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu, iżda r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu li tali restrizzjoni ma tistax tkun iġġustifikata għar-raġunijiet mogħtija mill-Ministeru għat-Taxxa u li, f’kull każ, il-leġiżlazzjoni Daniża tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata tassazzjoni fid-Danimarka. |
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Sistema fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawż[i] prinċipali, li fil-kuntest tagħha impriżi ta’ investiment kollettiv koperti mid-Direttiva [85/611] li ma humiex Daniżi huma ntaxxati f’ras il-għajn fir rigward ta’ dividendi minn kumpanniji Daniżi, tmur kontra l Artikolu 56 KE (li sar l-Artikolu 63 TFUE) dwar il-moviment liberu ta’ kapital jew kontra l-Artikolu 49 KE (li sar l-Artikolu 56 TFUE) dwar il liberà li jiġu pprovduti servizzi, meta impriżi ta’ investiment kollettiv ekwivalenti Daniżi jistgħu jiksbu eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn, jew għaliex effettivament iwettqu distribuzzjoni minima lill-membri tagħhom bi skambju għaż-żamma tat-taxxa f’ras il-għajn, jew inkella għaliex teknikament tiġi kkalkolata distribuzzjoni minima li fir-rigward tagħha tinżamm it-taxxa f’ras il-għajn inkonnessjoni mal-membri tal-impriżi?” |
Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
20 |
Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali talbu, permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Jannar 2018, li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
21 |
Insostenn tat-talba tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu, essenzjalment, li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata dwar l-iskala u n-natura tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 C tal-ligningslov. Barra minn hekk, ir-riferiment, magħmul mill-Avukat Ġenerali, għall-fatt li ċerti UCITS mhux residenti tar-Renju tad-Danimarka applikaw distribuzzjonijiet minimi hija żbaljata fil-fatt u ċ-ċirkustanzi relatati ma’ tali UCITS ma ġewx indirizzati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
22 |
Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hija marbuta la mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mill-motivazzjoni li abbażi tagħha huwa jasal għal dawn il-konklużjonijiet (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et, C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
F’dan il-kuntest, jeħtieġ ukoll li jiġi mfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet ikkonċernati jissottomettu osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu xi jkunu d-domandi li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 24, kif ukoll tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
Permezz tal-argumenti dwar l-iskala u n-natura tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 C tal-ligningslov, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali qegħdin jippruvaw iwieġbu għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali billi jikkontestaw id-deskrizzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-Danimarka wara l-emenda li seħħet matul is-sena 2005, kif tirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, mill-fajl li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha u mill-informazzjoni pprovduta waqt is-seduta. Issa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti jirriżulta li s-sottomissjoni ta’ tali osservazzjonijiet ma hijiex prevista mit-testi li jirregolaw il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
25 |
Madankollu, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tissottometti, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
26 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li hija għandha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u li l-argumenti kollha meħtieġa sabiex tiġi deċiża l-kawża inkwistjoni, b’mod partikolari, il-possibbiltà, għal impriża mhux residenti fid-Danimarka, li tistabbilixxi distribuzzjoni minima skont il-leġiżlazzjoni Daniża u li tiġi kklassifikata bħala fond tal-Artikolu 16 C ġew indirizzati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
27 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq id-domanda preliminari
28 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 56 u 63 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li abbażi tagħha d-dividendi ddistribwiti minn kumpannija residenti f’dan l-Istat Membru lil UCITS mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li d-dividendi ddistribwiti lil UCITS residenti f’dan l-istess Stat Membru huma eżentati mill-ħlas ta’ tali taxxa, bil-kundizzjoni li din l-impriża tipproċedi b’distribuzzjoni minima lid-detenturi ta’ ishma tagħha, jew tikkalkola teknikament distribuzzjoni minima, u timponi taxxa fuq tali distribuzzjoni minima reali jew fittizja fuq id-detenturi ta’ ishma tagħha. |
29 |
Hekk kif jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali mogħtija mill-qorti tar-rinviju, sabiex tkun tista’ tibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn, UCITS għandha, minn naħa, tkun residenti fid-Danimarka u, min-naħa l-oħra, ikollha l-istatus ta’ fond tal-Artikolu 16 C. |
30 |
Sabiex tikseb dan l-istatus, UCITS għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 16 C tal-ligningslov u, b’mod partikolari, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel l‑1 ta’ Ġunju 2005, timpenja ruħha tipproċedi b’distribuzzjoni minima u timponi fuq din id-distribuzzjoni taxxa f’ras il-għajn fuq id-detenturi ta’ ishma tagħha. Wara din id-data, ma huwiex iktar meħtieġ li effettivament issir distribuzzjoni minima lid-detenturi ta’ ishma, iżda, sabiex tikkwalifika għall-imsemmi status, l-UCITS rilevanti għandha tikkalkola distribuzzjoni minima li hija intaxxata f’idejn id-detenturi ta’ ishma tagħha, permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn miżmuma minn din l-impriża. L-UCITS residenti fid-Danimarka li ma kisbux l-istatus ta’ fondi tal-Artikolu 16 C huma suġġetti għat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi ddistribwiti minn kumpanniji residenti f’dan l-Istat Membru. |
31 |
Mill-fajl jirriżulta, fatt li ma ġiex ikkontestat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, biss l-UCITS residenti fid-Danimarka setgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn. Mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Daniż u tal-partijiet fil-kawżi prinċipali jirriżulta li, għalkemm UCITS mhux residenti fid-Danimarka tista’ bħala prinċipju tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16 C tal-ligningslov, hija ma tistax, minħabba l-kwalità tagħha ta’ impriża mhux residenti f’dan l-Istat Membru, tibbenefika mill-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi ddistribwiti minn kumpanniji residenti. |
Fuq il-libertà inkwistjoni
32 |
Peress li d-domanda preliminari hija magħmula kemm fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 63 TFUE, għandu jiġi ddeterminat, preliminarjament, jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tistax taffettwa l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital. |
33 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-suġġett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, C‑35/11, EU:C:2012:707, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi, C‑385/12, EU:C:2014:47, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
It-tilwimiet fil-kawżi prinċipali jirrigwardaw it-talba għar-rimbors tat-taxxi f’ras il-għajn miżmuma fuq id-dividendi mħallsa lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali minn kumpanniji stabbiliti fid-Danimarka bejn is-sena 2000 u s-sena 2009, u l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-possibbiltà tal-eżenzjoni minn tali taxxa f’ras il-għajn biss lil UCITS residenti fid-Danimarka li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16 C tal-ligningslov. |
35 |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għalhekk tirrigwarda t-trattament fiskali ta’ dividendi rċevuti mill-UCITS. |
36 |
Konsegwentement, għandu jitqies li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali taqa’ taħt il-moviment liberu tal-kapital. |
37 |
Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandha l-effett li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet ta’ UCITS stabbilita fi Stat Membru ieħor minbarra r-Renju tad-Danimarka, fejn hija tipprovdi legalment servizzi simili, tali effetti huma l-konsegwenza inevitabbli tat-trattament fiskali applikabbli għad-dividendi mħallsa lil din l-UCITS mhux residenti fid-Danimarka u ma jiġġustifikawx eżami indipendenti fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome, C‑182/08, EU:C:2009:559, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata. Fil-fatt, din il-libertà tidher hawnhekk sekondarja meta mqabbla mal-moviment liberu tal-kapital u tista’ tiġi marbuta miegħu (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International, C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 41). |
38 |
Barra minn hekk, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-investimenti tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fid-Danimarka huma investimenti ta’ portafoll u qatt ma qabżu l-10 % tal-kapital ta’ kumpannija stabbilita fid-Danimarka, u huwa paċifiku li d-domanda preliminari ma tirrigwardax il-libertà ta’ stabbiliment. |
39 |
Huwa xieraq, għalhekk, li risposta għad-domanda preliminari tingħata b’rigward għall-Artikolu 63 TFUE. |
Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital
40 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, inkwantu restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jagħmlu dan fi Stati oħra (sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
F’dan il-każ, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-UCITS residenti fid-Danimarka u dawk residenti fi Stat Membru ieħor huma suġġetti, f’dak li jirrigwarda d-dividendi ddistribwiti lilhom minn kumpanniji residenti fid-Danimarka, għal trattament iddifferenzjat. |
42 |
Fil-fatt, id-dividendi ddistribwiti mill-kumpanniji residenti fid-Danimarka lill-UCITS mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn. Għall-kuntrarju, l-UCITS residenti fid-Danimarka jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq dawn id-dividendi, bil-kundizzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 16 tal-ligningslov. |
43 |
Billi timponi taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa lill-UCITS mhux residenti u billi tirriżerva biss lill-UCITS residenti l-possibbiltà li jiksbu l-eżenzjoni minn tali taxxa f’ras il-għajn, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tapplika trattament żvantaġġuż fir-rigward tad-dividendi mħallsa lill-UCITS mhux residenti. |
44 |
Tali trattament żvantaġġuż jista’ jiddisswadi, minn naħa, lill-UCITS mhux residenti milli jagħmlu investimenti f’kumpanniji stabbiliti fid-Danimarka u, min-naħa l-oħra, lill-investituri residenti fid-Danimarka milli jiksbu ishma f’tali impriżi (sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 17). |
45 |
Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE. |
Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni
46 |
Skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE madankollu ma jippreġudikax id-dritt li l-Istati Membri għandhom li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli li ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tar-residenza tagħhom jew tal-post li fih il-kapital tagħhom huwa investit. |
47 |
Sa fejn tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, din id-dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Għaldaqstant, din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn ikunu residenti jew skont l-Istat Membru fejn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat FUE. Fil-fatt, id-deroga prevista fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE hija fiha nnifisha limitata mill-Artikolu 65(3) TFUE, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 65(1) TFUE “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63 [TFUE]” (sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C‑190/12, EU:C:2014:249, punti 55 u 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Għalhekk, hemm lok li d-differenzi fit-trattament permessi mill-Artikolu 65(1)(a) TFUE jiġu distinti mid-diskriminazzjonijiet ipprojbiti mill-Artikolu 65(3) TFUE. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li din id-differenza tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-fatt li tiġi rriżervata lill-UCITS residenti fid-Danimarka l-possibbiltà li tinkiseb eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn huwiex iġġustifikat minn differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni bejn l-UCITS residenti fid-Danimarka u l-UCITS mhux residenti. |
50 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li l-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll tal-għan u tal-kontenut ta’ dawn tal-aħħar (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
Barra minn hekk, huma biss il-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ jekk id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn tali leġiżlazzjoni tirriflettix differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni (sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 28, kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 49). |
52 |
Hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Daniż, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandha l-għan, minn naħa, li tiżgura ugwaljanza tal-piż fiskali fuq l-individwi li jinvestu f’kumpanniji stabbiliti fid-Danimarka permezz ta’ UCITS u ta’ dak fuq l-individwi li jinvestu direttament f’kumpanniji stabbiliti fid-Danimarka. Din il-leġiżlazzjoni b’hekk tipprevjeni tassazzjoni ekonomika doppja li sseħħ jekk id-dividendi kienu ntaxxati fil-livell tal-UCITS ikkonċernata u fil-livell tad-detenturi ta’ ishma tagħha. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha l-għan li tiżgura li d-dividendi ddistribwiti minn kumpanniji stabbiliti fid-Danimarka ma jaħarbux mis-setgħa ta’ tassazzjoni tar-Renju tad-Danimarka minħabba l-eżenzjoni tagħhom fil-livell tal-UCITS u jkunu effettivament suġġetti darba għas-setgħa ta’ tassazzjoni tiegħu. |
53 |
Fir-rigward tal-ewwel għan invokat mill-Gvern Daniż, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rigward tal-miżuri stabbiliti minn Stat Membru sabiex jipprevjeni jew inaqqas is-sensiela ta’ taxxi jew it-taxxa ekonomika doppja fuq profitti ddistribwiti minn kumpannija residenti, il-kumpanniji benefiċjarji residenti mhux neċessarjament jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ kumpanniji benefiċjarji residenti fi Stat Membru ieħor (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑387/11, EU:C:2012:670, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
Madankollu, mill-mument meta Stat Membru, b’mod unilaterali jew permezz ta’ ftehim, jissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul mhux biss lill-kumpanniji residenti, iżda anki lill-kumpanniji mhux residenti, fir-rigward tad-dħul li huma jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-imsemmija kumpanniji mhux residenti toqrob lejn dik tal-kumpanniji residenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑387/11, EU:C:2012:670, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
Fil-fatt, huwa s-sempliċi eżerċizzju minn dan l-istess Stat tal-kompetenza fiskali tiegħu li, indipendentement minn kull tassazzjoni fi Stat Membru ieħor, jagħti lok għal riskju ta’ sensiela ta’ taxxi jew ta’taxxa doppja ekonomika. F’tali każ, sabiex il-kumpanniji benefiċjarji mhux residenti ma jiġux issuġġettati għal restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE, l-Istat ta’ residenza tal-kumpannija li tiddistribwixxi d-dividendi għandu jiżgura li, fir-rigward tal-mekkaniżmu stabbilit mid-dritt nazzjonali tiegħu għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis ta’ sensiela ta’ taxxi jew ta’ taxxa ekonomika doppja, il-kumpanniji mhux residenti jiġu ssuġġettati għal trattament ekwivalenti għal dak li jibbenefikaw minnu l-kumpanniji residenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑387/11, EU:C:2012:670, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
56 |
Peress li r-Renju tad-Danimarka għażel li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fuq id-dħul rċevut mill-UCITS mhux residenti, dawn jinsabu għalhekk f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-UCITS residenti fid-Danimarka f’dak li jirrigwarda r-riskju ta’ tassazzjoni ekonomika doppja tad-dividendi mħallsa mill-kumpanniji residenti fid-Danimarka (sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑284/09, EU:C:2011:670, punt 58, kif ukoll tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 42). |
57 |
It-tieni għan invokat mill-Gvern Daniż jikkonsisti, essenzjalment, fix-xewqa li ma jirrinunzjax għal kull tassazzjoni tad-dividendi ddistribwiti mill-kumpanniji residenti fid-Danimarka, iżda li jiddifferixxi t-tassazzjoni tagħhom għal-livell tad-detenturi ta’ ishma tal-UCITS. Dan il-għan huwa implimentat billi huwa previst li, sabiex tibbenefika mill-istatus ta’ fond tal-Artikolu 16 C, u konsegwentement mill-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn, UCITS residenti fid-Danimarka għandha tiġbor taxxa f’ras il-għajn mingħand id-detenturi ta’ ishma tagħha fuq id-distribuzzjoni minima li ġiet effettivament imħallsa lilhom jew, wara l-emendi li saru matul is-sena 2005, fuq id-distribuzzjoni minima kkalkolata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 C tal-ligningslov. |
58 |
Ir-Renju tad-Danimarka ma jistax, għall-kuntrarju, jissuġġetta lil UCITS mhux residenti għal tali obbligu li żżomm, fuq id-dividendi li din l-UCITS tiddistribwixxi, taxxa f’ras il-għajn, għall-benefiċċju ta’ dan l-Istat Membru. Tali UCITS taqa’ taħt is-setgħa ta’ tassazzjoni tar-Renju tad-Danimarka unikament minħabba d-dividendi rċevuti u li s-sors tagħhom jinsab f’dan l-Istat Membru u mhux, bħala prinċipju, fir-rigward tad-dividendi ddistribwiti minn din l-impriża. |
59 |
Madankollu, fid-dawl tal-għan, tas-suġġett u tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, din id-distinzjoni, li tirrifletti barra minn hekk id-differenza bejn impriża residenti fid-Danimarka u impriża mhux residenti, ma għandhiex titqies bħala deċiżiva. |
60 |
Fil-fatt, għalkemm l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huwa li l-livell ta’ tassazzjoni jiġi mċaqlaq mill-vettura ta’ investiment lejn l-azzjonist ta’ din il-vettura, huma bħala prinċipju l-kundizzjonijiet materjali tas-setgħa ta’ tassazzjoni fuq id-dħul tal-azzjonisti li għandhom jitqiesu bħala deċiżivi, u mhux it-teknika ta’ tassazzjoni użata. |
61 |
Issa, UCITS mhux residenti jista’ jkollha detenturi ta’ ishma li għandhom ir-residenza fiskali tagħhom fid-Danimarka u li fuq id-dħul tagħhom dan l-Istat Membru jista’ jeżerċita s-setgħa ta’ tassazzjoni tiegħu. Minn din il-perspettiva, UCITS mhux residenti tinsab f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli għal UCITS residenti fid-Danimarka. |
62 |
Ċertament, ir-Renju tad-Danimarka ma jistax jintaxxa lid-detenturi ta’ ishma mhux residenti fuq id-dividendi ddistribwiti minn UCITS mhux residenti. Madankollu, tali impossibbiltà hija koerenti mal-loġika taċ-ċaqliq tal-livell ta’ tassazzjoni mill-vettura lejn l-azzjonist. |
63 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-UCITS residenti biss għandhom il-possibbiltà li jiksbu eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn ma huwiex iġġustifikat minn differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni bejn dawn l-UCITS u dawk residenti fi Stat Membru ieħor minbarra r-Renju tad-Danimarka. |
64 |
Issa, tali restrizzjoni tista’ tiġi aċċettata biss jekk din tkun iġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan li hija tfittex li tilħaq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2016, SECIL, C-464/14, EU:C:2016:896, punt 56). |
65 |
Il-gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jqisu li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija ġġustifikata min-neċessità li titħares il-koerenza tas-sistema fiskali Daniża. Il-Gvern Daniż u dak Olandiż iqisu, barra minn hekk, li din ir-restrizzjoni hija ġġustifikata min-neċessità li jiġi żgurat it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. |
66 |
Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-fatt, għal Stat Membru, li jirriżerva biss lill-UCITS residenti l-possibbiltà li tinkiseb eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi ddistribwiti minn kumpanniji residenti jistax jiġi ġġustifikat bin-neċessità li jiġi żgurat il-ħarsien tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. |
67 |
Il-Gvern Daniż u dak Olandiż isostnu, f’dan ir-rigward li, il-fatt li r-Renju tad-Danimarka jiġi obbligat jagħti eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi ddistribwiti lill-UCITS mhux residenti, mingħajr ma jkun jista’ jiġbor taxxa fil-mument tad-distribuzzjoni tad-dividendi lid-detenturi ta’ ishma, iwassal sabiex l-Istat ta’ sors ta’ dawn id-dividendi jkun obbligat ma jeżerċitax il-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tad-dħul iġġenerat fit-territorju tiegħu. |
68 |
Il-fatt li tinġabar it-taxxa fuq id-dividendi u li l-UCITS mhux residenti jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jippermetti li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, peress li r-Renju tad-Danimarka ma jiġborx iktar minn darba t-taxxa fuq id-dividendi ddistribwiti lill-UCITS mhux residenti u t-trasferiment tat-tassazzjoni lejn id-distribuzzjoni minn dawn l-impriżi ma hijiex possibbli. |
69 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, ċertament, il-ħarsien tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li tiġi ġġustifikata restrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ moviment liberu fi ħdan l-Unjoni Ewropea (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Imfeld u Garcet, C‑303/12, EU:C:2013:822, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
70 |
Tali ġustifikazzjoni tista’ tiġi aċċettata, b’mod partikolari, fejn is-sistema inkwistjoni hija intiża sabiex tipprekludi aġir li jista’ jippreġudika d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
71 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta Stat Membru jkun iddeċieda, bħal fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li ma jintaxxax lill-UCITS residenti li jibbenefikaw minn dividendi ta’ oriġini nazzjonali, ma tistax tiġi invokata n-neċessità li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri bil-għan li tiġi ġġustifikata t-tassazzjoni tal-UCITS mhux residenti li jibbenefikaw minn dan id-dħul (sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
72 |
Barra minn hekk, id-dividendi ddistribwiti mill-kumpanniji residenti fid-Danimarka lill-UCITS mhux residenti diġà ġew suġġetti għal taxxa fir-Renju tad-Danimarka abbażi tal-profitti tal-kumpannija distributriċi. |
73 |
Il-fatt li l-intaxxar tad-dividendi huwa ddiferit għal-livell tal-azzjonisti tal-UCITS residenti ma jistax jiġġustifika r-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. |
74 |
Fil-fatt, minn naħa, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, ir-Renju tad-Danimarka għandu setgħa ta’ tassazzjoni fuq id-detenturi ta’ ishma residenti tal-UCITS mhux residenti. |
75 |
Min-naħa l-oħra, il-fatt li Stat Membru jżomm taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi ddistribwiti lill-UCITS mhux residenti, minħabba l-impossibbiltà li jżomm taxxa fuq id-distribuzzjonijiet kollha mwettqa minn dawn l-impriżi, ma jwassalx sabiex jiġi prekluż aġir li jista’ jippreġudika d-dritt ta’ dan l-Istat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu, iżda, għall-kuntrarju, sabiex tiġi kkumpensata l-assenza ta’ setgħa ta’ tassazzjoni li tirriżulta mit-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. |
76 |
In-neċessità li jitħares tali tqassim ma tistax, għaldaqstant, tiġi invokata sabiex tiġi ġġustifikata r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. |
77 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk, hekk kif isostnu l-gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-restrizzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tistax tiġi ġġustifikata min-neċessità li titħares il-koerenza tas-sistema fiskali Daniża. |
78 |
Skont dawn il-gvernijiet, fil-fatt, teżisti rabta diretta bejn l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fir-rigward tad-dividendi mħallsa lill-UCITS residenti u l-obbligu ta’ dawn l-UCITS li jiġbru taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li huma jiddistribwixxu lid-detenturi ta’ ishma tagħhom. |
79 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-neċessità li titħares il-koerenza ta’ sistema fiskali tista’ tiġġustifika leġiżlazzjoni ta’ natura li tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali (sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
80 |
Madankollu, sabiex argument ibbażat fuq ġustifikazzjoni bħal din jista’ jirnexxi, jeħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita, li tkun ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens għal dan il-vantaġġ bi ħlas fiskali determinat, filwaqt li n-natura ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
81 |
F’dan ir-rigward, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 29 sa 31 ta’ din is-sentenza, UCITS tista’ tibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi ddistribwiti minn kumpannija residenti fid-Danimarka, bil-kundizzjoni, b’mod kumulattiv, li hija stess tkun residenti fid-Danimarka u twettaq distribuzzjoni minima jew tiddetermina distribuzzjoni minima, li fuqhom tinġabar taxxa f’ras il-għajn. |
82 |
Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tissuġġetta l-eżenzjoni tal-UCITS residenti fid-Danimarka mit-taxxa f’ras il-għajn għall-kundizzjoni li huma jwettqu distribuzzjoni minima, reali jew fittizja, lid-detenturi ta’ ishma tagħhom, li huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, miġbura f’isimhom, minn dawn l-impriżi. Il-vantaġġ hekk mogħti lill-UCITS residenti fid-Danimarka, taħt il-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn, huwa bħala prinċipju paċut bit-tassazzjoni tad-dividendi, iddistribwiti mill-ġdid minn dawn l-impriżi, fi ħdan id-detenturi ta’ ishma ta’ dawn tal-aħħar. |
83 |
Għad irid jiġi vverifikat jekk il-fatt li tiġi rriżervata biss lill-UCITS residenti fid-Danimarka l-possibbiltà li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn imurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. |
84 |
Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-koerenza interna tas-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tista’ tinżamm jekk l-UCITS residenti fi Stat Membru ieħor minbarra r-Renju tad-Danimarka li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 16 C tal-ligningslov setgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn, bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet fiskali Daniżi jiżguraw, bil-kollaborazzjoni sħiħa ta’ dawn l-impriżi, li dawn tal-aħħar iħallsu taxxa ekwivalenti għal dik li l-fondi tal-Artikolu 16 C residenti fid-Danimarka huma mitluba jżommu, bħala taxxa f’ras il-għajn, fuq id-distribuzzjoni minima kkalkolata skont din id-dispożizzjoni. Il-fatt li tali UCITS jistgħu jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jikkostitwixxi miżura inqas restrittiva mis-sistema attwali. |
85 |
Barra minn hekk, ir-rifjut li tingħata lill-UCITS residenti fi Stat Membru ieħor minbarra r-Renju tad-Danimarka li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 16 C tal-ligningslov il-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn iwassal għal impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi fuq id-dividendi mħallsa lid-detenturi ta’ ishma tagħhom residenti fid-Danimarka, fatt li jmur preċiżament kontra l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
86 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-restrizzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata min-neċessità li titħares il-koerenza tas-sistema fiskali. |
87 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li abbażi tagħha d-dividendi ddistribwiti minn kumpannija residenti f’dan l-Istat Membru lil UCITS mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li d-dividendi ddistribwiti lil UCITS residenti f’dan l-istess Stat Membru huma eżentati mill-ħlas ta’ tali taxxa, bil-kundizzjoni li din l-impriża tipproċedi b’distribuzzjoni minima lid-detenturi ta’ ishma tagħha, jew tikkalkola teknikament distribuzzjoni minima, u timponi taxxa fuq tali distribuzzjoni minima reali jew fittizja fuq id-detenturi ta’ ishma tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
88 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li abbażi tagħha d-dividendi ddistribwiti minn kumpannija residenti f’dan l-Istat Membru lil impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li d-dividendi ddistribwiti lil UCITS residenti f’dan l-istess Stat Membru huma eżentati mill-ħlas ta’ tali taxxa, bil-kundizzjoni li din l-impriża tipproċedi b’distribuzzjoni minima lid-detenturi ta’ ishma tagħha, jew tikkalkola teknikament distribuzzjoni minima, u timponi taxxa fuq tali distribuzzjoni minima reali jew fittizja fuq id-detenturi ta’ ishma tagħha. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.