SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (KE) Nru 810/2009 – Artikolu 32(3) – Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi – Deċiżjoni li tirrifjuta l-viża – Dritt tal-applikant li jappella minn din id-deċiżjoni – Obbligu ta’ Stat Membru li jiggarantixxi d-dritt għal rimedju ġurizzjarju”

Fil-Kawża C-403/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, Il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura

Soufiane El Hassani

vs

Minister Spraw Zagranicznych,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Arabadjiev, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Mejju 2017,

wara li qieset l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal S. El Hassani, minn J. Bialas, adwokat,

għall-Minister Spraw Zagranicznych, minn K. Pawłowska-Nojszewska u M. Arciszewski, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Kamejsza-Kozłowska u K. Straś, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Stobiecka-Kuik u C. Cattabriga, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (ĠU 2009, L 243, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU L 182, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“kodiċi dwar il-viżi”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Soufiane El Hassani u l-Minister Spraw Zagranicznych (Ministeru għall-Affraijiet Barranin, Il-Polonja) dwar deċiżjoni tal-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (Il-Qorti Amministrattiva tal-Voïvode ta’ Warszawa, Il-Polonja) li biha din tal-aħħar ċaħdet l-appell tiegħu mid-deċiżjoni tal-Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w Rabacie [Konslu tar-Repubblika tal-Polonja fir-Rabat (Il-Marokk)] tas-27 ta’ Jannar 2015, li tirrifjuta l-ħruġ ta’ viża fir-rigward ta’ S. El Hassani.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 29 tal-kodiċi dwar il-viżi tiddikjara:

“Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] tal-Kunsill tal-Ewropa [(iktar ’il quddiem il-KEDB)] u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.”

4

L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorni previsti fihom, li ma jeċċedux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.”

5

L-Artikolu 32(1) u (3) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25(1), viża għandha tinċaħad:

[…]

b)

jekk ikun hemm dubji raġonevoli dwar l-awtentiċità tad-dokumenti ta’ sostenn ippreżentati mill-applikant jew dwar il-veraċità tal-kontenut tagħhom, dwar il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-applikant jew l-intenzjoni tiegħu li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni.

[…]

3.   L-applikanti li tkun inċaħditilhom viża għandu jkollhom id-dritt għall-appell. L-appelli għandhom jitmexxew kontra l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni u skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-applikanti b’informazzjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ ta’ appell, kif speċifikat fl-Anness VI.”

Id-dritt Pollakk

6

L-Artikolu 76(1) tal-ustawa o cudzoziemcach (Liġi dwar Ċittadini Barranin), tat-12 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar Ċittadini Barranin”) jipprovdi:

“Deċiżjoni ta’ rifjut tal-ħruġ ta’ viża Schengen […] tagħti lok għal dritt:

1)

għal talba għal reviżjoni mill-konslu jekk din tkun ittieħdet minn din l-awtorità;

2)

għal appell quddiem il-Komendant Główny Straży Granicznej (direttur ġenerali tal-pulizija tal-fruntiera) jekk din tkun itteħdet mill-Komendant placówki Straży Granicznej (kap tal-post tal-pulizija tal-fruntiera).”

7

L-Artikolu 5 tal-ustawa-Prawo o postępowaniu przed sądami administracyjnymi (Liġi dwar il-Kodiċi tal-Proċedura applikabbli għall-qrati amministrattivi), tat-30 ta’ Awwissu 2002 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura applikabbli għall-qrati amministrattivi”) jiddikjara:

“Il-qrati amministrattivi ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu kawżi marbuta:

[…]

4)

mal-viżi maħruġa mill-konsli, salv għal dawk maħruġa favur ċittadini barranin li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni, ta’ Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li jkun parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [ŻEE], jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-ustawa […] o wjeździe na terytorium Rzeczypospolitej Polskiej, pobycie oraz wyjeździe z tego terytorium obywateli państw członkowskich Unii Europejskiej i członków ich rodzin (Liġi dwar id-dħul fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja, is-soġġorn u l-ħruġ mill-imsemmi territorju ta’ ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u membri tal-familja tagħhom]”.

8

L-Artikolu 58(1) tal-kodiċi tal-proċedura quddiem il-qarti amministrattivi jipprovdi:

“Il-qorti għandha tiċħad l-appell:

1)

meta l-kawża ma tkunx taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti amministrattiva; […]”

9

L-Artikolu 2 tal-liġi dwar id-dħul fit-territorju huwa redatt kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

[…]

3)

ċittadin tal-UE – barrani għandha tfisser:

a)

ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

b)

ċittadin ta’ Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, jew ċittadin ta’ Stat parti fil-Ftehim taż-[ŻEE],

ċ)

ċittadin tal-Konfederazzjoni Svizzera;

4)

membru tal-familja: barrani li ma huwa jew ma huwiex ċittadin tal-UE għandha tfisser:

a)

il-konjuġu ta’ ċittadin tal-Unjoni;

b)

dixxendent dirett ta’ ċittadin tal-UE jew ta’ konjuġu tiegħu li ma jkollux iktar minn wieħed u għoxrin sena jew li huwa taħt il-kustodja tal-imsemmi ċittadin jew tal-konjuġu tiegħu,

ċ)

axxendent dirett li huwa taħt il-kustodja taċ-ċittadin tal-UE jew tal-konjuġu tiegħu”.

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

S. El Hassani ressaq applikazzjoni għal viża ta’ Schengen quddiem il-Konslu tar-Repubblika tal-Polonja fir-Rabat (Il-Marokk), bil-għan li jżur lill-konjuġi tiegħu u lil wild tiegħu, ċittadini Pollakki. Din l-applikazzjoni ġiet irrifjutata minn dan il-konslu b’deċiżjoni tal-5 ta’ Jannar 2015.

11

Kif previst mir-regoli tal-proċedura Pollakki, S. El Hassani ressaq talba għal reviżjoni quddiem l-istess konslu li min-naħa tiegħu, fis-27 ta’ Jannar 2015, reġa’ rrifjuta li jilqa’ t-talba tiegħu, peress li ma kien hemm l-ebda ċertezza li S. El Hassani kellu l-intenzjoni li jitlaq mit-territorju Pollokk meta jiskadi l-perijodu ta’ validità tal-viża tiegħu.

12

Għaldaqstant, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva tal-Voïvode ta’ Warszawa). Essenzjalment, huwa jsostni li r-rifjut tal-ħruġ ta’ viża f’dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 60 tal-liġi dwar ċittadini barranin moqri flimkien mal-Artikolu 8 tal-KEDB. Barra minn hekk, huwa jqis li l-Artikolu 76 tal-liġi dwar ċittadini barranin ma jipprevedix standard ta’ protezzjoni konformi ma’ dak li huwa rikjest mill-Artikolu 13 tal-KEDB.

13

S. El Hassani sostna wkoll li, minkejja li l-konjuġu tiegħu u l-wild tiegħu huma ċittadini Pollakki, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettilux jippreżenta appell quddiem qorti amministrattiva f’każ ta’ rifjut tal-ħruġ ta’ viza, b’differenza mill-konjuġi li jkunu ċiattadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea.

14

Fir-risposta tiegħu tat-30 ta’ Marzu 2015, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin talab iċ-ċaħda tal-appell bħala inammissibbli skont l-Artikolu 5(4) tal-kodiċi tal-proċedura applikabbli għall-qrati amministrattivi, u, sussidjarjament, iċ-ċaħda tal-appell bħala infondat, kif ukoll l-għeluq tal-proċedura.

15

Konsegwentement, S. El Hassani talab lill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva tal-Voïvode ta’ Warszawa) li tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari marbuta mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(3) tal-kodiċi dwar il-viżi, sabiex tiddetermina jekk din id-dispożizzjoni tinkludix ukoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ viża.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2015, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva tal-Voïvode ta’ Warszawa) ċaħdet ir-rikors abbażi tal-Artikolu 5(4) tal-kodiċi tal-proċedura applikabbli għall-qrati amministrativi, billi qieset li r-rikorsi minn deċiżjoni ta’ rifjut ta’ ħruġ ta’ viża ta’ Schengen mill-konslu ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti amministrattiva. Barra minn hekk din il-qorti rrifjutat li tippreżenta talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

17

Fit-28 ta’ April 2016, S. El Hassani ppreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, Il-Polonja), li fih sostna essenzjalment li, bħala ċittadin ta’ Stat terz, li ma huwiex membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni fis-sens tal-liġi dwar id-dħul fit-territorju, huwa ġie mċaħħad mid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem qorti nazzjonali, fatt li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 13 KEDB kif ukoll tal-Artikolu 32(3) tal-kodiċi tal-viżi, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jiggarantixxu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti.

18

Skont il-qorti tar-rinviju, fid-dritt Pollakk, il-possibbiltà ta’ appell quddiem qorti amministrattiva kontra deċiżjoni dwar applikazzjoni għal viża tiddependi kemm fuq l-awtorità li adottat id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fuq l-istatus tal-persuna li tippreżenta l-appell.

19

Fil-fatt, għalkemm id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali li jirrifjutaw il-ħruġ ta’ viża li jiġu adottati mill-kap tal-post tal-pulizija tal-fruntiera, jew mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, jew ir-rifjut ta’ estensjoni ta’ viża adottata mill-voïvode (il-Polonja), jistgħu jiġu appellati quddiem il-qorti amministrattiva, dan mhux dejjem jgħodd għad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ħruġ ta’ viża, inkluż ta’ viża ta’ Schengen, adottata mill-konslu. Ċittadin ta’ Stat terz jista’ jappella minn tali deċiżjoni quddiem qorti amministrattiva biss jekk dan ikun membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni, ta’ Stat membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles li jkun parti fiż-ŻEE, jew tal-Konfederazzjoni Svizzera fis-sens tal-Artikolu 2(4) tal-liġi dwar id-dħul fit-territorju. Ċittadin ieħor ta’ stat terz jibbenefika biss minn rimedju amministrattiv wieħed, ossia talba għal reviżjoni mill-istess awtorità, skont il-punt 1 tal-Artikolu 76(1) tal-liġi dwar iċ-ċittadini barranin.

20

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati amministrattivi fuq kawżi marbuta mal-viżi maħruġa mill-konsli, kif previst fl-Artikolu 5(4) tal-kodiċi tal-proċedura applikabbli għall-qrati amministrattivi, tista’ tikser l-Artikolu 32(3) tal-kodiċi dwar il-viżi, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 32(2) ta[l-]Kodiċi dwar il-Viżi […], fid-dawl tal-premessa 29 [ta’ dan i]l-Kodiċi […] u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta […], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu rimedju effettiv (appell) quddiem organu ġudizzjarju?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 32(3) tal-kodiċi tal-viżi, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu għal rimedju ġudizzjarju.

23

Hemm lok li jitfakkar li, skont il-kliem tal-Artikolu 32(3) tal-kodiċi dwar il-viżi, l-applikanti li jkunu ngħataw deċiżjoni ta’ rifjut ta’ viża jistgħu jippreżentaw “appell” minn din id-deċiżjoni, liema appell għandu jsir kontra l-Istat Membru li jkun adotta d-deċiżjoni finali fuq l-applikazzjoni, “skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru”.

24

Minn dan jirriżulta li, f’każ ta’ deċiżjoni definittiva ta’ rifjut ta’ viża, din id-dispożizzjoni tipprevedi espressament favur l-applikanti għal viżi, il-possibbiltà li jappellaw minnha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jkun adotta d-deċiżjoni.

25

B’hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla lill-Istati Membri jiddeċiedu dwar in-natura u l-modalitajiet konkreti tar-rimedji li għandhom l-applikanti għal viżi.

26

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet tal-proċedura tal-kawżi maħsuba sabiex tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet tal-persuni suġġetti għal-liġi, skont il-prinċipju tal-awtonomija tal-proċedura, dment, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ikkonferiti mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Aquino, C-3/16, EU:C:2017:209, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Minn dan jirriżulta li żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza u tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu ssodisfatti sabiex Stat Membru jkun jista’ jinvoka l-prinċipju ta’ awtonomija tal-proċedura f’sitwazzjonijiet li huma rregolati mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Aquino, C-3/16, EU:C:2017:209, punt 49).

28

Dawn ir-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jesprimu l-obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-persuni suġġetti għal-liġi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Dawn jgħoddu kemm fil-livell tad-deżinjazzjoni tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni jieħdu konjizzjoni ta’ azzjonijiet ibbażati fuq dan id-dritt kif ukoll fir-rigward tad-definizzjoni tal-modalitajiet tal-proċedura (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C-317/08 sa C-320/08, EU:C:2010:146, punt 49).

29

Minn naħa, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan jeħtieġ li r-regoli kollha applikabbli għar-rikorsi japplikaw mingħajr distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk, simili, ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Aquino, C-3/16, EU:C:2017:209, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, regola ta’ proċedura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandhiex tkun ta’ natura li tirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Aquino, C-3/16, EU:C:2017:209, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika qorti li għandha ġurisdizzjoni tinterpreta d-dritt nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk u sa liema punt, is-sistema ta’ reviżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

32

F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi dwar il-viżi għandha ssir, kif jirriżulta mill-premessa 29 ta’ dan il-kodiċi, b’osservanza tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta.

33

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi sabiex jiġu applikati f’kull sitwazzjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni, imma ma jistgħux jiġu applikati barra dawn is-sitwazzjonijiet. Huwa minħabba f’hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diġà li hija ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tifformax parti mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, ladarba tali leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan id-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’domanda preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali, li hija tiżgura r-rispett tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata)

34

Issa, fil-kawża odjerna, huwa stabbilit li r-rifjut tal-viża mitluba mir-rikorrent fil-kawża principali, liema rifjut ġie kkomunikati lilu permezz tal-formularju standardizzat inkluż fl-Anness VI tal-kodiċi dwar il-viżi, kien fondat fuq waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 32(1) ta’ dan il-kodiċi.

35

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kodiċi dwar il-viżi jirregola l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ, ta’ annullament jew ta’ tħassir ta’ viżi uniformi u li, konsegwentement, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma setgħux jirrifjutaw il-ħruġ ta’ viża uniformi billi jibbażaw ruħhom fuq raġuni li ma hijiex prevista mill-kodiċi dwar il-viżi (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki, C-84/12, EU:C:2013:862, punti 4751).

36

Għalkemm huwa minnu li l-awtoritajiet nazzjonali jibbenefikaw, fl-eżami tagħhom tal-applikazzjonijiet għal viża, minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut previsti mill-kodiċi dwar il-viżi u tal-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti, xorta jibqa’ l-fatt li tali marġni diskrezzjonali bl-ebda mod ma tinċidi fuq il-fatt li dawn l-awtoritajiet japplikaw direttament dispożizzjoni dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

37

Minn dan jirriżulta li l-Karta hija applikabbli meta Stat Membru jadotta deċiżjoni ta’ rifjut ta’ ħruġ ta’ viża skont l-Artikolu 32(1) tal-kodiċi tal-viżi.

38

Barra minn hekk, l-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jeżiġi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li kull persuna li tkun ġarrbet ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Tall, C-239/14, EU:C:2015:824, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt li l-kawża tagħha tinstema’ quddiem qorti indipendenti u imparzjali. L-osservanza ta’ dan id-dritt jippreżumi li d-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li ma tkunx tissodisfa hija nfisha l-kundizzjonijiet ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità hija suġġetta għall-istħarriġ ulterjuri ta’ organu ġudizzjarju li, b’mod partikolari, għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex jindirizza l-kwistjonijiet kollha rilevanti (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C-682/15, EU:C:2017:373, punt 55).

40

Il-kunċett ta’ indipendenza, li huwa inerenti mal-inkarigu li tingħata deċiżjoni, jimplika qabelxejn li l-istanza kkonċernata jkollha l-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni suġġetta għal rikors (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C-506/04, EU:C:2006:587, punt 49)

41

Minn dan jirriżulta, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 119 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Artikolu 47 tal-Karta jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu, f’ċertu stadju tal-proċedura, il-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ kawża quddiem qorti marbuta ma’ deċiżjoni definittiva ta’ rifjut.

42

Fid-dawl tal-premessi preċedenti hemm lok li tingħata risposta għad-domanda li l-Artikolu 32(3) tal-kodiċi dwar il-viżi, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu għal proċedura ta’ appell mid-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ viżi, li l-modalitajiet tagħha għandhom jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Din il-proċedura għandha tiggaranixxi, f’ċertu stadju tal-proċedura, rimedju ġudizzjarju.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 32(3) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu għal proċedura ta’ appell mid-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ viżi, li l-modalitajiet tagħha għandhom jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Din il-proċedura għandha tiggaranixxi, f’ċertu stadju tal-proċedura, rimedju ġudizzjarju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.