Kawża C‑384/16 P

European Union Copper Task Force

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) 2015/408 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u stabbiliment ta’ lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni – Inklużjoni tas-sustanza attiva ‘komposti tar-ram’ f’din il-lista – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni – Persuna kkonċernata individwalment”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑13 ta’ Marzu 2018

  1. Rikors għal annullament–Persuni fiżiċi jew ġuridiċi–Atti regolatorji li jinvolvu miżuri ta’ implementazzjoni–Kunċett–Kriterji ta’ evalwazzjoni

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

  2. Rikors għal annullament–Persuni fiżiċi jew ġuridiċi–Atti regolatorji li jinvolvu miżuri ta’ implementazzjoni–Kunċett–Regolament tal-Kummissjoni li jidentifika sustanza attiva bħala kandidata għas-sostituzzjoni skont ir-Regolament Nru 1107/2009–Inklużjoni

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009, Artikoli 20(1) u 24(2); Regolament tal-Kummissjoni 2015/408)

  3. Rikors għal annullament–Persuni fiżiċi jew ġuridiċi–Atti regolatorji li jinvolvu miżuri ta’ implementazzjoni–Kunċett–Neċessità għall-miżuri ta’ implementazzjoni li jkollhom bħala bażi legali l-att regolatorju inkwistjoni–Assenza

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

  4. Rikors għal annullament–Persuni fiżiċi jew ġuridiċi–Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment–Rikors ta’ assoċjazzjoni professjonali li tħares u tirrappreżenta l-membri tagħha–Ammissibbiltà–Kundizzjonijiet

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

  5. Rikors għal annullament–Persuni fiżiċi jew ġuridiċi–Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment–Regolament tal-Kummissjoni li jidentifika sustanza attiva bħala kandidata għas-sostituzzjoni skont ir-Regolament Nru 1107/2009–Rikors ta’ assoċjazzjoni ta’ produtturi tas-sustanza inkwistjoni–Assenza ta’ inċidenza individwali–Inammissibbiltà

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009, Artikolu 80(7), u Anness II, punt 4; Regolament tal-Kummissjoni 2015/408, it-tieni premessa u l-Artikolu 1; Direttiva tal-Kunsill 91/414, Anness I)

  6. Drittijiet Fundamentali–Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva–Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-Unjoni–Modalitajiet–Protezzjoni ta’ dan id-dritt mill-qorti tal-Unjoni jew mill-qrati nazzjonali skont in-natura legali tal-att ikkontestat–Possibbiltà li jintuża r-rikors għal annullament jew ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità

    (Artikolu 19(1) TUE; ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-Artikolu 267 TFUE u l-Artikolu 277 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 51(1))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 35 sa 40)

  2.  Il-fatt li att regolatorju tal-Unjoni jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li ċerti effetti legali tal-imsemmi regolament jimmaterjalizzaw biss permezz ta’ dawn il-miżuri, ma jeskludix li dan ir-regolament jipproduċi, fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, effetti legali oħra, li ma jkunux jiddependu mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni.

    L-effetti legali tar-Regolament 2015/408, dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 80(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jistabbilixxi lista ta’ kandidati għas-sostituzzjoni, relatati mal-perijodu ta’ validità tat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-komposti tar-ram ser jimmaterjalizzaw, fil-konfront ta’ importatur tal-komposti tar-ram, biss permezz ta’ miżuri ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1107/2009, b’mod partikolari mill-Artikolu 24(2) tiegħu, jirriżulta li l-klassifikazzjoni tal-komposti tar-ram bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni, mir-regolament kontenzjuż, hija bla ħsara għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ din is-sustanza. Issa, din il-proċedura timplika, l-istess bħall-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva li ma hijiex inkluża fil-lista annessa mar-Regolament 2015/408, l-adozzjoni ta’ regolament mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1107/2009.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, regolament tal-Kummissjoni li jġedded l-approvazzjoni ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, bħall-komposti tar-ram, jikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni tar-Regolament 2015/408, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Bl-istess mod, l-effetti tal-imsemmi regolament relatati mat-twettiq, mill-Istati Membri, ta’ evalwazzjoni komparattiva tar-riskji għas-saħħa jew għall-ambjent tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-komposti tar-ram meta mqabbla ma’ prodott ta’ sostituzzjoni jew metodu mhux kimiku ta’ prevenzjoni jew ta’ kontroll kontra l-organiżmi ta’ ħsara ser iseħħu fil-konfront ta’ importatur tal-komposti tar-ram biss permezz ta’ atti adottati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tali atti jikkostitwixxu, għaldaqstant, miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    (ara l-punti 45, 50, 51, 54, 59)

  3.  Il-formulazzjoni tal-aħħar frażi tar-raba’ paragafu tal-Artikolu 263 TFUE ma tirrikjedix, sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala miżura ta’ implementazzjoni ta’ att regolatorju, li dan l-att jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ din il-miżura. L-istess miżura tista’ tkun miżura ta’ implementazzjoni kemm tal-att li d-dispożizzjonijiet tiegħu jikkostitwixxu l-bażi legali ta’ din tal-aħħar kif ukoll ta’ att separat meta l-effetti legali kollha jew parti minnhom ta’ dan l-att tal-aħħar ser jimmaterjalizzaw, fil-konfront tal-appellanti, biss permezz ta’ din il-miżura.

    (ara l-punt 65)

  4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 87, 88, 91)

  5.  Il-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ħlief jekk din id-deċiżjoni tkun taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak li bih jiġi individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni. F’dan ir-rigward, il-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit iktar jew inqas preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-individwi li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma timplika li dawn l-individwi għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura, sakemm din l-applikazzjoni ssir bis-saħħa ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni.

    Għal dak li jirrigwarda rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni ta’ produtturi tal-komposti tar-ram kontra r-Regolament 2015/408, dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 80(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jistabbilixxi lista ta’ kandidati għas-sostituzzjoni, il-membri tal-appellanti huma kkonċernati mir-regolament kontenzjuż biss minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom bħala produtturi ta’ komposti tar-ram, l-istess bħal kull operatur ekonomiku ieħor li jinsab, attwalment jew potenzjalment, f’sitwazzjoni identika, u għalhekk ma humiex ikkonċernati individwalment mir-regolament kontenzjuż. F’dan ir-rigward, fl-adozzjoni tar-Regolament 2015/408, l-inklużjoni tal-komposti tar-ram fil-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni ġiet deċiża mhux billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kwalitajiet partikolari tal-membri tal-appellanti, iżda għar-raġuni li din is-sustanza kienet tissodisfa l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex titqies bħala sustanza persistenti u tossika, fis-sens tal-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1107/2009.

    (ara l-punti 93, 94, 97, 101)

  6.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 111 sa 117, 119)