Kawża C-425/16

Hansruedi Raimund

vs

Michaela Aigner

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 96(a) – Azzjoni għal vjolazzjoni – Artikolu 99(1) – Preżunzjoni ta’ validità – Artikolu 100 – Kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Relazzjoni bejn azzjoni għal vjolazzjoni u kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Awtonomija proċedurali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2017

  1. Dritt tal-Unjoni Ewropea-Interpretazzjoni-Metodi-Interpretazzjoni skont il-kuntest u l-iskop

  2. Trade mark tal-Unjoni Ewropea-Tilwim li jirrigwarda l-vjolazzjoni u l-validità tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea-Kompetenza fil-qasam ta’ vjolazzjoni u ta’ validità-Qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea li ma tistax tiċħad azzjoni għal vjolazzjoni minħabba invalidità assoluta mingħajr ma tkun laqgħet il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, imressqa mill-konvenut f’din l-azzjoni għal vjolazzjoni u bbażata fuq din l-istess raġuni għal invalidità

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 52(1)(b), 96(a), 99(1) u 100(1))

  3. Dritt tal-Unjoni Ewropea-Effett dirett-Drittijiet individwali-Salvagwardja mill-qrati nazzjonali-Azzjoni ġudizzjarja-Prinċipju ta’ awtonomija proċedurali-Determinazzjoni kemm tal-qrati kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-modalitajiet proċedurali li jirregolaw ir-rikors-Limiti-Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

    (Artikolu 4(3) TUE)

  4. Trade mark tal-Unjoni Ewropea-Tilwim li jirrigwarda l-vjolazzjoni u l-validità tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea-Kompetenza fil-qasam ta’ vjolazzjoni u ta’ validità-Qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea li ma tistax tiċħad azzjoni għal vjolazzjoni minħabba invalidità assoluta mingħajr ma tkun laqgħet il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, imressqa mill-konvenut f’din l-azzjoni għal vjolazzjoni u bbażata fuq din l-istess raġuni għal invalidità-Natura definittiva tad-deċiżjoni dwar il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità-Kundizzjoni-Assenza

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 52(1)(b), 96(a) u 100(1))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 22)

  2.  L-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni għal vjolazzjoni ppreżentata quddiem qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 96(a) ta’ dan ir-regolament, ma tistax tiġi miċħuda minħabba raġuni ta’ invalidità assoluta, bħal dik prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament, mingħajr ma din il-qorti tkun laqgħet il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, imressqa mill-konvenut f’din l-azzjoni għal vjolazzjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 100(1) tal-istess regolament, u bbażata fuq din l-istess raġuni ta’ invalidità.

    (ara l-punt 35 u d-dispożittiv 1)

  3.  F’tali kuntest, hemm lok li jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, taħt il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u li jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li għandhom il-partijiet fil-kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, għalkemm madankollu, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 47, u tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 35).

    F’dan is-sens, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, il-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas vantaġġużi minn dawk li jirrigwardaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu impossibbli fil-prattika jew jagħmlu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe‑Zentralfinanz u Rewe‑Zentral, 33/76, EU:C:1976:188, punt 5; tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 12, kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 36).

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività huma validi, b’mod partikolari, fir-rigward tad-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    (ara l-punti 40-42)

  4.  Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux il-fatt li l-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tista’ tiċħad l-azzjoni għal vjolazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 96(a) ta’ dan ir-regolament, minħabba raġuni ta’ invalidità assoluta, bħal dik prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament, filwaqt li d-deċiżjoni dwar il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, imressqa konformement mal-Artikolu 100(1) tal-istess regolament, u bbażata fuq din l-istess raġuni ta’ invalidità, ma tkunx saret definittiva.

    (voir point 48, dispożittiv 2)