Kawża C‑408/16
Compania Naţională de Administrare a Infrastructurii rutiere SA
vs
Ministerul Fondurilor Europene – Direcţia Generală Managementul Fondurilor Externe
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Regolament (KE) Nru 1083/2006 – Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, Fond Soċjali Ewropew u Fond ta’ Koeżjoni – Kuntratt għall-finanzjament tal-kostruzzjoni ta’ awtostrada konkluż mal-Bank Ewropew għall-Investiment qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea – Kunċett ta’ ‘irregolarità’ fis-sens tar-Regolament Nru 1083/2006”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2017
Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda–Rumanija–Kuntratti pubbliċi–Assenza ta’ terminu previst fl-Att ta’ Adeżjoni għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004–Konsegwenza–Applikazzjoni immedjata u sħiħa tad-Direttiva
(Att ta’ Adeżjoni tal-2005, Artikoli 2 u 53(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi–Direttiv 2004/18–Applikazzjoni ratione temporis–Deċiżjoni tal-awtorità kontraenti dwar it-tip ta’ proċedura li għandha tiġi segwita għall-għoti ta’ kuntratti adottata wara l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat fl-Unjoni–Applikabbiltà tad-Direttiva
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi–Direttiva 2004/18–Kamp ta’ applikazzjoni–Kuntratti mogħtija skont il-proċedura partikolari ta’ organizzazzjoni internazzjonali–Esklużjoni–Kunċett ta’ proċedura partikolari ta’ organizzazzjoni internazzjonali–Gwida ta’ għoti ta’ kuntratti għall-proġetti ffinanzjati mill-Bank Ewropew tal-Investiment–Esklużjoni–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffavorixxi l-applikazzjoni tal-kriterji previsti fil-gwida inqas restrittivi fuq dawk tad-Direttiva 2004/18–Inammissibbiltà
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 15(c))
Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea–Leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni–Eliġibbiltà għall-finanzjament tal-Unjoni–Obbligu għat-tranżazzjonijiet magħżula għal finanzjament li jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni–Portata
(Regolament tal-Kunsill Nru 1083/2006, premessa 22 u Artikoli 9(5) u 60(a); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18)
Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea–Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni–Irregolarità–Kunċettj–Użu, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku dwar proġett sostnut mill-Unjoni, ta’ kriterji ta’ pre-ċertifikazzjoni tal-offerenti iktar restrittivi minn dawk stabbiliti fid-Direttiva 2004/18–Inklużjoni–Applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja–Kundizzjoni–Riskju ta’ effett fuq il-baġit tal-fond ikkonċernat
(Regolament tal-Kunsill Nru 1083/2006, il-punt 7 tal-Artikoli 2, Artikoli 9(5), 60(a) u 98(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 35-37)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 39, 40)
Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] u b’mod partikolari l-Artikolu 15(c) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jipprevedi, għall-finijiet ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku konkluż wara d-data tal-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni fid-dawl tat-twettiq ta’ proġett mibdi abbażi ta’ kuntratt ta’ finanzjament konkluż mal-Bank Ewropew tal-Investiment qabel l-imsemmija adeżjoni, l-applikazzjoni tal-kriterji speċifiċi previsti mid-dispożizzjonijiet tal-gwida tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi tal-Bank Ewropew tal-Investiment li ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.
Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, l-avviż ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie ppubblikat wara l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies bħala rregolata mir-regoli tal-proċedura speċifiċi għal organizzazzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2004/18. Għalhekk, ir-Rumanija ma tistax tibbaża ruħha, wara d-data tal-adeżjoni tagħha fl-Unjoni, fuq l-eċċezzjoni dwar l-osservanza tar-regoli speċifiċi għal organizzazzjoni internazzjonali prevista fl-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2004/18.
(żra l-punti 47-49, 52, dispożittiv 1)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 54-59)
L-Artikolu 9(5) u l-Artikolu 60(a) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond tal-Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999, għandhom jiġu interpretati fis-sens li proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-kuntest ta’ liema ġew applikati kriterji iktar restrittivi minn dawk iddikjarati fid-Direttiva 2004/18, ma tistax titqies li twettqet b’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni u ma hijiex eliġibbli għal finanzjament Ewropew mhux rimborsabbli, mogħti retrospettivament.
Il-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1083/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ kriterji ta’ pre-klassifikazzjoni tal-offerenti iktar restrittivi minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/18 jikkostitwixxi “irregolarità” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 98 ta’ dan ir-regolament, sa fejn il-possibbiltà li dan l-użu kellu effett fuq il-baġit tal-fond inkwistjoni ma tistax tiġi eskluża, li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika dan. F’dan ir-rigward, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jobbliga lill-awtorità nazzjonali kompetenti li tiddetermina l-ammont tal-korrezzjoni li għandu jiġi applikat fid-dawl tat-tliet kriterji, jiġifieri n-natura tal-irregolarità kkonstatata, il-gravità tagħha u t-telf finanzjarju li jirriżulta minnha għall-fond ikkonċernat (sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Wroclaw - Miasto na prawach powiatu, C406/14, EU:C:2016:562, punt 47) Meta tkun kwistjoni, bħal fil-kawża prinċipali, ta’ irregolarità okkażjonali, u mhux sistematika, dan ir-rekwiżit tal-aħħar jimplika neċessarjament eżami każ b’każ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ rilevanti fid-dawl ta’ kull wieħed minn dawn it-tliet kriterji.
(ara l-punti 65, 66, 68, dispożittiv 2)