SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Lulju 2017 ( *1 ) ( 1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Proprjetà intellettwali – Disinni Komunitarji – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikoli 81 u 82 – Azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni – Ġurisdizzjoni tat-tribunali tad-disinni Komunitarji tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun iddomiċiljat”

Fil-Kawża C-433/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura

Bayerische Motoren Werke AG

vs

Acacia Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Bayerische Motoren Werke AG, minn L. Trevisan u G. Cuonzo, avvocati,

għal Acacia Srl, minn F. Munari, A. Macchi u M. Esposito, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino u M. Santoro, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga kif ukoll minn M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Bayerische Motoren Werke AG (iktar ’il quddiem “BMW”), stabbilita f’München (il-Ġermanja), u Acacia Srl, stabbilita f’Eboli (l-Italja), fir-rigward tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni ppreżentata minn Acacia kontra BMW.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 44/2001

3

Ir-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”). Min-naħa tiegħu, huwa ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). Skont l-Artikolu 66(1) ta’ dan l-aħħar regolament, huwa “għandu japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi imfassla jew irreġistrati formalment u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi fid-data jew wara l-10 ta’ Jannar 2015”.

4

Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 kien intitolat “Ġurisdizzjoni” u kien jinkludi għaxar sezzjonijiet.

5

Is-sezzjoni 1 ta’ dan il-kapitolu kienet intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali” u kienet tinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament. Dan l-artikolu kien essenzjalment jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u kien jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6

Is-sezzjoni 2 tal-imsemmi kapitolu tar-Regolament Nru 44/2001, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, kienet tinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament. Dan l-artikolu kien jirriproduċi essenzjalment il-kliem tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u kien jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3)

f’materji relatati ma’ responsabbiltà għal danni, delitti ċivili jew kważi-delitti ċivili, fil-qrati tal-post fejn l-inċident dannuż seħħ jew jista’ jseħħ;

[…]”

7

Is-sezzjoni 6 tal-istess kapitolu tar-Regolament Nru 44/2001 kien intitolat “Ġurisdizzjoni esklussiva” u kienet tikkonsisti mill-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament. Dan l-artikolu essenzjalment kien jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u kien ifformulat kif ġej:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

[…]

4)

fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ patenti [privattivi], trade marks, disinnji, jew drittijiet oħra simili meħtieġa sabiex jiġu depożitati jew reġistrati, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għad-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, ikun seħħ jew ikunu taħt it-termini ta’ strument tal-Komunità jew ta’ konvenzjoni internazzjoni huwa meqjus li jkun seħħ.

[…]”

8

Is-sezzjoni 7 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, intitolata “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, kienet tinkludi l-Artikoli 23 u 24 ta’ dan ir-regolament.

9

L-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament essenzjalment kien jikkorrispondi mal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u kien jipprovdi:

“Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. […]

[…]”

10

L-Artikolu 24 tal-istess regolament essenzjalment kien jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u kien redatt bil-kliem li ġej:

“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex ikun ikkontestat il-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22.”

11

Is-sezzjoni 9 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 kienet intitolata “Lis pendens - azzjonijiet relatati” u kienet tinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament. Dan l-artikolu kien jipprovdi:

“1.   Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.

2.   Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

12

Din is-sezzjoni 9 kienet tinkludi wkoll l-Artikolu 28 tal-istess regolament, li kien redatt b’dawn il-kliem:

“1.   Meta azzjonijiet relatati jkunu pendenti fi qrati ta’ Stati Membri differenti, kwalunkwe qorti apparti l-qorti li tkun l-ewwel invokata għandha tissospendi l-proċedimenti ta’ quddiemha.

2.   Meta dawn l-azzjonijiet ikunu pendenti quddiem il-qorti tal-prima istanza, xi qorti ieħor apparti mill-ewwel qorti invokata tista’ wkoll, fuq applikazzjoni ta’ wieħed mill-partijiet, tiċħad il-ġurisdizzjoni jekk il-qorti l-ewwel invokat ikollha ġurisdizzjoni fuq l-azzjonijiet f’dak il-każ u li l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidazzjoni ta’ dan.

3.   Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, azzjonijiet huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun aktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ ġudizzji irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.”

13

Il-Kapitolu VII tar-Regolament Nru 44/2001 kien intitolat “Relazzjonijiet ma’ strumenti oħra”. Huwa kien jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament, li kien ifformulat kif ġej:

“Dan ir-Regolament m’għandux jippreġudika l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza f’materji speċifiċi li jinstabu fi strumenti tal-Komunità jew f’leġislazzjoni nazzjonali armoniżżata bis-saħħa ta’ strumenti bħal dawn.”

Ir-Regolament Nru 6/2002

14

L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 6/2002 jinsab taħt it-Titolu II “Il-liġi dwar id-disinji” tiegħu. Dan l-artikolu huwa intitolat “Drittijiet ikkonferiti bid-disinn Komunitarju” u jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu id-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tużah. L-użu msemmi hawn fuq għandu jkopri, b’mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għal dawn l-għanijiet.”

15

It-Titolu IX ta’ dan ir-regolament huwa intitolat “Il-ġurisdizzjoni u l-proċedura legali fil-kawżi li jkollhom x’jaqsmu mad-disinji Komunitarji”. Dan it-titolu jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 79 sa 82 tal-imsemmi regolament.

16

Taħt it-titolu “Applikazzjoni tal-[Konvenzjoni ta’ Brussell]”, l-Artikolu 79 tal-istess regolament jipprevedi:

“1.   Għajr jekk speċifikat xorta oħra f’dan ir-Regolament, il-[Konvenzjoni ta’ Brussell] għandha tapplika għall-proċeduri li jkollhom x’jaqsmu mad-disinji Komunitarji […].

[…]

3.   Fil-każ tal-proċeduri rigward il-kawżi u t-talbiet riferiti fl-Artikolu 81:

a)

ma għandhomx japplikaw l-Artikoli 2, 4, l-Artikolu 5(1), (3), (4) u (5), l-Artikolu 16(4) u l-Artikolu 24 tal-[Konvenzjoni ta’ Brussell];

b)

l-Artikoli 17 u 18 għandhom japplikaw bla ħsara għal-limitazzjonijiet fl-Artikolu 82(4) ta’ dan ir-Regolament;

[…]”

17

L-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Qrati tad-disinji Komunitarji”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membi għandhom jinnominaw fit-territorju tagħhom numru limitat kemm jista’ jkun ta’ qrati u tribunali nazzjonali ta’ l-ewwel u t-tieni istanza (qrati tad-disinji Komunitarji) li għandhom iwettqu l-funzjonijiet assenjati lilhom b’dan ir-Regolament.”

18

Skont l-Artikolu 81 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni dwar il-ksur tal-liġi u l-validità”:

“Il-qrati tad-disinji Komunitarji għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni esklużiva rigward:

a)

il-kawżi ta’ kontravenzjoni u – jekk permessi bil-liġijiet nazzjonali – rigward kontravenzjoni mhedda tad-disinji Komunitarji;

b)

il-kawżi dwar id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni tad-disinji Komunitarji, jew permessi bil-liġijiet nazzjonali;

c)

il-kawżi dwar dikjarazzjoni ta’ l-invalidità ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat;

d)

il-kontrotalbiet għal dikjarazzjoni ta’ l-invalidità ta’ disinn Komunitarju mqajma f’konnessjoni mal-kawżi taħt (a).”

19

L-Artikolu 82 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u kull dispożizzjoni tal-[Konvenzjoni ta’ Brussell] applikabbli bis-saħħa ta’ l-Artikolu 79, il-proċeduri rigward il-kawżi u t-talbiet riferiti fl-Artikolu 81, għandhom jinġiebu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun iddomiċiljat il-konvenut jew, jekk ma jkunx iddomiċiljat f’wieħed mill-Istati Membri, f’kull Stat Membru li fih ikollu stabbiliment.

2.   Jekk il-konvenut la jkun iddomiċiljat u lanqas ma jkollu stabbiliment f’wieħed mill-Istati Membri, dawn il-proċeduri għandhom jitressqu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun iddomiċiljat il-kwerelant jew, jekk ma jkun iddomiċiljat fl-ebda Stat membru, f’kull Stat Membru li fih ikollu stabbiliment.

3.   Jekk la l-konvenut u lanqas il-kwerelant ma jkunu hekk iddomiċiljati jew ikollhom l-istabbiliment, dawn il-proċeduri għandhom jitressqu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn għandu s-sede tiegħu l-Uffiċċju [tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)].

4.   Minkejja l-paragrafi 1, 2, u 3:

a)

għandu japplika l-Artikolu 17 tal-[Konvenzjoni ta’ Brussell] jekk il-partijiet jiftiehmu illi għandu jkollha l-ġurisdizzjoni qorti differenti tad-disinji Komunitarji;

b)

għandu japplika l-Artikolu 18 [tal-Konvenzjoni ta’ Brussell] jekk il-konvenut irid li jidher quddiem qorti differenti tad-disinji Komunitarji.

5.   Il-proċeduri rigward il-kawżi u t-talbiet riferiti fl-Artikolu 81(a) u (d) jistgħu wkoll jitressqu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih kien kommess jew mhedded l-att ta’ kontravenzjoni.”

20

L-Artikolu 110(1) tal-istess regolament, li jinsab taħt it-Titolu XII “Dispożizzjonijiet finali” tiegħu, huwa intitolat “Dispożizzjoni tranżitorja” u jiddikjara:

“Saż-żmien li l-emendi għal dan ir-Regolament jidħlu fi-seħħ fuq proposta mill-Kummissjoni dwar dan is-suġġett, il-protezzjoni bħala disinn Komunitarju ma għandhiex teżisti għal disinn li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat użat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

Acacia timmanifattura u tikkummerċjalizza roti tal-alloy għal vetturi bil-mutur. Kif jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn ir-rimmijiet huma repliki ta’ roti tal-alloy immanifatturati minn kostrutturi ta’ vetturi bil-mutur u huma kkummerċjalizzati taħt it-trade mark WSP Italy, fejn l-akronimu WSP ifisser “Wheels Spare Parts” (iktar ’il quddiem ir-“repliki tar-rimmijiet”).

22

Peress li r-rimmijiet immanifatturati mill-kostrutturi ta’ vetturi bil-mutur huma rreġistrati bħala disinji Komunitarji, Acacia tqis li r-repliki tar-rimmijiet prodotti minnha jaqgħu taħt il-‘klawżola ta’ restawr’, prevista fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

23

Permezz ta’ rikors promotur allegatament innotifikat fil-21 ta’ Jannar 2013, Acacia ħarrket lil BMW quddiem it-Tribunale di Napoli (qorti ta’ Napoli, l-Italja) għall-finijiet tal-kisba ta’ deċiżjoni li tiddikjara nuqqas ta’ kontravenzjoni tad-disinji Komunitarji rreġistrati li tagħhom hija proprjetarja BMW għal roti tal-alloy għal vetturi bil-mutur, kif ukoll li tikkonstata atti ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u ta’ kompetizzjoni żleali min-naħa ta’ BMW. Acacia talbet ukoll li BMW tiġi ordnata tiddeżisti minn kull attività li tostakola l-kummerċjalizzazzjoni tar-repliki tar-rimmijiet.

24

BMW ikkostitwixxiet lilha nnifisha parti fil-proċeduri billi ressqet risposta quddiem l-imsemmija qorti. F’din ir-risposta, hija qajmet, b’mod preliminari, eċċezzjonijiet ibbażati fuq in-nuqqas ta’ eżistenza jew fuq in-nullità tan-notifika tar-rikors promotur kif ukoll tal-mandat tar-rappreżentant legali ta’ Acacia. Sussidjarjament, iżda dejjem b’mod preliminari, BMW eċċepixxiet ukoll in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Taljani. B’mod ulterjorment sussidjarju, fil-każ li dawn l-eċċezzjonijiet jiġu miċħuda, hija talbet li t-talbiet ta’ Acacia jiġu miċħuda bħala fattwalment u legalment infondati.

25

Fir-risposta tagħha, BMW b’mod partikolari esponiet dan li ġej:

“BMW […], permezz ta’ sempliċi konsegwenza proċedurali tar-riċeviment materjali ta’ att li jinvoka valur ġudizzjarju, sabiex ma tgħaddix mir-riskju li tiġi ddikjarata inġustament bħala kontumaċi, qiegħda tippreżenta l-att preżenti bis-sempliċi għan li tinvoka, minn naħa, in-nuqqas ta’ eżistenza tan-notifika magħmula minn [Acacia] u, min-naħa l-oħra, fil-każ improbabbli ħafna li l-qorti tiddikjara li r-rikors ġie ppreżentat b’mod validu, in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti Taljana favur il-qorti Ġermaniża fir-rigward tal-azzjoni ppreżentata minn Acacia.”

26

Waqt seduta li nżammet fis-27 ta’ Mejju 2014, it-Tribunale di Napoli (qorti ta’ Napoli) indikat it-termini għat-tressiq ta’ noti addizzjonali dwar il-kwistjonijiet ta’ proċedura.

27

Fit-3 ta’ Ottubru 2014, BMW ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni, l-Italja), talba sabiex tiġi riżolta minn qabel il-kwistjoni, li kienet għada pendenti quddiem it-Tribunale di Napoli (qorti ta’ Napoli), tal-ġurisdizzjoni. Hija reġgħet tenniet il-pożizzjoni tagħha li l-qrati Taljani ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni tal-azzjoni ppreżentata minn Acacia. Din tal-aħħar, min-naħa tagħha, tqis li l-ġurisdizzjoni tal-qrati Taljani ġiet aċċettata b’mod taċitu minn BMW, inkwantu din tal-aħħar, wara li qajmet quddiem it-Tribunale di Napoli (qorti ta’ Napoli) l-eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ eżistenza jew fuq in-nullità tan-notifika tar-rikors promotur u tal-mandat tar-rappreżentant legali ta’ Acacia, qajmet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Taljani biss sussidjarjament.

28

Fl-4 ta’ Marzu 2015, il-prokuratur ġenerali fi ħdan il-qorti tar-rinviju ressaq it-talbiet tiegħu billi ppropona li hija tiddikjara n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Taljani.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di Cassazione (qorti ta’ kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Għall-finijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament [Nru 44/2001], il-kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, magħmula b’mod preliminari, iżda sussidjarjament għal eċċezzjonijiet oħra proċedurali li huma wkoll preliminari u, fi kwalunkwe każ, qabel il-kwistjonijiet fil-mertu, tista’ tiġi interpretata bħala l-aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni?

2)

Il-fatt li l-Artikolu 82(4) tar-Regolament [Nru 6/2002] ma jipprevedix qorti oħra għat-tilwim dwar azzjonijiet għal kontstatazzjoni negatttiva ħlief dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun iddomiċiljat previst fl-Artikolu 82(1) tal-istess regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimplika li dawn it-tilwimiet jaqgħu f’ġurisdizzjoni esklużiva?

3)

Sabiex tingħata risposta [għat-tieni] domanda, għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva li jinsabu fir-Regolament [Nru 44/2001], b’mod partikolari l-Artikolu 22, li jiddetermina l-każijiet ta’ applikazzjoni ta’ din il-ġurisdizzjoni, li jinkludu tilwim relatat mar-reġistrazzjoni jew mal-validità ta’ privattivi, trade marks u disinni, iżda ma jinkludux tilwim relatat [ma’ azzjonijiet għal] konstatazzjoni negattiva, kif ukoll l-Artikolu 24, li jipprevedi li minbarra l-każijiet fejn il-ġurisdizzjoni tal-qorti tirriżulta minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament, il-konvenut ikollu l-opportunità li jaċċetta l-ġurisdizzjoni ta’ qorti oħra, u b’hekk tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita mir-rikorrenti?

4)

Il-pożizzjoni espressa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012 [Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, EU:C:2012:664)], li tikkonċerna l-applikabbiltà tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 44/2001] hija ta’ natura ġenerali u assoluta applikabbli għal kwalunkwe azzjoni għal konstatazzjoni negattiva, intiża li tistabbilixxi l-assenza ta’ responsabbilità delittwali, inkluża l-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva ta’ vjolazzjoni fil-qasam ta’ disinni Komunitarji? Konsegwentement, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81 tar-Regolament [Nru 6/2002] jew dik prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001] japplikaw f’dan il-każ, jew l-għażla tal-qorti tappartjeni lir-rikorrent?

5)

Fil-każ fejn talbiet għal konstatazzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti u ta’ kompetizzjoni inġusta jitressqu fil-kuntest ta’ tilwima fil-qasam ta’ disinni Komunitarji li magħhom għandhom rabta ta’ konnessjoni, sa fejn l-ammissibbiltà tagħhom tippreżupponi li tintlaqa’ minn qabel l-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva, dawn it-talbiet jistgħu jingħaqdu mat-tilwima quddiem l-istess qorti, skont interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament [Nru 44/2001]?

6)

Iż-żewġ talbiet imsemmija [fid-domanda preċedenti] jikkostiwixxu każ ta’ responsabbiltà delittwali? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, dawn it-talbiet jista’ jkollhom effett fuq l-applikabbiltà għal dan il-każ tar-Regolament [Nru 44/2001] [Artikolu 5(3)] jew tar-Regolament [Nru 6/2002] dwar il-ġurisdizzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti adita, imqajma fl-ewwel att ta’ difiża b’mod sussidjarju meta mqabbel mal-eċċezzjonijiet proċedurali l-oħra mqajma fl-istess att, tistax tiġi kkunsidrata bħala għarfien tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, li għalhekk tagħti lok għal estensjoni tal-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dan l-artikolu.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprevedi regola ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq id-dehra tal-konvenut għall-kawżi kollha fejn il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita ma tirriżultax minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll fil-każijiet fejn il-qorti tkun ġiet adita b’nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament u timplika li d-dehra tal-konvenut tista’ tiġi kkunsidrata bħala aċċettazzjoni taċita tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita u għaldaqstant bħala estensjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha (sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2010, ČPP Vienna Insurance Group, C‑111/09, EU:C:2010:290, punt 21, kif ukoll tas-27 ta’ Frar 2014, Cartier parfums‑lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 34).

32

Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament tipprevedi eċċezzjonijiet għar-regola ddikjarata fl-ewwel sentenza ta’ dan l-artikolu. Din it-tieni sentenza tistabbilixxi b’mod partikolari li ma hemmx estensjoni taċita ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti adita jekk il-konvenut iqajjem eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, fejn b’hekk ikun qed jesprimi l-intenzjoni tiegħu li ma jaċċettax il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti (sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2010, ČPP Vienna Insurance Group, C‑111/09, EU:C:2010:290, punt 22, kif ukoll tas-27 ta’ Frar 2014, Cartier parfums‑lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 35).

33

Billi rreferiet għall-ġurisprudenza tagħha relatata mal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, dispożizzjoni essenzjalment identika għall-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita tipprekludi l-estensjoni meta r-rikorrent u l-qorti adita jitqiegħdu f’pożizzjoni li jifhmu, sa mill-ewwel difiża mressqa, li din il-kontestazzjoni għandha l-intenzjoni li tostakola din il-ġurisdizzjoni. L-istess jgħodd ukoll fil-każ fejn l-ewwel att ta’ difiża jinkludi, minbarra l-kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, talbiet fuq il-mertu tal-kawża (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Cartier parfums‑lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Minn dan jirriżulta li l-fatt, għall-konvenut, li jikkonesta mingħajr ambigwità, fl-ewwel att ta’ difiża tiegħu, il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita jipprekludi l-estensjoni ta’ ġurisdizzjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, mingħajr ma jkun rilevanti jekk din il-kontestazzjoni tkunx l-uniku għan ta’ dan l-ewwel att ta’ difiża jew le.

35

F’dan il-każ, iċ-ċirkustanza li BMW, fl-ewwel att ta’ difiża tagħha quddiem it-Tribunale di Napoli (qorti ta’ Napoli), ma kkontestatx biss il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, iżda wkoll in-natura regolari tan-notifika tar-rikors u tal-mandat tar-rappreżentant legali ta’ Acacia, ma tbiddel xejn mill-fatt, li wara kollox ma ġiex ikkontestat, li BMW espressament u mingħajr l-iċken ambigwità kkontestat il-ġurisdizzjoni tal-imsemmija qorti f’dan l-att ta’ difiża. Kif tfakkar fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, it-tieni sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandha l-għan li tipprekludi l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni meta l-konvenut jesprimi, sa mill-ewwel att ta’ difiża tiegħu, l-intenzjoni tiegħu li ma jaċċettax il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita. Għaldaqstant din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti adita ġiet kjarament imqajma in limine litis, din il-kontestazzjoni espliċita tal-ġurisdizzjoni għandha tiġi kkunsidrata, hekk kif issostni Acacia, bħala aċċettazzjoni taċita ta’ din il-ġurisdizzjoni għar-raġuni li l-imsemmija eċċezzjoni tqajmet biss sussidjarjament meta mqabbel mal-eċċezzjonijiet proċedurali l-oħra mqajma in limine litis.

36

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti adita, imqajma fl-ewwel att ta’ difiża b’mod sussidjarju fir-rigward ta’ eċċezzjonijiet proċedurali oħra mqajma fl-istess att, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita u għaldaqstant ma twassalx għal estensjoni ta’ ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dan l-artikolu.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

37

Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82 tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni msemmija fl-Artikolu 81(b) ta’ dan ir-regolament jistgħu, meta l-konvenut ikun iddomiċiljat fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jiġu ppreżentati biss quddiem il-qrati tad-disinni Komunitarji ta’ dan l-Istat Membru.

38

F’dan ir-rigward, qabel kollox jeħtieġ li jiġi rrilevat li, minkejja l-prinċipju tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 għall-azzjonijiet fir-rigward ta’ disinn Komunitarju, l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għall-proċeduri li jirriżultaw mill-azzjonijiet u mit-talbiet imsemmija fl-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 6/2002 huma esklużi skont l-Artikolu 79(3) ta’ dan l-aħħar regolament.

39

Fid-dawl ta’ din l-esklużjoni, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-disinni Komunitarji previsti fl-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 6/2002 biex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjonijiet u talbiet imsemmija fl-Artikolu 81 tiegħu tirriżulta mir-regoli previsti direttament minn dan l-istess regolament, li għandhom natura ta’ lex specialis meta mqabbla mar-regoli ddikjarati mir-Regolament Nru 44/2001 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany, C‑360/12, EU:C:2014:1318, punt 27, u tat-18 ta’ Mejju 2017, Hummel Holding, C‑617/15, EU:C:2017:390, punt 26).

40

Sussegwentement, mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 82 tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni msemmija fl-Artikolu 81(b) ta’ dan ir-regolament għandhom, meta l-konvenut ikun iddomiċiljat fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jitressqu quddiem il-qrati tad-disinni Komunitarji ta’ dan l-Istat Membru, sakemm ma kienx hemm estensjoni tal-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 23 jew tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, fejn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet issostitwixxew l-Artikoli 17 u 18 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

41

Fl-aħħar nett, suġġett għall-każijiet ta’ lis pendens u ta’ konnessjoni, ebda regola ta’ ġurisdizzjoni li tinsab f’dispożizzjoni tar-Regolament Nru 6/2002 minbarra l-Artikolu 82 tiegħu jew f’dispożizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 minbarra l-Artikoli 23 u 24 ta’ dan tal-aħħar, ma hi tali li tapplika għall-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni msemmija fl-Artikolu 81(b) tar-Regolament Nru 6/2002. B’mod partikolari, fir-rigward tal-punt 4 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, li dwar ir-rilevanza tiegħu tistaqsi l-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi osservat li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li ssostitwixxiet il-punt 4 tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, għall-proċeduri li jirriżultaw mill-azzjonijiet u mit-talbiet imsemmija fl-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 6/2002, hija eskluża bis-saħħa tal-Artikolu 79(3)(a) ta’ dan ir-regolament.

42

Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi tkun li l-Artikolu 82 tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni msemmija fl-Artikolu 81(b) ta’ dan ir-regolament għandhom, meta l-konvenut ikun iddomiċiljat fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, jiġu ppreżentati quddiem il-qrati tad-disinni Komunitarji ta’ dan l-Istat Membru, sakemm ma jkunx hemm estensjoni tal-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 23 jew 24 tar-Regolament Nru 44/2001, u dan suġġett għall-każijiet ta’ lis pendens u ta’ konnessjoni koperti mill-imsemmija regolamenti.

Fuq ir-raba’ domanda

43

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li ssir taf jekk ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ddikjarata fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 tistax tapplika għall-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni msemmija fl-Artikolu 81(b) tar-Regolament Nru 6/2002.

44

F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa l-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-proċeduri li jirriżultaw mill-azzjonijiet u mit-talbiet imsemmija fl-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 6/2002 hija eskluża mill-Artikolu 79(3)(a) ta’ dan ir-regolament.

45

Is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, EU:C:2012:664), li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju, ingħatat f’kawża li ma kinitx tirrigwarda disinni Komunitarji. Din il-ġurisprudenza għalhekk ma tikkontradixxi b’ebda mod ir-regola ta’ esklużjoni li tinsab fl-Artikolu 79(3)(a).

46

Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għar-raba’ domanda tkun li r-regola ta’ ġurisdizzjoni ddikjarata fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 ma tapplikax għall-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni msemmija fl-Artikolu 81(b) tar-Regolament Nru 6/2002.

Fuq il-ħames u s-sitt domandi

47

Permezz tal-ħames u s-sitt domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk talbiet għal konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u ta’ kompetizzjoni żleali li huma konnessi ma’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni ta’ disinn Komunitarju, sa fejn billi jintlaqgħu dawn it-talbiet ikun hemm presuppożizzjoni li tkun intlaqgħet din l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni, jaqgħux taħt ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ddikjarata fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 jew taħt ir-reġim ta’ ġurisdizzjoni stabbilit permezz tar-Regolament Nru 6/2002. Jekk jitqies li r-regola ta’ ġurisdizzjoni ddikjarata fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 hija applikabbli fir-rigward ta’ tali talbiet għal konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u ta’ kompetizzjoni żleali, l-imsemmija qorti tistaqsi, barra minn hekk, dwar il-possibbiltà li tingħata interpretazzjoni “estensiva” tar-regoli fil-qasam ta’ konnessjoni ddikjarati fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001 li skontha jkun possibbli li r-rikorrent jadixxi lill-qorti eventwalment kompetenti internazzjonalment biex tieħu konjizzjoni tal-imsemmija talbiet fuq il-bażi tal-imsemmi punt 3 tal-Artikolu 5 mhux biss għal dawn it-talbiet, iżda wkoll għall-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni tad-disinn Komunitarju msemmi iktar ’il fuq.

48

Fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi applikata r-regola ta’ ġurisdizzjoni ddikjarata fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 f’kawża bħall-kawża prinċipali, mid-domandi preliminari kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-kawża hija kkaratterizzata biċ-ċirkustanza li deċiżjoni minn qabel waħda biss fir-rigward tal-fondatezza tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni msemmija fl-Artikolu 81(b) tar-Regolament Nru 6/2002 għandha tippermetti li jiġi ddeterminat jekk it-talbiet għal konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u ta’ kompetizzjoni żleali jistgħux, jekk ikun il-każ, jintlaqgħu.

49

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, meta talbiet għal konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u ta’ kompetizzjoni żleali jitressqu sussidjarjament għal azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni ta’ disinn Komunitarju u essenzjalment jilmentaw li l-proprjetarju ta’ dan id-disinn qiegħed jopponi l-manifattura, mir-rikorrent f’kawża għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni, ta’ repliki tal-imsemmi disinn, id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha tibbaża lilha nnifisha, fir-rigward tal-kawża fl-intier tagħha, fuq ir-reġim ta’ ġurisdizzjoni stabbilit permezz tar-Regolament Nru 6/2002, kif interpretata fir-risposti għall-ewwel sar-raba’ domandi preliminari.

50

Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal din, dawn it-talbiet jibbażaw lilhom infushom essenzjalment fuq l-argument, magħmul fil-kuntest tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni, li l-manifattura tar-repliki ma tikkostitwixxix kontravenzjoni, fejn għalhekk il-proprjetarju tad-disinn Komunitarju għandu jaċċetta l-kompetizzjoni li tirriżulta minn dawn ir-repliki. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-bażi tar-regola ddikjarata fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, tkun tippreġudika l-effettività tal-Artikolu 79(3)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, li għandu preċiżament l-għan li jeskludi din ir-regola fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ tilwim bejn il-manifatturi ta’ repliki u l-proprjetarji ta’ disinni Komunitarji u li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-proprjetarju tad-disinn Komunitarju inkwistjoni jistax jipprojbixxi l-manifattura tar-repliki inkwistjoni.

51

Fid-dawl tal-punti preċedenti, ma hemmx lok li jiġu eżaminati d-domandi preżenti sa fejn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001.

52

Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għall-ħames u għas-sitt domandi tkun li r-regola ta’ ġurisdizzjoni ddikjarata fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 ma tapplikax għal talbiet ta’ konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u ta’ kompetizzjoni żleali li jkunu konnessi ma’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni ta’ disinn Komunitarju sa fejn billi jintlaqgħu dawn it-talbiet ikun hemm presuppożizzjoni li tkun intlaqgħet din l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti adita, imqajma fl-ewwel att ta’ difiża b’mod sussidjarju fir-rigward ta’ eċċezzjonijiet proċedurali oħra mqajma fl-istess att, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita u għaldaqstant ma twassalx għal estensjoni ta’ ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dan l-artikolu.

 

2)

L-Artikolu 82 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni msemmija fl-Artikolu 81(b) ta’ dan ir-regolament għandhom, meta l-konvenut ikun iddomiċiljat fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, jiġu ppreżentati quddiem il-qrati tad-disinni Komunitarji ta’ dan l-Istat Membru, sakemm ma jkunx hemm estensjoni tal-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 23 jew 24 tar-Regolament Nru 44/2001, u dan suġġett għall-każijiet ta’ lis pendens u ta’ konnessjoni koperti mill-imsemmija regolamenti.

 

3)

Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ddikjarata fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 ma tapplikax għall-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni msemmija fl-Artikolu 81(b) tar-Regolament Nru 6/2002.

 

4)

Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ddikjarata fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 ma tapplikax għal talbiet ta’ konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u ta’ kompetizzjoni żleali li jkunu konnessi ma’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni ta’ disinn Komunitarju sa fejn billi jintlaqgħu dawn it-talbiet ikun hemm presuppożizzjoni li tkun intlaqgħet din l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

( 1 ) Fil-punt 33 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li li kien tqiegħed online għal-ewwel darba