Kawża C-382/16
Hornbach-Baumarkt-AG
vs
Finanzamt Landau
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Rheinland-Pfalz)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Taxxa fuq il-kumpanniji – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru – Determinazzjoni tad-dħul taxxabbli tal-kumpanniji – Vantaġġ mogħti ex gratia minn kumpannija residenti lil kumpannija mhux residenti li magħha hija marbuta permezz ta’ rabta ta’ interdipendenza – Korrezzjoni tad-dħul taxxabbli tal-kumpannija residenti – Assenza ta’ korrezzjoni tad-dħul taxxabbli fil-każ ta’ vantaġġ identiku mogħti minn kumpannija residenti lil kumpannija residenti oħra li magħha hija marbuta b’tali rabtiet – Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment – Ġustifikazzjoni”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal‑31 ta’ Mejju 2018
Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Determinazzjoni tad-dħul taxxabbli – Vantaġġi anormali jew favorevoli bejn kumpanniji li jkollhom rabtiet ta’ interdipendenza – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tassazzjoni, għal kumpannija residenti, biss tal-vantaġġi permessi minnha lil kumpannija mhux residenti – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-produzzjoni tal-provi tar-raġunijiet kummerċjali li huma l-bażi tal-imsemmija vantaġġi – Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali
(Artikoli 43 KE u 48 KE (li saru l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE))
L-Artikolu 43 KE (li sar l-Artikolu 49 TFUE), moqri flimkien mal-Artikolu 48 KE (li sar l-Artikolu 54 TFUE), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha d-dħul ta’ kumpannija residenti ta’ Stat Membru, li ppermetta li kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, li magħha għandha rabtiet ta’ interdipendenza, tgawdi minn vantaġġi taħt kundizzjonijiet li ma humiex l-istess bħal dawk li kienu jiftiehmu, f’ċirkustanzi identiċi jew simili, terzi persuni indipendenti bejniethom, għandu jiġi kkalkolat bħallikieku kellhom ikunu applikabbli l-kundizzjonijiet li jkunu ftiehmu dawn it-terzi u għandu jkun suġġett għal korrezzjoni, filwaqt li ma ssirx tali korrezzjoni tad-dħul taxxabbli meta dawn l-istess vantaġġi jkunu ngħataw minn kumpannija residenti lil kumpannija residenti oħra, li magħha jkollha rabtiet ta’ interdipendenza. Madankollu hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħtix il-possibbiltà lill-persuna taxxabbli residenti li tipprova li l-kundizzjonijiet miftiehma rriżultaw għal raġunijiet kummerċjali dovuti għall-pożizzjoni tagħha ta’ sħubija mal-kumpannija mhux residenti.
(ara l-punt 59 u d-dispożittiv)