SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

23 ta’ Novembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 16 – Trade marks bħala oġġetti ta’ proprjetà – Meta trade marks tal-Unjoni Ewropea għandhom jitqiesu bħala trade marks nazzjonali – Artikolu 18 – Trasferiment ta’ trade mark irreġistrata f’isem aġent jew tar-rappreżentant tal-proprjetarju tat-trade mark – Dispożizzjoni nazzjonali li tagħti l-possibbiltà li titressaq azzjoni rivendikatorja fir-rigward tal-proprjetà ta’ trade mark nazzjonali rreġistrata peress li tikkawża preġudizzju lid-drittijiet tal-proprjetarju jew bi ksur ta’ obbligu legali jew kuntrattwali – Kompatibbiltà mar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża C‑381/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura

Salvador Benjumea Bravo de Laguna

vs

Esteban Torras Ferrazzuolo,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn E. Levits, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Torras Ferrazzuolo, minn S. Díaz Pardeiro, procuradora, u J. A. López Martínez, avukat,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Sampol Pucurull, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 16 u 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Salvador Benjumea Bravo de Laguna u Esteban Torras Ferrazzuolo, dwar il-proprjetà ta’ trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea rreġistrata f’isem ta’ dan tal-ewwel.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 207/2009 hija fformulata kif ġej:

“Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] l-Istati Membri għandhom jinnominaw, wara li jikkunsidraw is-sistema nazzjonali tagħhom, numru kemm jista’ jkun limitat ta’ qrati nazzjonali tal-ewwel u tat-tieni istanza li jkollhom ġurisdizzjoni fir-rigward tal-vjolazzjoni u tal-validità tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea].”

4

Skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament intitolat “Meta trade marks [tal-Unjoni Ewropea] għandhom jitqiesu bħala trademarks nazzjonali”:

“1   Sakemm l-Artikoli 17 sa 24 ma jipprovdux mod ieħor, trade mark [tal-Unjoni Ewropea] bħala oġġett ta’ proprjetà għandha titqies fit-totalità tagħha, u fit-territorju kollu tal-[Unjoni], bħala trade mark nazzjonali reġistrata fl-Istat Membru fejn, skont ir-Reġistru tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea]:

a)

il-proprjetarju għandu s-sede jew id-domiċilju tiegħu fid-data relevanti;

b)

fejn is-subparagrafu (a) ma japplikax, il-proprjetarju għandu stabbiliment fid-data relevanti.

2.   F’każijiet mhux kontemplati mill-paragrafu 1, l-Istat Membru msemmi f’dak il-paragrafu huwa l-Istat Membru fejn jinsab is-sede tal-Uffiċċju [tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)].

3.   Jekk żewġ persuni jew iktar huma msemmijin fir-Reġistru tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] bħala koproprjetarji, il-paragrafu 1 għandu japplika għall-koproprjetarju li jkun imsemmi l-ewwel; jekk dana ma jkunx possibli, għandu japplika għall-koproprjetarji sussegwenti fl-ordni kif inhuma mniżżlin. Meta l-paragrafu 1 ma japplika għal ebda koproprjetarju, għandu japplika l-paragrafu 2.”

5

L-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, intitolat “It-trasferiment ta’ trade mark reġistrata f’isem aġent” jipprevedi:

“Meta trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tkun reġistrata f’isem aġent jew rappreżentant ta’ persuna li tkun il-proprjetarju ta’ dik it-trade mark, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju, dan tal-aħħar huwa intitolat li jitlob iċ-ċessjoni tal-imsemmija reġistrazzjoni favurih, sakemm l-aġent jew ir-rappreżentant ma jiġġustifikax l-azzjoni tiegħu.”

6

L-Artikolu 95(1) tal-istess regolament jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jinnominaw fit-territorji tagħhom numru kemm jista’ jkun limitat ta’ qrati u tribunali nazzjonali ta’ l-ewwel u tat-tieni istanza, hawnhekk iżjed il quddiem msejjħa “Il-qrati tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea]”, li għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament.”

7

Skont l-Artikolu 105(3) tar-Regolament Nru 207/2009:

“Ir-regoli nazzjonali li jirrigwardaw appell ulterjuri għandhom ikunu applikabbli fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tal-qrati tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] tat-tieni istanza.”

Id-dritt Spanjol

8

L-Artikolu 2(2) tal-Ley de Marcas 17/2001, (Liġi 17/2001 dwar it-trade marks) tas-7 ta’ Diċembru 2001 (BOE Nru 294, tat-8 ta’ Diċembru 2001, iktar ’il quddiem il-“Liġi 17/2001 dwar it-trade marks”) jipprevedi:

“Meta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tkun saret applikazzjoni għaliha tikkawża preġudizzju għad-drittijiet ta’ parti terza jew tikser obbligu legali jew kuntrattwali, il-persuna aggravata tista’ tirrivendika l-proprjetà tal-marka fil-qrati, jekk teżerċita l-azzjoni rivendikatorja meħtieġa qabel id-data tar-reġistrazzjoni jew fi żmien ħames snin mill-pubblikazzjoni ta ‘dik ir-reġistrazzjoni jew il-mument meta t-trade mark irreġistrata tkun bdiet tintuża skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 39. Meta tkun tressqet l-azzjoni rivendikatorja, il-qorti għandha tinnotifika lill-uffiċċju Spanjol tal-privattivi u tat-trade marks għal annotazzjoni fir-reġistru tat-trade marks u, jekk meħtieġ, tordna s-sospensjoni tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Fl-24 ta’ Jannar 2011, Benjumea Bravo de Laguna ppreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.

10

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image

11

Fid-29 ta’ Awwissu 2011, il-EUIPO rreġsitrat l-imsemmi sinjal, f’isem Benjumea Bravo de Laguna, bħala trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea, bin-numru 9679093.

12

Billi kkunsidra li kien il-proprjetarju leġittimu tagħha, Torras Ferrazzuolo ressaq quddiem il-Juzgado de lo Mercantil Alicante (qorti kummerċjali ta’ Alicante, Spanja), b’mod partikolari, azzjoni rivendikatorja tal-proprjetà ta’ dik it-trade mark ibbażata fuq l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 207/2009, kif ukoll fuq l-Artikolu 2(2) tal-Liġi 17/2001 dwar it-trade marks.

13

L-imsemmija qorti ċaħdet din l-azzjoni minħabba, minn naħa waħda, li hija biss is-sistema prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 207/2009 li hija applikabbli għat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, bl-esklużjoni tas-sistema ġenerali msemmija fl-Artikolu 2(2) tal-Liġi 17/2001 dwar it-trdae marks u, li l-kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 207/2009 ma ġewx issodisfatti.

14

Adita b’appell, l-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante, Spanja) iddeċidiet li, sa fejn is-sistema ta’ rivendikazzjoni prevista fl-Artikolu 18 tar-regolament Nru 207/2009 kienet tirrgwarda biss l-aġent jew ir-rappreżentant żleali, f’dan il-każ, għandhom japplikaw, ir-regoli dwar l-azzjoni rivendikatorja ta’ trade mark previsti fl-Artikolu 2 tal-Liġi 17/2001 dwar it-trade marks.

15

Abbażi tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 207/2009, l-imsemmija qorti fil-fatt ikkunsidrat li, lil hinn mir-regoli uniformi li jipprevedi l-imsemmi regolament, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, bħala oġġett ta’ proprjetà, hija kkunsidrata fit-totalità tagħha u għat-territorju kollu tal-Unjoni bħala trade mark nazzjonali rreġistrata fl-Istat Membru li fih il-proprjetarju jkollu s-sede tiegħu jew id-domiċilju tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ dawn, ta’ stabbiliment.

16

Inkunsiderazzjoni, barra minn hekk, li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tintlaqa’ l-azzjoni rivendikatorja kienu sodisfatti f’dan il-każ, l-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante, Spanja) iddikjarat li Torras Ferrazzuolo kien il-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

17

Quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja), Benjumea Bravo de Laguna sostna li l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma jipprevedix il-possibbiltà, għal persuna, li jirrivendika l-proprjetà ta’ trade mark biss meta ssir ir-reġistrazzjoni tagħha f’isem l-aġent ta’ din il-persuna mingħajr awtorizzazzjoni tagħha. Fin-nuqqas ta’ dan, l-eżerċizzju ta’ azzjoni rivendikatorja ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ma tkunx possibbli.

18

Bil-maqlub, Torras Ferrazzuolo sostna li r-Regolament Nru 207/2009 jippermetti l-applikazzjoni suppletiva tal-liġi nazzjonali, b’tali mod li jkun possibbli li l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, skont id-dispożizzjonijeit tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, tkun tista’ titwettaq azzjoni rivendikatorja f’każijiet oħra barra dawk previsti fl-imsemmi artikolu.

19

Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“It-talba għal trade mark Komunitarja għal raġunijiet differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 18 tar-[Regolament Nru 207/2009], hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u speċifikament mal-[Regolament Nru 207/2009], […], u b’mod partikolari, hija konformi mad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) tal-[liġi 17/2001 dwar it-trade marks]?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

20

Torras Ferrazzuolo jsostni, b’mod preliminari, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li t-Tribunal Supremo (qorti suprema) ma għandhiex kompetenza li tressaqha.

21

Huwa jibbaża ruħu f’dan ir-rigward fuq l-artikolu 95(1) tar-Regolament Nru 207/2009, skont liema l-Istati Membri “għandhom jinnominaw fit-territorji tagħhom numru kemm jista’ jkun limitat ta’ qrati u tribunali nazzjonali tal-ewwel u tat-tieni istanza, […] msejjħa “Il-qrati tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea]”, li għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament”, isostni li t-Tribunal Supremo (qorti suprema) ma hijiex kompetenti sabiex tinterpreta l-imsemmi regolament.

22

Huwa jsostni, barra minn hekk, li sa fejn it-talba għal deċiżjoni preliminari ma ġietx ifformulata la fl-ewwel istanza u lanqas fit-tieni istanza, hija tittratta kwistjoni ġdida li ma tistax tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ appell tal-kassazzjoni.

23

Madankollu, argument bħal dan ma jistax jintlaqa’.

24

Minn naħa waħda, mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta fil-fatt li l-Artikolu 95(1) ta’ dan ir-regolament huwa intiż sabiex isaħħaħ il-protezzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea billi jimponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu qrati tal-ewwel u tat-tieni istanza li għandhom ġurisdizzjoni fil-qasam tal-vjolazzjoni u l-validità ta’ dawn it-trade marks.

25

Moqri fid-dawl tal-Artikolu 105(3) tr-Regolament Nru 207/2009, skont liema “[i]r-regoli nazzjonali li jirrigwardaw appell ulterjuri għandhom ikunu applikabbli fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tal-qrati tat-trademarks [tal-Unjoni Ewropea] tat-tieni istanza”, l-Artikolu 95(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistax madankollu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati ta’ kasazzjoni tal-Istati Membri jkunu mċaħħda mid-dritt li jinterpretaw dan ir-regolament fil-kuntest tal-kawżi pendenti quddiemhom.

26

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni ta’ rinviju ttieħdet konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarja (is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Genentech, C-567/14, EU:C:2016:526, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jaqtgħu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jikkunsidraw li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom. Barra minn hekk il-qrati nazzjonali huma liberi li jeżerċitaw din id-diskrezzjoni f’kull stadju tal-proċedura li huma jikkunsidraw xieraq (is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C-614/14, EU:C:2016:514, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, il-qrati nazzjonali li kontra d-deċiżjonijiet tagħhom ma jkun jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern, għandhom l-obbligu li jressqu kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta tqum quddiemha kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C-160/14, EU:C:2015:565, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

31

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni, fir-rigward ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, ta’ dispożizzjoni nazzjonali skont liema persuna aggravata, mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li saret applikazzjoni għaliha peress li tikkawża preġudizzju għad-drittijiet tagħha jew billi tikser obbligu legali jew kuntrattwali, għandha dritt li tirrivendika l-proprjetà tal-imsemmija trade mark.

32

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi li “Sakemm l-Artikoli 17 sa 24 ma jipprovdux mod ieħor, trademark tal-[Unjoni Ewropea] bħala oġġett ta’ proprjetà għandha tiġi trattata fit-totalità tagħha, u għaż-żona kollha tal-Unjoni, bħala trademark nazzjonali rreġistrata fl-Istat Membru fejn, skont ir-Reġistru [tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] il-proprjetarju għandu s-sede jew id-domiċilju [jew] fin-nuqqas għandu stabbiliment […]”.

33

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament jagħti lill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea d-dritt li jitlob it-trasferiment tar-reġistrazzjoni ta’ din trade mark għall-benefiċċju tiegħu jekk ikun ġie rreġistrat f’isem l-aġent tiegħu jew ta’ rappreżentant tiegħu u mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu.

34

Minn dan isegwi li l-azzjoni rivendikatorja ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata f’isem aġent jew rappreżentant tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ din tal-aħħar hija rregolata esklussivament permezz tar-Regolament Nru 207/2009.

35

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament ma jirregolax l-azzjoni rivendikatorja tal-proprjetà ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea f’każijiet oħra barra dawk ta’ trade mark irreġistrata f’isem aġent jew rappreżentant tal-proprjetarju ta’ dik it-trade mark mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ dan.

36

Għaldaqstant, konformement ma’ dak previst fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea bħala oġġett ta’ proprjetà għandha, lil hinn mill-każ previst fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, għandha tiġi kkunsidrata bħala trade mark nazzjonali rreġistrata fl-Istat Membru ddeterminat skont il-kriterji msemmija fl-imsemmi Artikolu 16.

37

Għalhekk, sakemm jirrigwarda sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 207/2009, hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru li tapplika għall-azzjonijiet rivendikatorji tal-proprjetà ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 16 u 18 tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-applikazzjoni, fir-rigward ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, ta’ dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema persuna aggravata, mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li għaliha saret applikazzjoni peress li tikkawża preġudizzju għad-drittijiet tagħha jew tikser obbligu legali jew kuntrattwali, għandha dritt tirrivendika l-proprjetà tal-imsemmija trade mark, sakemm is-sitwazzjoni kkonċernata ma taqax f’dawk koperti mill-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

l-Artikoli 16 u 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 [dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea], għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-applikazzjoni, fir-rigward ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, ta’ dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema persuna aggravata, mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li għaliha saret applikazzjoni peress li tikkawża preġudizzju għad-drittijiet tagħha jew tikser obbligu legali jew kuntrattwali, għandha dritt tirrivendika l-proprjetà tal-imsemmija trade mark, sakemm is-sitwazzjoni kkonċernata ma taqax f’dawk koperti mill-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.