SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
9 ta’ Novembru 2017 ( *1 )
“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Għarbija Sirjana – Miżuri restrittivi meħuda kontra persuna msemmija fl-anness ta’ deċiżjoni – Estensjoni tal-validità ta’ din id-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Talba għall-adattament tar-rikors imressqa matul is-seduta u mhux permezz ta’ att bil-miktub separat – Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – Verżjoni bil-lingwa Bulgara – Annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni inizjali li permezz tagħha l-persuna kkonċernata ġiet inkluża fil-lista tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi – Tmiem tal-validità tad-deċiżjoni ta’ estensjoni – Kontinwazzjoni tas-suġġett tat-talba għall-adattament tar-rikors”
Fil-Kawża C-423/16 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2016
HX, residenti f’Damasku (is-Sirja), irrappreżentat minn S. Koev, advokat,
appellant,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn I. Gurov u S. Kyriakopoulou, bħala aġenti,
konvenut fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, HX jitlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Ġunju 2016, HX vs Il-Kunsill (T-723/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:332), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali, minn naħa, annullat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/488/PESK, tat-22 ta’ Lulju 2014, li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2014, L 217, p. 49), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 793/2014, tat-22 ta’ Lulju 2014, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2014, L 217, p. 10), sa fejn din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni u dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jikkonċernaw lil HX, u, min-naħa l-oħra, ċaħdet it-talbiet ta’ HX għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/837, tat-28 ta’ Mejju 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK (ĠU 2015, L 132, p. 82). |
Il-kuntest ġuridiku
|
2 |
L-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-proċedura li wasslet għas-sentenza appellata (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali”), jistabbilixxi l-lista tal-lingwi tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, li fosthom tinsab il-lingwa Bulgara. |
|
3 |
L-Artikolu 45 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, intitolat “Determinazzjoni tal-lingwa tal-kawża”, u li jinsab fit-Titolu II, intitolat “Fuq is-sistema lingwistika”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fir-rikorsi diretti fis-sens tal-Artikolu 1, il-lingwa tal-kawża tintgħażel mir-rikorrent […]” |
|
4 |
Skont l-Artikolu 78 ta’ dawn ir-Regoli: “1. Jekk ikun il-każ, mar-rikors għandhom jiġu annessi d-dokumenti indikati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut [tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea]. 2. Ir-rikors ippreżentat bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ inkluża f’kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku jew mid-dritt privat konkluż mill-Unjoni jew f’isimha skont l-Artikolu 272 TFUE għandu jkollu miegħu kopja tal-kuntratt li jinkludi din il-klawżola. 3. Jekk ir-rikorrent ikun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, huwa għandu jehmeż mar-rikors prova reċenti tal-eżistenza ġuridika tiegħu (estratt mir-reġistru tal-kummerċ, estratt mir-reġistru tal-kumpannija jew kwalunkwe dokument uffiċjali ieħor). 4. Ir-rikors għandu jkollu miegħu d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 51(2) u (3). 5. Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 1 sa 4, ir-Reġistratur għandu jiffissa terminu raġonevoli għar-rikorrent sabiex jipproduċi d-dokumenti msemmija iktar ’il fuq. Fin-nuqqas ta’ din ir-regolarizzazzjoni fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet jimplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors.” |
|
5 |
L-Artikolu 86 tal-imsemmija Regoli, intitolat “Adattament tar-rikors”, huwa fformulat kif ġej: “1. Meta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqtal-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid. 2. L-adattament tar-rikors għandu jsir permezz ta’ att separat u fit-terminu, previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li fih jista’ jintalab l-annullament tal-att li jiġġustifika l-adattament tar-rikors. 3. In-nota ta’ adattament għandha tinkludi:
4. In-nota ta’ adattament għandha jkollha magħha l-att li jiġġustifika l-adattament tar-rikors. Jekk dan l-att ma jiġix prodott, ir-Reġistratur għandu jiffissa għar-rikorrent terminu raġonevoli għall-produzzjoni tiegħu. Fin-nuqqas ta’ din ir-regolarizzazzjoni fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit jimplikax l-inammissibbiltà tan-nota li tadatta r-rikors. 5. Bla ħsara għad-deċiżjoni li għad tkun trid tingħata mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tan-nota li tadatta r-rikors, il-President għandu jiffissa terminu għall-konvenut sabiex jippreżenta risposta għan-nota ta’ adattament. […]” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali: “Ir-Reġistratur għandu jħejji proċess verbal ta’ kull seduta istruttorja. Dan il-proċess verbal għandu jiġi ffirmat mill-President u mir-Reġistratur. Il-proċess verbal huwa att awtentiku.” |
|
7 |
L-Artikolu 227 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi li dawn ir-Regoli huma awtentiċi fil-lingwi msemmija fl-Artikolu 44 tagħhom. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
8 |
L-appellant huwa negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana li kien is-suġġett ta’ miżuri restrittivi fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK). Ismu ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, tal-31 ta’ Mejju 2013, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14), permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/488, kif ukoll fil-lista li tinsab fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU 2012, L 16, p. 1), permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 793/2014. Fir-rikors promotur tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa talab l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni u ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni sa fejn jikkonċernawh. |
|
9 |
Peress li fil-frattemp id-Deċiżjoni 2013/255 kienet ġiet estiża permezz tad-Deċiżjoni 2015/837, l-appellant ipprova jikseb ukoll l-annullament ta’ din tal-aħħar permezz ta’ adattament tar-rikors promotur tiegħu, previst fl-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
|
10 |
Huwa talab dan l-adattament matul is-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2015, li matulha huwa jsostni li sar jaf bid-deċiżjoni ta’ estensjoni fil-kuntest tat-trattazzjoni tar-rappreżentant tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. |
|
11 |
Il-Qorti Ġenerali, li laqgħat it-talbiet għal annullament imressqa fir-rikors promotur, madankollu ma aċċettatx l-ammissibbiltà tat-talba għall-adattament tiegħu. Skont il-Qorti Ġenerali, din l-inammissibbiltà kienet marbuta mal-fatt li din it-talba ma tressqitx permezz ta’ “att separat” fis-sens tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. |
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
12 |
L-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
13 |
Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
L-argumenti tal-partijiet
|
14 |
L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-talba tiegħu għall-adattament tar-rikors meta din it-talba, għalkemm kienet espressa oralment matul is-seduta, kienet is-suġġett ta’ forma miktuba qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura minħabba li ssemmiet fil-proċess verbali tas-seduta. Huwa jsostni li b’dan il-mod, u minkejja l-assenza ta’ preżentata ta’ dokument bil-miktub u separat fil-veru sens tal-kelma, it-talba tiegħu għall-adattament tar-rikors kien imissha tqieset li kienet issodisfat ir-rekwiżiti tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, huwa jargumenta li l-assenza ta’ talba bil-miktub fil-veru sens tal-kelma ma ppreġudikatx id-drittijiet tal-parti l-oħra u lanqas ma fixklet il-ħidma tal-Qorti Ġenerali. |
|
15 |
L-appellant iqis ukoll li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-lingwa tal-kawża magħżula minnu, jiġifieri l-lingwa Bulgara. Issa, il-verżjoni b’din il-lingwa tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tuża kelma ambivalenti li ma timplikax neċessarjament ir-rekwiżit ta’ dokument bil-miktub u separat sabiex titressaq talba għall-adattament tar-rikors. |
|
16 |
Barra minn hekk, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali ma osservatx il-prinċipju tan-natura kontradittorja tal-proċedura sa fejn ma tatux terminu supplimentari sabiex jippreżenta talba għall-annulament tad-Deċiżjoni 2015/837, meta kien biss matul is-seduta li huwa sar jaf b’din id-deċiżjoni. |
|
17 |
Il-Kunsill isostni li l-Artikolu 86(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jimplika, mingħajr ebda ambigwità, il-preżentata ta’ talba bil-miktub. Anki jekk jitqies li l-verżjoni bil-lingwa Bulgara ta’ dawn ir-Regoli hija differenti f’dan ir-rigward mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, din l-istituzzjoni tqis li din il-verżjoni ma tistax tipprevali. Fil-fatt, skont il-Kunsill, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha jużaw termini li jesprimu, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, il-bżonn ta’ att bil-miktub u separat. Irrispettivament minn dan, analiżi kuntestwali tal-Artikolu 86 ta’ dawn ir-Regoli fl-intier tiegħu hija biżżejjed sabiex jintwera li dan l-artikolu ma qiegħed jitkellem dwar xejn iktar għajr att bil-miktub, b’mod partikolari meta jirreferi għall-elementi li “għandu jkollu miegħu” l-att. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
18 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-talbiet tal-partijiet huma bħala prinċipju kkaratterizzati mill-immutabbiltà tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-543/08, EU:C:2010:669, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi kodifikazzjoni ta’ ġurisprudenza li kienet diġà teżisti dwar l-eċċezzjonijiet li jista’ jkun hemm għal dan il-prinċipju ta’ immutabbiltà. Għaldaqstant, l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan l-appell jgħoddu biss fil-kuntest ta’ din is-sitwazzjoni derogatorja. |
|
19 |
Għandu jitfakkar li, fir-rikorsi diretti, l-Artikolu 45 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jippermetti lir-rikorrent jagħżel il-lingwa tal-kawża. F’dan il-każ, il-lingwa magħżula minn HX fl-istanza quddiem il-Qorti Ġenerali li wasslet għas-sentenza appellata kienet il-lingwa Bulgara, il-lingwa tal-avukat tiegħu. |
|
20 |
Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellant qiegħed isostni, mingħajr oġġezzjoni min-naħa tal-Kunsill, li l-verżjoni f’dik il-lingwa tal-Artikolu 86(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali hija ambigwa, fis-sens li, għall-kuntrarju tal-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża (“separate document”) u bil-lingwa Franċiża (“acte séparé”) ta’ din id-dispożizzjoni, il-verżjoni bil-lingwa Bulgara tagħha ma tużax il-kelma “att”, iżda l-kelma “molba” (“talba”). Issa, din il-kelma ma timplikax neċessarjament ir-rekwiżit ta’ natura miktuba, peress li tfisser b’mod iktar ġenerali l-espressjoni ta’ rieda, li tista’ tkun kemm orali u kemm miktuba. |
|
21 |
Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li din l-ambigwità wasslet lir-rappreżentant tal-appellant sabiex iqis li tkun ammissibbli talba għall-adattament tar-rikors ippreżentata oralment matul is-seduta li matulha huwa jsostni li sar jaf bl-eżistenza tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ din it-talba. Barra minn hekk, din l-impressjoni tal-appellant setgħet issaħħet minħabba li l-imsemmija talba kienet sussegwentement irreġistrata fil-proċess verbali tas-seduta, li jikkostitwixxi att awtentiku bis-saħħa tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
|
22 |
Jekk il-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li t-talba għall-adattament tar-rikors ippreżentata b’dan il-mod ma kinitx tosserva l-kundizzjonijiet formali previsti fir-Regoli tal-Proċedura tagħha, hija kellha f’tali każ, minn tal-inqas, tindika dan l-iżball lill-appellant u tagħtih l-opportunità li jirrimedjah. |
|
23 |
Fil-fatt, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm huwa perfettament ġustifikat li jiġu imposti ċerti rekwiżiti formali fir-rigward ta’ adattament tar-rikors, tali rekwiżiti ma jikkostitwixxux għan fihom innifishom iżda huma intiżi, għall-kuntrarju, li jiġu żgurati n-natura kontradittorja tal-proċedura u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. |
|
24 |
F’dan id-dawl, l-Artikolu 86(3) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi huwa stess li n-nuqqas li jitwettqu ċerti formalitajiet ta’ preżentazzjoni tat-talbiet għall-adattament tar-rikors ma jwassalx neċessarjament għall-inammissibbiltà ta’ dawn it-talbiet. Barra minn hekk, dan l-istess marġni ta’ diskrezzjoni tal-Qorti Ġenerali japplika wkoll fir-rigward tal-annessi tar-rikors sa fejn l-Artikolu 78(5) ta’ dawn ir-Regoli jipprevedi l-possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni, taħt ir-responsabbiltà tar-Reġistratur, fejn fl-assenza ta’ din ir-regolarizzazzjoni l-Qorti Ġenerali tista’ xorta waħda tiddeċiedi li r-rikors jibqa’ ammissibbli. |
|
25 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata b’mod validu bl-argumenti mressqa mill-Kunsill li huma bbażati, minn naħa, fuq il-fatt li l-verżjoni bil-lingwa Bulgara tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali hija l-unika waħda li fiha l-ambigwità indikata mill-appellant, u, min-naħa l-oħra, fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jirriżulta li l-ħtieġa li d-dritt tal-Unjoni jiġi applikat u interpretat b’mod uniformi teskludi l-eżami iżolat ta’ dispożizzjoni f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tagħha, iżda teħtieġ, għall-kuntrarju, l-interpretazzjoni tagħha fid-dawl tal-verżjonijiet l-oħra kollha bbażata fuq ir-rieda tal-awtur tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder, 29/69, EU:C:1969:57, punt 3; tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, EU:C:1997:375, punt 15, kif ukoll tal-15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C-168/14, EU:C:2015:685, punt 42). |
|
26 |
Fil-fatt, fir-rigward ta’ dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura ta’ qorti tal-Unjoni, li barra minn hekk huma adottati u ddikjarati awtentiċi fil-lingwi tal-kawża kollha minn din il-qorti stess konformement mad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 44 u 227(1) ta’ dawn ir-Regoli, li l-individwi jkunu mistennija jirreferu għall-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-imsemmija Regoli sabiex jevitaw li eventwali diverġenza fil-verżjoni tagħhom fil-lingwa tal-kawża twassal għal inammissibbiltà jmur kontra d-dritt tagħhom li jindirizzaw lill-qorti tal-Unjoni fil-lingwa uffiċjali tal-għażla tagħhom, li jirriżulta kemm mill-Artikolu 20(2)(d) TFUE u mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE u kemm mill-Artikolu 45 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
|
27 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ċaħdet bħala inammissibbli t-talba għall-adattament tar-rikors ta’ HX għas-sempliċi raġuni li ma kinitx ippreżentata permezz ta’ att bil-miktub separat, mingħajr ma qabel stiednet lil dan tal-aħħar sabiex jirregolarizzaha. |
|
28 |
Għaldaqstant, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi eżaminat l-aggravju l-ieħor, il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jiġi annullat. |
Fuq it-talba għall-adattament tar-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza
|
29 |
Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ taqta’ l-kawża definittivament hija stess jekk din tkun fi stat li tiġi deċiża. Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-każ ineżami. |
|
30 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm l-interess ġuridiku ta’ rikorrent u kemm is-suġġett tar-rikors għandhom jeżistu mhux biss meta jiġi ppreżentat ir-rikors, iżda għandhom jibqgħu jeżistu sakemm il-qorti tagħti d-deċiżjoni tagħha għaliex fl-assenza tagħhom ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni. Dan ifisser li r-rikors għandu jkun jista’, bl-eżitu tiegħu, iwassal sabiex jinkiseb benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni, C-19/93 P, EU:C:1995:339, punt 13; tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C-362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42, kif ukoll tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-239/12 P, EU:C:2013:331, punt 61). |
|
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li HX essenzjalment jixtieq jadatta r-rikors inizjali tiegħu ppreżentat fl-ewwel istanza, intiż b’mod partikolari għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/488 li tinkludi ismu fil-lista li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255, sabiex dan ir-rikors ikun intiż ukoll għall-annullament tad-deċiżjoni li testendi l-imsemmija lista għal sena oħra. |
|
32 |
Issa, bl-effett retroattiv tal-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/488 ddikjarat fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li sar definittiv peress li l-appell f’din il-kawża jikkonċerna biss il-punt 2 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza, il-lista li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 għandha titqies li qatt ma kienet inkludiet isem l-appellant. |
|
33 |
Għaldaqstant, minn annullament tad-Deċiżjoni 2015/837 li testendi l-eżistenza ta’ din il-lista l-appellant ma jista’ jikseb ebda benefiċċju li jmur lil hinn minn dak li seta’ kiseb bl-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/488 li tinkludi ismu fl-imsemmija lista. |
|
34 |
Għaldaqstant, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-adattament tar-rikors ippreżentat minn HX fl-ewwel istanza. |
Fuq l-ispejjeż
|
35 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
36 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikou 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
37 |
Peress li HX talab li l-Kunsill jiġi kkundannat għall-ispejjeż u peress li dan tal-aħħar tilef il-kawża, il-Kunsill għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn HX kemm fl-ewwel istanza u kemm fil-kuntest ta’ dan l-appell. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.