Kawża C‑390/16

Proċeduri kriminali

kontra

Dániel Bertold Lada

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Szombathelyi Törvényszék)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI – Teħid inkunsiderazzjoni, fl-okkażjoni ta’ proċedura kriminali ġdida, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna ppronunzjata preċedentement fi Stat Membru ieħor – Proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ta’ kundanna kriminali mogħtija fi Stat Membru ieħor – Reviżjoni u tiġdid legali tad-deċiżjoni preċedenti – Prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku – Artikolu 82(1) TFUE”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Lulju 2018

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ kundanna bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni ta’ proċedura kriminali ġdida – Deċiżjoni Qafas 2008/675 – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ kundanna preċedenti ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor suġġett għall-implementazzjoni ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent minn qabel ta’ din id-deċiżjoni – Inammissibbiltà

(Artikolu 82 TFUE; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675)

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI tal-24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 82 TFUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li t-teħid inkunsiderazzjoni fi Stat Membru, fl-okkażjoni ta’ proċedura kriminali ġdida mibdija kontra persuna, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna kriminali definittiva mogħtija preċedentement minn qorti ta’ Stat Membru ieħor kontra l-istess persuna għal fatti differenti, ikun suġġett għal proċedura speċjali ta’ rikonoxximent minn qabel, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-qrati ta’ dan l-ewwel Stat Membru.

B’mod partikolari, din id-deċiżjoni qafas, kif tistipula l-premessa 2 tagħha, hija intiża sabiex timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam kriminali, stabbilit fl-Artikolu 82(1) TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 31 TUE li fuq il-bażi tiegħu ġiet adottata din id-deċiżjoni qafas. Dan il-prinċipju jipprekludi li t-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-imsemmija deċiżjoni qafas, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija qabel fi Stat Membru ieħor ikun suġġett għall-implimentazzjoni ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent minn qabel u li din id-deċiżjoni tkun, fuq din il-bażi, suġġetta għal eżami mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov, C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Huwa għalhekk li l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jistabbilixxi espressament eżami mill-ġdid bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’hekk id-deċiżjonijiet ta’ kundanna mogħtija preċedentement fl-Istati Membri l-oħra għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni hekk kif ikunu ġew ippronunzjati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov, C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 37).

Madankollu, għalkemm id-Deċiżjoni Qafas 2008/675 tipprekludi eżami mill-ġdid, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jista’ jwassal għal kwalifika mill-ġdid tar-reat kriminali u għal modifika tal-piena mogħtija fi Stat Membru ieħor, għandu jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni qafas ma tipprekludix li dan l-Istat Membru fejn isseħħ il-proċedura kriminali l-ġdida jista’ jispeċifika l-modalitajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kundanni preċedenti mogħtija f’dan l-Istat Membru ieħor, fejn tali spjegazzjoni jkollha l-uniku għan li jiġi ddeterminat jekk huwiex possibbli li jintrabtu ma’ dawn il-kundanni effetti legali ekwivalenti għal dawk attribwiti għall-kundanni nazzjonali preċedenti b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali.

(ara l-punti 38-40, 48 u d-dispożittiv)