SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

15 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 78/660/KEE — Kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji — Prinċipju ta’ stampa vera — Prinċipju ta’ prudenza — Kumpannija li toħroġ opzjoni fuq l-azzjonijiet li tirreġistra l-prezz tat-trasferiment tal-opzjoni matul is-sena finanzjarja li matulha l-opzjoni tittieħed jew fi tmiem il-perijodu ta’ validità tagħha”

Fil-Kawżi magħquda C‑444/16 u C‑445/16,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour d’appel de Mons (qorti tal-appell ta’ Mons, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2016, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Awwissu 2016, fil-proċeduri

Immo Chiaradia SPRL (C‑444/16),

Docteur De Bruyne SPRL (C‑445/16)

vs

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn E. Juhász, President tal-Awla, C. Vajda (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Immo Chiaradia SPRL u għal Docteur De Bruyne SPRL, minn J.-J. Vandenbroucke, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk u N. Gossement, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1978, ibbażata fuq l-Artikolu [50(2)(g) TFUE] dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 21), kif emendata bid-Direttiva 2003/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 273) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 78/660”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, Immo Chiaradia SPRL u, min-naħa l-oħra, Docteur De Bruyne SPRL, u l-État belge fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, rispettivament, għas-snin taxxabbli 2006 u 2008.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

It-tielet premessa tad-Direttiva 78/660 tiddisponi:

“Billi huwa meħtieġ […] li jiġu stabbiliti fil-Komunità il-ħtiġijiet legali minimi u ekwivalenti dwar sa fejn għandha tkun disponibbli l-informazzjoni finanzjarja għall-pubbliku minn kumpanniji li huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin.”

4

Skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 78/660:

“Il-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera u ġusta ta’ l-attiv, tal-passiv, tal-pożizzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew telf tal-kumpannija.”

5

L-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 78/660 jipprevedi:

“Disposizzjonijiet [provvedimenti] li huma intiżi sabiex ikopru passiv li n-natura tiegħu hija mfissra biċ-ċar u li fid-data li ġġib magħha l-karta ta’ bilanċ aktarx ikunu ntefqu jew żgur li kienu ntefqu imma mhux żgur fuq l-ammont jew fuq id-data ta’ meta seħħew.”

6

L-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 78/660 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-entrati kollha murija fil-kontijiet annwali huma valutati skond il-prinċipji ġenerali li ġejjin:

[…]

ċ)

il-valutazzjoni għandha ssir fuq bażi prudenti, u b’mod partikolari:

aa)

profitti biss magħmula fid-data tal-karta tal-bilanċ jistgħu jkunu magħduda;

bb)

għandu jittieħed qies tal-passiv kollha li jinqalgħu matul is-sena finanzjarja konċernata jew is-sena ta’ qabel, ukoll jekk dawn l-passiv jiġu jidhru biss bejn id-data tal-karta ta’ bilanċ u d-data ta’ meta jinkitbu;

cc)

għandu jittieħed kont tad-deprezzament kollu, kemm jekk ir-riżultat tas-sena finanzjarja ikun ta’ telf u kemm jekk ikun ta’ qligħ;

d)

għandu jittieħed kont tad-dħul u l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mas-sena finanzjarja, irrispettivament mid-data ta’ meta dawn id-dħul jew spejjeż ikunu riċevuti jew imħallsa;

e)

il-komponenti ta’ entrtaturi ta’ l-attiv u l-passiv għandhom jiġu valutati separatament;

[…]”

Id-dritt Belġjan

7

L-Artikolu 41 tal-Loi du 26 Mars 1999 relative au plan d’action belge pour l’emploi 1998 et portant des diverses dispositions (liġi tas-26 ta’ Marzu 1999 dwar il-pjan ta’ azzjoni Belġjan għall-impjieg tal-1998 u li tipprevedi diversi dispożizzjonijiet) (Moniteur belge tal-1 ta’ April 1999, p. 10904), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi tas-26 ta’ Marzu 1999”), jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din is-sub sezzjoni:

kumpannija tfisser: kull kumpannija Belġjana jew barranija li għandha personalità ġuridika;

azzjoni tfisser: kull azzjoni, sehem jew sehem mill-profitti ta’ Kumpannija;

opzjoni tfisser: id-dritt ta’ xiri jew ta’ sottoskrizzjoni, fil-kuntest taż-żieda fil-kapital ta’ kumpannija, ta’ numru speċifiku ta’ azzjonijiet bi prezz stabbilit jew li għandu jiġi stabbilit matul perijodu speċifiku;

[…]

borża tfisser: kull suq irregolat jew kull suq miftuħ regolarment attiv.”

It-tilwimiet fil-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

8

Mid-deċiżjoni ta’ rinviju fil-Kawża C‑444/16 jirriżulta li, fil-11 ta’ Frar 2002, Immo Chiaradia ħarġet, favur l-amministratur tagħha, dritt ta’ opzjoni fuq l-azzjonijiet bi ħlas fir-rigward ta’ grupp ta’2 360 azzjoni ta’ impriża oħra fil-kuntest tal-liġi tas-26 ta’ Marzu 1999. Il-prezz tal-opzjoni kien jammonta għal EUR 12942 u kien jikkorrispondi għall-ammont tal-vantaġġ ta’ kull natura, kif iddeterminat f’din il-liġi, jiġifieri 20 % tal-valur tat-titoli li jammonta għal EUR 64709.36.

9

Fis-26 ta’ Awwissu 2005, Immo Chiaradia ħarġet favur l-amministratur tagħha t-tieni dritt ta’ opzjoni fuq l-azzjonijiet bi ħlas fir-rigward ta’ grupp ta’ 18423 azzjoni ta’ impriża oħra fil-kuntest tal-liġi tas-26 ta’ Marzu 1999. Il-prezz tal-opzjoni kien jammonta għal EUR 9996.35 u kien jikkorrispondi għall-ammont tal-vantaġġ ta’ kull natura, kif iddeterminat f’din il-liġi, jiġifieri 20 % tal-valur tat-titoli li jammonta għal EUR 49981.77.

10

Il-prezz tal-opzjonijiet ġie rreġistrat f’kont ta’ regolarizzazzjoni tal-passiv ta’ Immo Chiaradia u għalhekk ma ġiex imdaħħal bħala dħul fil-kont tal-qliegħ jew telf.

11

L-amministratur ta’ Immo Chiaradia eżerċita parzjalment it-tieni dritt ta’ opzjoni mogħti lilu matul s-sena taxxabbli 2006, li fil-kuntest tagħha Immo Chiaradia rreġistrat telf f’kapital ta’ EUR 3265.

12

Fit-13 ta’ Novembru 2008, l-amministrazzjoni fiskali bagħtet avviż ta’ rettifika lil Immo Chiaradia, li permezz tiegħu hija avżatha bl-intenzjoni tagħha li tipproċedi bl-intaxxar immedjat bħala riżervi moħbija tal-prezzijiet tal-opzjonijiet għas-sena taxxabbli 2006 sal-ammont ta’ EUR 22708.35.

13

Minkejja l-oppożizzjoni ta’ Immo Chiaradia, l-amministrazzjoni fiskali batitilha deċiżjoni ta’ intaxxar, li kienet tikkonferma l-intenzjoni tagħha li tintaxxa, abbażi tas-sopravalutazzjoni tal-passiv, il-prezz tal-opzjoni mħallas mill-amministratur li kien jikkostitwixxi, skontha, vantaġġ ta’ kull natura li għandu jiġi rreġistrat bħala dħul għas-sena taxxabbli 2006, bilanċ magħluq fil-31 ta’ Diċembru 2005. Għalhekk, fit-23 ta’ Diċembru 2008, l-amministrazzjoni fiskali imponiet imposta addizzjonali fuq Immo Chiaradia għas-sena taxxabbli 2006.

14

L-ilment li Immo Chiaradia ressqet kontra din l-imposta fl-14 ta’ Jannar 2009 ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali tal-24 ta’ Mejju 2012.

15

Fis-6 ta’ Awwissu 2012, Immo Chiaradia ressqet rikors intiż għall-annullament tal-imposta kkontestata quddiem it-tribunal de première instance du Hainaut, division de Mons (qorti tal-prim’istanza ta’ Hainaut, diviżjoni ta’ Mons, il-Belġju), li ġie miċħud b’sentenza tat-3 ta’ April 2014.

16

Immo Chiaradia sussegwentement appellat minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Mons (qorti tal-appell ta’ Mons), fit-30 ta’ Ġunju 2014. Permezz tal-azzjoni tagħha hija titlob l-annullament tal-imposta kkontestata minħabba li ebda dispożizzjoni legali ma tippreskrivi metodu ta’ reġistrazzjoni jew ma tistabbilixxi sistema fiskali speċifika għall-opzjoni inkwistjoni. Hija ssostni li rreġistrat it-tranżazzjoni skont l-Opinjoni 167/1 tal-Kummissjoni des Normes Comptables (CNC) (kummissjoni dwar ir-regoli tal-kontabbiltà) billi għażlet li tqis li l-prezz irċevut minn persuna li toħroġ dritt ta’ opzjoni jikkostitwixxi r-remunerazzjoni tar-riskju li l-persuna li toħroġha tassumi matul il-perijodu kollu tal-opzjoni u li, għalhekk, huwa biss meta din l-opzjoni tiskadi li l-imsemmi prezz huwa ekonomikament immeritat u għandu jiġi rreġistrat bħala qliegħ jew telf.

17

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, f’diversi mis-sentenzi tagħha, hija qieset li l-amministrazzjoni fiskali ma setgħetx tintaxxa l-prezz tal-opzjoni bħala riżervi moħbija. F’dawn is-sentenzi, hija osservat li, fl-assenza ta’ deroga espliċita prevista mir-regoli fiskali, il-profitti taxxabbli huma ddeterminati skont ir-regoli tal-kontabbiltà. Wara dan hija analizzat tliet opinjonijiet tas-CNC, inkluża l-Opinjoni 167/1.

18

Fl-imsemmija sentenzi, il-qorti tar-rinviju osservat li l-Opinjoni 167/1 tipproponi żewġ approċċi għall-ipproċessar kontabbli tal-prezz irċevut bħala korrispettiv għad-dritt ta’ opzjoni maħruġ. Skont l-ewwel approċċ, il-prezz tad-dritt ta’ opzjoni jitqies immedjatament bħala qliegħ jew telf. Skont it-tieni approċċ, dan il-prezz jitqies bħala dħul iddifferit sal-iskadenza tal-opzjoni u, għalhekk, jiġi rreġistrat bħala dħul pospost. Il-qorti tar-rinviju qieset li t-tieni approċċ kien iġġustifikat, filwaqt li osservat ukoll li dan l-approċċ kien ippreferut mis-CNC b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prudenza.

19

L-État belge għandu dubji dwar kemm dan l-imsemmi tieni approċċ huwa kompatibbli mad-Direttiva 78/660. Huwa b’mod partikolari jistaqsi jekk il-fatt li kumpannija tista’ tirreġistra bħala dħul il-prezz tad-dritt ta’ opzjoni inkwistjoni matul is-sena finanzjarja li matulha l-imsemmija opzjoni tittieħed jew fi tmiem il-perijodu ta’ validità tagħha sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju li tassumi l-persuna li toħroġ l-opzjoni bħala riżultat tal-impenn li hija tidħol għalih u mhux matul is-sena li matulha jseħħ it-trasferiment tal-opzjoni u jitħallas definittivament il-prezz tagħha, sa fejn ir-riskju assunt mill-persuna li toħroġ l-opzjoni huwa evalwat separatament permezz tar-reġistrazzjoni ta’ provvediment, huwiex kompatibbli mal-imsemmija direttiva.

20

Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑445/16 jirriżulta li permezz ta’ ftehim tat-12 ta’ Diċembru 2006, Docteur De Bruyne ħarġet, favur l-amministratur tagħha, dritt ta’ opzjoni fuq l-azzjonijiet bi ħlas fir-rigward ta’ 540 azzjoni ta’ impriża oħra fil-kuntest tal-liġi tas-26 ta’ Marzu 1999. Il-prezz tal-opzjoni kien jammonta għal EUR 12550.68 u kien jikkorrispondi għall-ammont tal-vantaġġ ta’ kull natura, kif iddeterminat f’din il-liġi, jiġifieri 20 % tal-valur tat-titoli li jammonta għal EUR 62753.40.

21

Il-prezz tal-opzjoni ġie rreġistrat f’kont ta’ regolarizzazzjoni tal-passiv ta’ Docteur De Bruyne u għalhekk ma ġiex imdaħħal bħala dħul fil-kont tal-qliegħ jew telf.

22

Fis-16 ta’ Novembru 2009, l-amministrazzjoni fiskali bagħtet avviż ta’ rettifika lil Docteur De Bruyne, li permezz tiegħu hija informatha li, f’dak li jirrigwarda s-sena taxxabbli 2008, il-prezz tal-opzjoni ta’ EUR 12550.68 kien jikkostitwixxi dħul definittiv għall-kumpannija u, bħala tali, kellu jiġi rreġistrat fil-kont tad-dħul tas-sena finanzjarja 2007.

23

Minkejja l-oppożizzjoni ta’ Docteur De Bruyne, l-amministrazzjoni fiskali batitilha deċiżjoni ta’ intaxxar tal-21 ta’ Diċembru 2009, li kienet tikkonferma l-intenzjoni tagħha li tintaxxa l-prezz tal-opzjoni, li kien jikkostitwixxi, skontha, vantaġġ ta’ kull natura li għandu jiġi rreġistrat bħala dħul għas-sena taxxabbli 2008, bilanċ magħluq fil-31 ta’ Diċembru 2007. Għalhekk, fl-14 ta’ Jannar 2010 l-amministrazzjoni fiskali imponiet imposta addizzjonali fuq Docteur De Bruyne għas-sena taxxabbli 2008.

24

L-ilment li Docteur De Bruyne ressqet kontra din l-imposta fil-5 ta’ Marzu 2010 ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali tas-26 ta’ April 2012.

25

Fit-18 ta’ Lulju 2012, Docteur De Bruyne ressqet rikors intiż għall-annullament tal-imposta kkontestata quddiem it-tribunal de première instance du Hainaut, division de Mons (qorti tal-prim’istanza ta’ Hainaut, diviżjoni ta’ Mons), li ġie miċħud b’sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014.

26

Docteur De Bruyne appellat minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Mons (qorti tal-appell ta’ Mons) fl-4 ta’ Lulju 2014.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Mons (qorti tal-appell ta’ Mons), għal raġunijiet simili fiż-żewġ kawżi, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, domanda li hija identika fiż-żewġ kawżi:

“Hu[m]a kompatibbli mar-regoli rigward il-karta tal-bilanċ previsti [fid-Direttiva 78/660], regoli li jipprovdu li:

il-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera tal-attiv, tal-pożizzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew telf tal-kumpannija (Artikolu 2(3) tad-Direttiva);

il-provvedimenti għal passiv u spejjeż huma maħsuba biex ikopru telf jew djun li n-natura tagħhom hija mfissra b’mod ċar u li fid-data tal-karta tal-bilanċ jidher li jew aktarx li għandhom isiru, jew hemm ċertezza li għandhom isiru iżda mhux fir-rigward tal-ammont tagħhom jew id-data li fiha huma ser iseħħu (Artikolu 20(1) tad-Direttiva);

il-prinċipju ta’ prudenza għandu fi kwalunkwe każ jiġi osservat u b’mod partikolari:

profitti biss magħmula fid-data tal-karta tal-bilanċ jistgħu jkunu magħduda;

għandu jittieħed kont tal-passiv kollu tal-futur qrib u telf potenzjali li jinħolqu fil-kors tas-sena finanzjarja kkonċernata jew ta’ waħda ta’ qabel, anki jekk dawn il-passiv jew telf isiru evidenti biss bejn id-data tal-karta tal-bilanċ u d-data li fiha hija titfassal [Artikolu 31(1)(ċ)(aa) u (bb) tad-Direttiva 78/660];

għandu jittieħed kont tad-dħul u l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mas-sena finanzjarja, irrispettivament mid-data ta’ meta dawn id-dħul jew spejjeż ikunu riċevuti jew imħallsa [Artikolu 31(1)(d) tad-Direttiva 78/660];

il-komponenti ta’ entraturi tal-attiv u l-passiv għandhom jiġu vvalutati separatament [Artikolu 31(1)(e) tad-Direttiva 78/660];

li kumpannija li toħroġ għażla [opzjoni] fuq l-azzjonijiet tista’ tirreġistra bħala dħul il-prezz tat-trasferiment tal-imsemmija għażla matul is-sena finanzjarja meta l-imsemmija għażla tittieħed jew fi tmiem il-perijodu ta’ validità tagħha sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju li ġġarrab il-persuna li toħroġ l-għażla b’riżultat tal-impenn li hija tieħu jew minflok matul is-sena finanzjarja meta t-trasferiment tal-għażla jitwettaq u l-prezz tiegħu jkun definittivament stabbilit, fejn ir-riskju mġarrab mill-persuna li toħroġ l-għażla jkun ivvalutat separatament bir-reġistrazzjoni ta’ provvediment?”

28

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2016, il-Kawżi C‑444/16 u C‑445/16 ġew magħqudin għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

29

Il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tad-domanda preliminari tqajmet kemm mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

30

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tosserva li t-tilwimiet fil-kawżi prinċipali huma ta’ natura fiskali. Issa, id-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 78/660, dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji.

31

Għalkemm huwa ċertament minnu li l-għan tad-Direttiva 78/660 ma huwiex dak li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom l-imsemmija kontijiet jistgħu jew għandhom iservu bħala bażi għad-determinazzjoni, mill-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri, tal-bażi jew tal-ammont tat-taxxi, bħat-taxxa fuq il-kumpanniji inkwistjoni fil-kawżi prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 28).

32

Madankollu, minn din il-konstatazzjoni ma jistax jiġi dedott li d-domanda preliminari hija inammissibbli. Għandu jitfakkar li r-rifjut li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro, C‑40/15, EU:C:2016:172, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-kontijiet annwali tal-kumpanniji jistgħu jintużaw bħala bażi ta’ riferiment mill-Istati Membri għall-finijiet fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-dritt Belġjan, fl-assenza ta’ deroga espliċita prevista mir-regoli fiskali, il-profitti taxxabbli huma ddeterminati skont ir-regoli tal-kontabbiltà u li l-leġiżlazzjoni Belġjana rilevanti ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar it-teknika ta’ reġistrazzjoni tal-prezz tal-opzjoni.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali.

35

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali essenzjalment jistaqsu jekk l-État belge jistax validament jinvoka d-Direttiva 78/660 fil-kuntest tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, peress li, fl-opinjoni tagħhom, din id-direttiva ma ġietx trasposta b’mod konkret fid-dritt Belġjan.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li għalkemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma rriproduċewx b’mod letterali d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 78/660, huwa paċifiku li l-istabbiliment tal-kontijiet annwali tal-kumpanniji jseħħ fl-osservanza tal-għan, tal-prinċipji u tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, b’tali mod li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva tkun vinkolanti għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet fil-kawżi prinċipali mill-qorti tar-rinviju (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2003, BIAO, C‑306/99, EU:C:2003:3, punti 9293). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’tali ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, id-dritt nazzjonali rilevanti fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u, f’dan il-każ, tad-Direttiva 78/660 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro, C‑40/15, EU:C:2016:172, punt 18).

37

Għaldaqstant, id-domanda preliminari għandha titqies ammissibbli.

Fuq il-mertu

38

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ stampa vera u ta’ prudenza previsti rispettivament fl-Artikolu 2(3) u fl-Artikolu 31(1)(ċ) tad-Direttiva 78/660 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu metodu ta’ reġistrazzjoni li skontu kumpannija li toħroġ dritt ta’ opzjoni fuq l-azzjonijiet tirreġistra bħala dħul il-prezz tat-trasferiment ta’ din l-opzjoni matul is-sena finanzjarja li matulha l-imsemmija opzjoni tittieħed jew fi tmiem il-perijodu ta’ validità tagħha.

39

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 78/660, skont it-tielet premessa tagħha, hija intiża biss sabiex tistabbilixxi kundizzjonijiet minimi dwar il-portata tal-informazzjoni finanzjarja li għandha tingħata lill-pubbliku (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-osservanza tal-prinċipju ta’ stampa vera tikkostitwixxi l-għan oriġinali tad-Direttiva 78/660. Skont dan il-prinċipju, li jinsab fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, il-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera tal-attiv, tal-passiv, tal-pożizzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew telf tal-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dan il-prinċipju b’mod flessibbli, billi qieset li dan jeżiġi, minn naħa, li l-kontijiet jirriflettu l-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet li huma meqjusa li jiddeskrivu u, min-naħa l-oħra, li l-informazzjoni kontabbli tingħata fil-forma meqjusa l-iktar valida u l-iktar waħda xierqa biex tissodisfa l-bżonnijiet ta’ informazzjoni tat-terzi, mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-interessi tal-kumpannija kkonċernata (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, DE + ES Bauunternehmung, C‑275/97, EU:C:1999:406, punt 27).

42

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tispeċifika li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ stampa vera għandu jkun iggwidat, sa fejn dan ikun possibbli, mill-prinċipji ġenerali inklużi fl-Artikoli 31 tad-Direttiva 78/660, fosthom il-prinċipju ta’ prudenza stabbilit fl-Artikolu 31(1)(ċ) ta’ din id-direttiva li huwa ta’ importanza partikolari (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(1)(ċ) tad-Direttiva 78/660, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ prudenza, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha – profitti magħmula, spejjeż, dħul, riskji u telf – li huma realment marbuta mas-sena inkwistjoni jippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ stampa vera (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Fir-rigward tad-drittijiet ta’ opzjoni fuq azzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-imsemmija direttiva ma tinkludi ebda indikazzjoni speċifika dwar il-metodu li skontu l-prezz ta’ dawn l-opzjonijiet għandu jiġi rreġistrat. Kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant, neċessarjament, jeżistu diversi metodi li huma kompatibbli mad-Direttiva 78/660 sakemm dawn josservaw il-prinċipji ġenerali stabbiliti f’din id-direttiva.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li metodu ta’ reġistrazzjoni, bħal dak inkwistjoni fit-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, li skontu kumpannija li toħroġ dritt ta’ opzjoni fuq l-azzjonijiet tista’ tirreġistra bħala dħul il-prezz tat-trasferiment ta’ din l-opzjoni matul is-sena finanzjarja li matulha l-imsemmija opzjoni tittieħed jew fi tmiem il-perijodu ta’ validità tagħha, ma josservax l-imsemmija prinċipji.

46

Minn naħa, il-fatt li kumpannija li toħroġ dritt ta’ opzjoni fuq l-azzjonijiet tirreġistra bħala dħul il-prezz tat-trasferiment ta’ din l-opzjoni biss wara li l-opzjoni tiġi eżerċitata jew tiskadi ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ prudenza. Fil-fatt, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li dan il-prezz jikkostitwixxi r-remunerazzjoni tar-riskju li l-kumpannija li toħroġ l-opzjoni tassumi matul il-perijodu kollu tagħha. Għalhekk huwa ġġustifikat, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prudenza, li dan il-prezz jiġi rreġistrat bħala dħul biss ladarba jkun possibbli li jiġi ddeterminat b’mod definittiv jekk dan ir-riskju, li huwa marbut strettament miegħu, seħħx jew le.

47

Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż, hekk kif r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, meta l-prezz tat-trasferiment tal-opzjoni jiġi rreġistrat bħala dħul matul is-sena li matulha d-dritt ta’ opzjoni jinħareġ u qabel ma jiġi eżerċitat jew, jekk ikun il-każ, qabel ma jiskadi, il-kontabbiltà tal-kumpannija li toħroġ l-opzjoni tirrappreżenta, fis-snin sussegwenti għall-ħruġ tad-dritt ta’ opzjoni, riskju ikbar minn dak li jkun hemm fil-każ ta’ reġistrazzjoni matul is-sena li matulha l-opzjoni tittieħed jew skadiet. Fil-fatt, ir-riskju meħud minħabba l-eventwali żieda fil-valur tat-titoli li huma s-suġġett tal-opzjonijiet jista’ fil-verità jkun imtaffi mill-ammont tal-prezz tat-trasferiment tal-opzjoni, li jikkostitwixxi remunerazzjoni għal dan ir-riskju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, metodu ta’ reġistrazzjoni, bħal dak inkwistjoni fit-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ stampa vera.

48

Għandu jingħad ukoll li, għalkemm id-domanda preliminari tagħmel riferiment għall-Artikolu 20 tad-Direttiva 78/660, dan l-artikolu ma huwiex rilevanti għar-risposta li għandha tingħata lil din id-domanda li tirrigwarda, essenzjalment, ir-reġistrazzjoni tal-prezz tal-opzjoni u mhux ir-reġistrazzjoni ta’ provvediment biex ikun kopert telf jew dejn li huwa probabbli jew ċert.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-prinċipji ta’ stampa vera u ta’ prudenza previsti rispettivament fl-Artikolu 2(3) u fl-Artikolu 31(1)(ċ) tad-Direttiva 78/660 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux metodu ta’ reġistrazzjoni li skontu kumpannija li toħroġ dritt ta’ opzjoni fuq l-azzjonijiet tirreġistra bħala dħul il-prezz tat-trasferiment ta’ din l-opzjoni matul is-sena finanzjarja li matulha l-imsemmija opzjoni tittieħed jew fi tmiem il-perijodu ta’ validità tagħha.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-prinċipji ta’ stampa vera u ta’ prudenza previsti rispettivament fl-Artikolu 2(3) u fl-Artikolu 31(1)(ċ) tar-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1978, ibbażata fuq l-Artikolu [50(2)(g) TFUE] dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji, kif emendata bid-Direttiva 2003/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux metodu ta’ reġistrazzjoni li skontu kumpannija li toħroġ dritt ta’ opzjoni fuq l-azzjonijiet tirreġistra bħala dħul il-prezz tat-trasferiment ta’ din l-opzjoni matul is-sena finanzjarja li matulha l-imsemmija opzjoni tittieħed jew fi tmiem il-perijodu ta’ validità tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.