SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
13 ta’ Lulju 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Artikoli 1, 2 u 6 – Ugwaljanza fit-trattament – Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess – Pensjoni tal-irtirar ta’ impriża – Direttiva 97/81/KE – Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time – Klawżola 4(1) u (2) – Modalitajiet għall-kalkolu tad-drittijiet kweżiti għall-pensjoni – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru – Trattament differenti tal-ħaddiema part-time”
Fil-Kawża C-354/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Arbeitsgericht Verden (tribunal industrijali ta’ Verden, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura
Ute Kleinsteuber
vs
Mars GmbH
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), C.G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal U. Kleinsteuber, minn T. Ameis, avukat, |
|
– |
għal Mars GmbH, minn W. Ahrens, avukat, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Lippstreu u T. Henze, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero kif ukoll minn C. Hödlmayr, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4(1) u (2) tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278) kif ukoll tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23) u tal-Artikoli 1 u 2 kif ukoll tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79). |
|
2 |
It-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ute Kleinsteuber u Mars GmbH fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża miksuba bħala ħaddiema part-time li telqet mill-impriża qabel ma seħħ l-avenniment li jagħti dritt għall-għoti tal-benefiċċju. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-klawżola 4(1) sa (4) tal-Ftehim Qafas hija fformulata kif ġej: “Il-Klawżola 4: Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni
|
|
4 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tad-din id-direttiva, dwar il-kunċett ta’ diskriminazzjoni, jipprevedi: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
|
|
6 |
L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, huwa fformulat kif ġej: “1. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji. […]” |
|
7 |
L-Artikolu 4, li jinsab fil-Kapitolu 1, intitolat “Paga ugwali”, tat-Titolu II tad-Direttiva 2006/54, jipprevedi: “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni Għandha tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq il-bażi ta’sess fir-rigward ta’ l-aspetti u l-kondizzjonjiet kollha ta’ rimunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol li jitqies li għandu valur ugwali. […]” |
Id-dritt Ġermaniż
|
8 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tal-Gesetz zur Verbesserung der betrieblichen Altersversorgung (Betriebsrentengesetz) (liġi dwar it-titjib tal-iskemi ta’ pensjonijiet tal-irtirar ta’ impriża, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar” hija fformulata kif ġej: “Artikolu 2 - Ammont tad-dritt kweżit Meta jseħħ l-avveniment li jagħti lok għal dritt għall-pensjoni minħabba li tkun intlaħqet l-età tal-irtirar, invalidità jew mewt, ħaddiem li jkun irtira qabel iż-żmien u li jkun intitolat għad-drittijiet taħt l-Artikolu 1b) ta’ din il-liġi u l-aventi kawża tiegħu jgawdu minn dritt li huwa mill-inqas ekwivalenti għall-parti mill-benefiċċju li minnu huma kienu jibbenefikaw fl-assenza ta’ rtirar qabel iż-żmien, li jikkorrispondi għar-relazzjoni bejn l-anzjanità u t-tul tal-perijodu inkluż bejn id-dħul fis-servizz fl-impriża u l-età normali tal-irtirar għall-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja; minflok l-età normali tal-irtirar, tittieħed inkunsiderazzjoni data preċedenti meta din tkun prevista mill-iskema ta’ irtirar bħala l-età massima, u, l-iktar tard, id-data li fiha l-ħaddiem jikseb l-età ta’ 65 sena, fil-każ li dan jitlaq mill-impriża u jitlob fl-istess ħin pensjoni tax-xjuħija skont l-assigurazzjoni legali obbligatorja għall-affiljati fit-tul […]” |
|
9 |
L-Artikolu 4(1) tal-Gesetz über Teilzeitarbeit und befristete Arbeitsverträge (liġi dwar ix-xogħol part-time u l-kuntratti għal żmien determinat) huwa fformulat kif ġej: “1. Ħaddiem part-time ma għandux jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem full-time komparabbli għar-raġuni biss li jaħdem part-time, sakemm ma jkunux jeżistu raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw trattament differenti. Il-ħaddiem part-time għandu jirċievi remunerazzjoni jew benefiċċju ieħor bi ħlas diviżibbli li l-portata tiegħu għandha għall-inqas tkun tikkorrispondi għall-proporzjon tas-sigħat tax-xogħol tiegħu meta mqabbel ma’ dak ta’ ħaddiem full-time komparabbli. […]” |
|
10 |
It-Taqsima 3.4 tal-iskema ta’ pensjoni ta’ Mars li tinsab fil-ftehim kollettiv tas-6 ta’ Novembru 2008 (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ pensjoni”) tipprevedi: “Id-‘dħul’ ta’ persuna li tista’ tinvoka d-drittijiet għall-pensjoni tagħha huwa ekwivalenti għar-remunerazzjoni annwali totali li din il-persuna tirċievi għas-servizzi li hija tipprovdi lill-impriża. […] Meta persuna li tista’ tinvoka d-drittijiet għall-pensjoni tagħha tkun, matul is-snin ta’ servizz tagħha li jagħtu lok għal dritt għall-pensjoni tal-irtirar, ħadmet part-time, b’mod kontinwu jew temporanju, id-‘dħul’ tagħha skont l-ewwel sentenza jiġi ddeterminat fuq il-bażi tas-sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa miftiehma b’kuntratt. Dan id-‘dħul’ jitqassam fuq sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa ekwivalenti għar-rata ta’ attività medja tul is-snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Ir-rata ta’ attività hija r-relazzjoni bejn is-sigħat ta’ xogħol normali fil-ġimgħa miftiehma u s-sigħat ta’ xogħol normali fil-ġimgħa skont il-manwal ta’ Mars, relazzjoni li ma tistax madankollu teċċedi l-100 %”. |
|
11 |
It-Taqsima 3.5 tal-iskema ta’ pensjoni tipprevedi: “Is-‘salarju li jagħti lok għal dritt għall-pensjoni’ ta’ persuna li tista’ tinvoka d-drittijiet għall-pensjoni tagħha huwa ekwivalenti għall-ammont medju massimu tad-dħul li din il-persuna tkun irċeviet matul tlieta mill-aħħar ħames snin sħaħ ta’ attività tagħha li jagħtu lok għal dritt għall-pensjoni tal-irtirar […]” |
|
12 |
Skont it-Taqsima 4.1 tal-iskema ta’ pensjoni: “Fid-dawl tal-kundizzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti minn din l-iskema ta’ pensjoni, persuna li tista’ tinvoka d-drittijiet għall-pensjoni tagħha tikseb, meta tirtira, kemm jekk dan iseħħ fl-età ‘normali’ jew sussegwentement, għal kull sena sħiħa ta’ servizz li tagħti lok għal dritt għall-pensjoni tal-irtirar, pensjoni tal-irtirar annwali ekwivalenti
[…] is-snin ta’ servizz li jagħtu lok għal dritt għall-pensjoni tal-irtirar huma madankollu limitati għat-total ta’ 35 il-sena sħiħa”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
13 |
U. Kleinsteuber, li twieldet fit-3 ta’ April 1965, kienet impjegata ma’ Mars u mal-predeċessur tagħha bejn l-1 ta’ Ottubru 1990 u l-31 ta’ Mejju 2014, u dan f’diversi pożizzjonijiet. Din ħadmet kemm full-time kif ukoll part-time b’sigħat imnaqqsa ta’ bejn 50 % u 75 % tal-attività ta’ ħaddiem full-time. U. Kleinsteuber tibbenefika, fil-konfront ta’ Mars u wara li tagħlaq il-55 sena, minn dritt għall-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża. |
|
14 |
Skont l-iskema ta’ pensjoni, fil-każ ta’ ħaddiem li ma huwiex impjegat full-time, qabelxejn, għandu jitwettaq kalkolu tas-salarju annwali rilevanti tal-ħaddiem full-time li jkun intitolat għall-pensjoni tal-irtirar. Sussegwentement, dan is-salarju jiġi mnaqqas skont ir-rata ta’ attività medja matul il-perijodu tal-impjieg kollu. Fl-aħħar nett, id-diversi rati relatati mal-elementi li jikkostitwixxu s-salarju jiġu applikati għall-ammont li jirriżulta. L-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża huwa fil-fatt ikkalkolat abbażi ta’ formula msejħa “iddifferenzjata”. |
|
15 |
Għalhekk issir distinzjoni bejn id-dħul magħmul li jkun iktar baxx mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja u dak li jeċċedi dan il-limitu. Il-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet huwa, fid-dritt Ġermaniż tal-assigurazzjoni soċjali, l-ammont sa fejn is-salarju ta’ persuna li tibbenefika mill-kopertura legali jintuża għall-assigurazzjoni soċjali. L-elementi kostituttivi tas-salarju ’il fuq mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ġew evalwati, waqt il-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża ta’ U. Kleinsteuber, għal 2 % filwaqt li l-elementi kostituttivi tas-salarju ’l isfel minn dan il-limitu ġew evalwati għal 0.6 %. |
|
16 |
Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fil-każ ta’ rtirar qabel iż-żmien ta’ impjegat, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar, għandu jitwettaq kalkolu pro rata temporis. L-ewwel nett, għandu jiġi kkalkolat id-“dritt massimu fittizju”, jiġifieri d-dritt għall-pensjoni li kien igawdi minnu l-ħaddiem li kieku ma kienx telaq mill-impjieg tiegħu qabel iż-żmien, iżda kien baqa’ impjegat sakemm ikun laħaq l-età tal-irtirar miftiehem. Sussegwentement, il-“kwozjent miksub” jiġi kkalkolat billi tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn l-anzjanità effettiva u l-perijodu li l-ħaddiem kien baqagħlu jaħdem sa’ ma jilħaq l-età tal-irtirar li kieku ma kienx irtira qabel iż-żmien. Id-dritt massimu fittizju jiġi mbagħad immultiplikat bil-kwozjent miksub sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża jew id-dritt għalih. |
|
17 |
L-iskema ta’ pensjoni ta’ Mars tipprevedi, barra minn hekk, limitu għas-snin ta’ anzjanità li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u li huwa stabbilit għal 35 sena. |
|
18 |
U. Kleinsteuber tikkontesta quddiem l-Arbeitsgericht Verden (tribunal industrijali ta’ Verden, il-Ġermanja) il-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża tagħha mwettaq minn Mars u tqis li hija intitolata għal pensjoni tal-irtirar ogħla minn dik ikkalkolata minn din tal-aħħar. Il-Bundesarbeitsgericht (tribunal industrijali federali, il-Ġermanja) diġà indikat dwar dan is-suġġett li l-leġiżlazzjoni inkluża fl-Artikolu 2 tal-liġi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar hija xierqa u meħtieġa għall-ilħuq ta’ għan leġittimu. |
|
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Verden (tribunal industrijali ta’ Verden) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
Kummenti preliminari
|
20 |
Mill-formulazzjoni tal-partijiet (a) u (b) tal-ewwel domanda preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54, moqri flimkien mad-Direttiva 2000/78. |
|
21 |
Madankollu minn qari tar-raġunijiet esposti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din fil-fatt tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk leġizlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax twassal għal diskriminazzjoni fil-konfront ta’ persuni impjegati li jaħdmu part-time, fis-sens tal-Ftehim Qafas. F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkun intitolata wkoll tinvoka l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa, fis-sens tad-Direttiva 2006/54, sa fejn, skont din il-qorti, l-attivitajiet part-time huma iktar imwettqa min-nisa. |
|
22 |
Għall-kuntrarju, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżulta l-ebda element li jippermetti li jiġi eżaminat jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78. |
|
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-partijiet (a) u (b) tal-ewwel domanda preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas, kif ukoll tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54. |
Fuq il-parti (a) tal-ewwel domanda
|
24 |
Permezz tal-parti (a) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-kalkolu tal-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ impriża, tagħmel distinzjoni bejn id-dħul mix-xogħol li huwa iktar baxx mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja u d-dħul mix-xogħol li jeċċedi dan il-limitu, b’mod li ma tiħux inkunsiderazzjoni d-dħul minn impjieg part-time billi tikkalkola l-ewwel id-dħul minn impjieg full-time korrispondenti, billi tiddetermina l-proporzjonijiet rispettivament ’il fuq u ’l isfel mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u sussegwentement billi tapplika dan il-proporzjon fuq id-dħul imnaqqas tal-impjieg part-time. |
|
25 |
Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas tistabbilixxi projbizzjoni li, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-ħaddiema part-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full-time komparabbli għar-raġuni biss li huma jaħdmu part-time, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi. |
|
26 |
F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-metodu ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża li jikkonsisti fit-twettiq ta’ distinzjoni bejn is-salarji li huma iktar baxxi mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u dawk li jeċċedu dan il-limitu (iktar ’il quddiem il-“formula ddifferenzjata”) japplika kemm għall-impjegati full-time kif ukoll għall-impjegati part-time. |
|
27 |
U. Kleinsteuber issostni madankollu li dan il-metodu ta’ kalkolu jwassal sabiex ir-rata iktar għolja ta’ 2 % tiġi applikata għal proporzjon żgħir wisq tad-dħul annwali li jagħti lok għal dritt għall-pensjoni. Filwaqt li, skont l-iskema ta’ pensjoni tagħha, Mars ikkalkolat, fuq il-bażi ta’ attività full-time, ir-remunerazzjoni annwali li tagħti lok għal dritt għall-pensjoni applikabbli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali qabel ma naqqsitha fuq il-bażi tar-rata ta’ attività part-time tagħha, qassmet l-ammont hekk miksub f’kategorija iktar baxxa mil-limitu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u f’kategorija ogħla minn dan il-limitu u applikat għalihom id-diversi perċentwali, U. Kleinsteuber tqis li għall-persuni impjegati part-time l-kalkolu għandu jsir billi jiġi kkalkolat id-dħul fittizju ta’ persuna impjegata full-time bl-applikazzjoni għaliha tal-formula ddifferenzjata. Huwa biss sussegwentement li għandu jitwettaq tnaqqis fuq il-bażi tar-rata ta’ attività part-time. |
|
28 |
Madankollu, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-metodu ta’ kalkolu applikat minn Mars iwassal għal diskriminazzjoni fil-konfront tal-ħaddiema part-time. |
|
29 |
Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-relazzjoni bejn il-perijodu ta’ xogħol effettivament imwettaq mill-ħaddiem tul il-karriera tiegħu u l-perijodu ta’ xogħol ta’ ħaddiem li tul il-karriera kollha tiegħu ħadem fuq bażi full-time jikkostitwixxi applikazzjoni stretta tal-prinċipju pro rata temporis. F’dan il-każ, Mars għalhekk ikkalkolat u applikat rata ta’ 71.5 %. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sigħat ta’ xogħol effettivament imwettqa minn ħaddiem tul il-karriera tiegħu huwa kriterju oġġettiv u mingħajr ebda diskriminazzjoni, li jippermetti tnaqqis proporzjonat tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C-4/02 u C-5/02, EU:C:2003:583, punt 91). |
|
31 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, jekk id-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża ta’ U. Kleinsteuber ma jikkorrispondux għall-proporzjon pro rata temporis ta’ full-time imħallas aħjar, dan ma jirriżultax mill-fatt li U. Kleinesteuber ħadmet fuq bażi part-time, iżda mill-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju u tal-formula ddifferenzjata. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża tikkompleta, fuq bażi volontarja tal-persuna li timpjega, il-benefiċċji mħallsa mill-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja. Għalhekk, l-għan tal-iskema ta’ pensjoni ta’ Mars huwa li jiġi rifless fl-età tal-irtirar, jekk ikun possibbli b’mod sħiħ u proporzjonat, il-livell ta’ għajxien li kellha l-persuna impjegata tul is-snin tax-xogħol tagħha. |
|
33 |
Il-formula ddifferenzjata hija intiża, min-naħa tagħha, li tieħu inkunsiderazzjoni d-differenza ta’ ħtieġa ta’ kopertura għall-kategoriji ta’ remunerazzjoni iktar baxxi u ogħla mil-limitu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, peress li dawn tal-aħħar ma jittiħdux inkunsiderazzjoni waqt il-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar imħallsa mill-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja. |
|
34 |
Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, għall-impjegati li, minħabba x-xogħol part-time, irċevew dħul li jagħti lok għal dritt għall-pensjoni ġeneralment inqas mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, l-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja ma għandha l-ebda lakuna fil-benefiċċji mogħtija, peress li d-dħul kollu tagħhom huwa kopert mill-imsemmija assigurazzjoni. |
|
35 |
Barra minn hekk, kif sostnew il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea, il-metodu ta’ kalkolu ssuġġerit minn U. Kleinsteuber, imfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, jista’ jwassal sabiex il-partijiet ta’ dħul li huma iktar ogħla mil-limitu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet jiġu mgħollija artifiċjalment. Bl-istess mod, fil-każ ta’ remunerazzjoni part-time ta’ livell iktar baxx minn dan il-limitu, il-metodu ssuġġerit mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jista’ jwassal għal applikazzjoni tar-rata ta’ 2 %, sa fejn il-formula ddifferenzjata tkun direttament applikata għar-remunerazzjoni annwali ta’ ħaddiem full-time korrispondenti, saħansitra qabel ma titnaqqas fuq il-baża tar-rata ta’ attività part-time tal-impjegat ikkonċernat. Issa, ma jeżisti ebda bżonn ta’ kopertura addizzjonali fil-każ ta’ remunerazzjoni ta’ livell iktar baxx minn dan il-limitu. |
|
36 |
Kif irrilevat il-Kummissjoni, dan iwassal sabiex l-attività professjonali tal-persuna kkonċernata tiġi stmata b’mod eċċessiv, u jwassal għall-istabbiliment ta’ drittijiet ħafna iktar ogħla u mhux relatati mal-attività effettivament imwettqa minn U. Kleinsteuber. |
|
37 |
Il-qorti tar-rinviju rrilevat, f’dan ir-rigward, li li kieku kellu jiġi applikat l-approċċ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Mars tkun obbligata tapplika għall-partijiet tas-salarju ta’ U. Kleinsteuber li jkunu iktar baxxi mill-imsemmi limitu, minbarra l-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja, il-perċentwali iktar għolja ta’ 2 % prevista mill-iskema ta’ pensjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, tħallas għalhekk pensjoni tal-irtirar ta’ impriża li tkun proporzjonalment ogħla anki għall-imsemmija partijiet tas-salarju. |
|
38 |
Għandu jiġi kkunsidrat, min-naħa l-oħra, li l-għan tal-formula ddifferenzjata, intiża għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-differenza ta’ ħtieġa ta’ kopertura għall-partijiet ta’ remunerazzjoni iktar baxxi u ogħla mil-limitu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, jikkostitwixxi raġuni oġġettiva, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas, li tiġġustifika differenza fit-trattament bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
39 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq it-tip ta’ xogħol, fis-sens tal-Ftehim Qafas u, għaldaqstant, lanqas ma tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa, fis-sens tad-Direttiva 2006/54. |
|
40 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-parti (a) tal-ewwel domanda għandha tkun li l-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-kalkolu tal-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ impriża, tagħmel distinzjoni bejn id-dħul mix-xogħol li huwa iktar baxx mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja u d-dħul mix-xogħol li jeċċedi dan il-limitu, b’mod li ma tiħux inkunsiderazzjoni d-dħul minn impjieg part-time billi tikkalkola l-ewwel id-dħul minn impjieg full-time korrispondenti, billi tiddetermina l-proporzjonijiet rispettivament ’il fuq u ’l isfel mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u sussegwentement billi tapplika dan il-proporzjon fuq id-dħul imnaqqas tal-impjieg part-time. |
Fuq il-parti (b) tal-ewwel domanda
|
41 |
Permezz tal-parti (b) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ impriża ta’ impjegat li ħadem parzjalment full-time u parzjalment part-time, tiddetermina rata ta’ attività uniformi għaż-żmien kollu tar-relazzjoni tal-impjieg. |
|
42 |
Skont il-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas, għandu jiġi ddeterminat jekk il-ħaddiema part-time humiex ittrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full-time komparabbli, minħabba l-fatt tal-istabbiliment ta’ rata ta’ attività uniformi għas-snin tal-karriera li jistgħu jingħaddu. |
|
43 |
Issa, l-istabbiliment ta’ rata part-time dehret li tikkostitwixxi metodu li jippermetti li jiġi evalwat ix-xogħol kollu mwettaq mill-ħaddiem part-time. Għall-kalkolu li jirrigwarda l-ħaddiema part-time, ma jistax jiġi preżunt, għall-kuntrarju, li dawn ikunu ħadmu full-time matul il-perijodu kollu. |
|
44 |
Mars issostni li l-applikazzjoni ta’ rata ta’ attività uniformi għas-snin tal-karriera li jistgħu jingħaddu tirrifletti sempliċement id-diversi ħinijiet tax-xogħol matul l-attività, iżda mhux ir-remunerazzjonijiet differenti rċevuti matul dan il-perijodu. Fil-fatt, skont din il-kumpannija, l-iskema ta’ pensjoni tinkludi impenn li tingħata pensjoni tal-irtirar marbuta mal-aħħar remunerazzjoni u r-remunerazzjoni rċevuta matul ir-relazzjoni tal-impjieg hija irrilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, l-ebda element mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi stabbilit li metodu ta’ kalkolu ieħor, bħal dak li jikkonsisti f’li l-ħin tax-xogħol imwettaq ma’ Mars jinqasam f’perijodi, ikun jippermetti kalkolu iktar xieraq u iktar ekwu, fid-dawl tal-prinċipju ta’ pro rata temporis. |
|
46 |
Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha għarfien iddettaljat tal-proċess, li għandha tivverifika li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, li għandha tivverifika li l-metodu ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jiksirx dan il-prinċipju, li l-osservanza tiegħu hija, fil-kawża prinċipali, imposta bil-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas. |
|
47 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-parti (b) tal-ewwel domanda, għandha tkun li l-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-kalkolu tal-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ impriża ta’ impjegat li ħadem parzjalment full-time u parzjalment part-time, tiddetermina rata ta’ attività uniformi għaż-żmien kollu tar-relazzjoni tal-impjieg, sa fejn dan il-metodu ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar ma jiksirx ir-regola tal-pro rata temporis. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ. |
Fuq it-tieni domanda
|
48 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi, jekk l-Artikoli 1 u 2 kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġizlazzjoni nazzjonali li tipprevedi pensjoni tal-irtirar ta’ impriża, li l-ammont tagħha jikkorrispondi għar-relazzjoni bejn l-anzjanità u t-tul taż-żmien inkluż bejn id-dħul fis-servizz fl-impriża u l-età normali tal-irtirar stabbilita mill-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja, u għalhekk b’limitu tas-snin tal-karriera li jistgħu jingħaddu. |
|
49 |
Skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva, hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna, minħabba l-età tagħha, tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi ttrattata, ġiet ittrattata jew kieku tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli. Skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, hemm diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ tkun tinvolvi żvantaġġ partikolari għal persuni ta’ età partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma tkunx oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu u sakemm il-mezzi għat-twettiq ta’ dan l-għan ma jkunux xierqa u meħtieġa. |
|
50 |
Fir-rigward tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ differenza fit-trattament direttament jew indirettament ibbażata fuq l-età, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-konsegwenza tal-metodu ta’ kalkolu inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija li l-persuni impjegati li kisbu l-anzjanità tagħhom meta kienu iżgħar jirċievu pensjoni tal-irtirar ta’ impriża iktar baxxa minn dik li jirċievu l-kollaboraturi li kisbu l-anzjanità tagħhom meta kienu ikbar, minkejja li l-anzjanità hija l-istess. |
|
51 |
Kif irrileva l-Gvern Ġermaniż, la l-leġiżlazzjoni nazzjonali u lanqas il-limitu previst mill-iskema ta’ pensjoni ma jirreferu direttament għall-kriterju tal-età. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika bl-istess mod għall-ħaddiema ta’ kull età. |
|
52 |
Din il-leġiżlazzjoni ma hijiex għalhekk direttament ibbażata fuq il-kriterju tal-età, iżda fuq dak tal-anzjanità fl-impriża. |
|
53 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta madankollu li l-effett sekondarju li jipproduċi l-istabbiliment ta’ limitu tas-snin tal-karriera li jistgħu jingħaddu kien jidher dejjem meta l-età ta’ dħul fis-servizz tal-persuna impjegata li rtirat qabel iż-żmien ikun inqas mid-differenza bejn l-età massima għall-irtirar u l-limitu tas-snin ta’ servizz. Għalhekk, fil-każ fejn l-età massima għall-irtirar tkun ta’ 65 sena u fejn is-snin ta’ servizz li jistgħu jingħaddu jkunu limitati għal 35, l-impjegati li jirtiraw qabel iż-żmien u li bdew jaħdmu qabel l-età ta’ 30 sena jkunu żvantaġġati f’termini ta’ kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża. |
|
54 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li tali differenza fit-trattament tirriżulta mill-interazzjoni bejn l-istabbiliment ta’ limitu għas-snin ta’ servizz li jistgħu jingħaddu u fatturi oħra, bħall-metodu ta’ tnaqqis pro rata temporis previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar. |
|
55 |
L-eżistenza ta’ żvantaġġ għal grupp ta’ età partikolari tirriżulta għalhekk mill-applikazzjoni flimkien ta’ dispożizzjonijiet u mill-allineament ta’ parametri partikolari. |
|
56 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li “b’mod astratt, jista’ jingħad li l-effett sfavorevoli tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ħafna iktar sinjifikattiv fejn il-persuna impjegata kienet żagħżugħa meta bdiet ir-relazzjoni tal-impjieg, fejn il-perijodi ta’ servizz kienu qosra u fejn l-istabbiliment ta’ limitu tas-snin ta’ servizz li jistgħu jingħaddu kien iffissat baxx”. Il-Gvern Ġermaniż jikkonstata, min-naħa tiegħu, li tipikament l-effett tal-metodu ta’ kalkolu inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li, “f’ċerti sitwazzjonijiet”, joħloq nuqqas indirett ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema li jkunu iżgħar peress li huwa fil-każ tagħhom biss, waqt il-kalkolu tad-dritt massimu fittizju, li jintlaħaq il-limitu tas-snin tal-karriera u jidħol għalhekk fil-kalkolu. |
|
57 |
Għall-kuntrarju, Mars tirrileva, minn naħa, li t-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma hijiex utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, sa fejn, għall-kalkolu tad-drittijiet tagħha, il-karriera ta’ U. Kleinsteuber ma tnaqqsitx. |
|
58 |
Min-naħa l-oħra, Mars issostni li t-tnaqqis pro rata temporis previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar mhux dejjem tkun ta’ żvantaġġ għall-ħaddiema iżgħar u li, fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni ma hijiex ibbażata fuq l-età, iżda fuq l-anzjanità. |
|
59 |
Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha għarfien dirett tat-tilwima quddiemha, li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax, b’mod konkret u lil hinn minn ċirkustanzi inċerti, twassal għal differenza fit-trattament indirettament ibbażata mhux fuq l-anzjanità, iżda fuq l-età. |
|
60 |
Hija għandha tivverifika wkoll li l-problema mqajma ma hijiex waħda ipotetika, iżda hija relatata mal-fatti diskussi mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Tali kwistjoni ma tistax, fil-fatt, tiġi kkunsidrata b’mod astratt u ipotetiku iżda għanda tkun is-suġġett, skont il-każ, ta’ analiżi każ b’każ. |
|
61 |
Għandu, fil-fatt, jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, B., C-394/13, EU:C:2014:2199, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jkun preżenti fl-iżvolġiment tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali tirrispetta l-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija dik li tikkontribwixxi fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux dik li tesprimi opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi (sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, EU:C:2003:333, punt 32, u tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C-617/10, EU:C:2013:105, punt 42). |
|
62 |
Fil-każ li din il-qorti tikkonstata, fit-tmiem ta’ din l-evalwazzjoni, l-eżistenza ta’ tali differenza fit-trattament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, din id-differenza fit-trattament ma għandhiex titqies bħala diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva, sa fejn hija ġġustifikata minn għan leġittimu u fejn il-mezzi għat-twettiq ta’ dan l-għan huma xierqa u meħtieġa. |
|
63 |
F’dan ir-rigward, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tfittex li tilħaq simultanjament għanijiet ta’ politika soċjali li jirrigwardaw il-mobbiltà u l-iskema tal-irtirar, u l-għan prinċipali tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ impriża, li huwa li tiġi kkumpensata l-lealtà tal-persuni impjegati tal-impriża. Din il-leġiżlazzjoni tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-interess tal-impriża sabiex l-oneru li jirriżulta mill-pensjonijiet tal-irtirar ta’ impriża minħabba drittijiet kweżiti jkun ċar u kalkolabbli. |
|
64 |
F’dan ir-rigward, Mars sostniet li l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni u, b’mod partikolari, tal-iskema tal-irtirar professjonali inkwistjoni huwa li tinstab regola applikabbli ghall-kalkolu tal-ammont tad-drittijiet kweżiti fil-każ ta’ irtirar qabel iż-żmien mir-relazzjoni tal-impjieg, li tosserva l-kunċett wiesa’ tas-sistema tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ impriża li tirregola l-pjanijiet ta’ previdenza abitwali, u li tikkontribwixxi għalhekk għall-ġeneralizzazzjoni tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ impriża, peress li dawn jingħataw fuq bażi volontarja mill-persuna li timpjega. |
|
65 |
Għandu jiġi kkunsidrat li tali għanijiet, intiżi għall-istabbiliment ta’ bilanċ bejn l-interessi inkwistjoni, fil-kuntest tat-tħassib fil-qasam tal-politika tal-impjieg u tal-protezzjoni soċjali, sabiex jiġi żgurat benefiċċju ta’ rtirar professjonali, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala għanijiet ta’ interess ġenerali. |
|
66 |
Fir-rigward tan-natura xierqa tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-adozzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu ta’ dritt legalment miksub fil-każ ta’ rtirar qabel iż-żmien mir-relazzjoni ta’ impjieg ibbażat fuq it-tul pro rata temporis tal-anzjanità effettiva meta mqabbla mal-anzjanità possibbli sal-età normali tal-irtirar, u fuq l-istabbiliment ta’ limitu għas-snin tal-karriera li jistgħu jingħaddu ma jidhirx irraġonevoli fid-dawl tal-għan tal-iskema ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ impriża inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
67 |
Dan japplika wkoll fir-rigward tan-natura meħtieġa tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li ma jistgħux jinħolqu inċentivi għaż-żamma fl-impriża sal-età legali tal-irtirar mingħajr l-għoti, lill-persuna impjegata li tagħmel din l-għażla, ta’ vantaġġ fil-konfront tal-persuna impjegata li tirtira mill-impriża qabel iż-żmien. Barra minn hekk, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta l-ebda element li jista’ jikkonfuta serjament il-ħtieġa ta’ tali leġiżlazzjoni u lanqas l-ebda regola ta’ kalkolu oħra, bħal dik issuġġerita minn U. Kleinsteuber, li tippermetti li l-għanijiet imsemmija jintlaħqu b’mod daqstant effikaċi u, b’mod partikolari, dak li jikkonsisti fil-ġeneralizzazzjoni tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ impriża. |
|
68 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 1 u 2 kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġizlazzjoni nazzjonali li tipprevedi pensjoni tal-irtirar ta’ impriża, li l-ammont tagħha jikkorrispondi għar-relazzjoni bejn l-anzjanità u t-tul taż-żmien bejn id-dħul fis-servizz fl-impriża u l-età normali tal-irtirar stabbilita mill-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja, u għalhekk b’limitu tas-snin tal-karriera li jistgħu jingħaddu. |
Fuq l-ispejjeż
|
69 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.