SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Artikoli 12, 14, 31 u 46 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Possibbiltà għall-qorti li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tisma’ lill-applikant”

Fil-Kawża C‑348/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Milano (qorti ta’ Milano, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura

Moussa Sacko

vs

Commissione Territoriale per il riconoscimento della protezione internazionale di Milano,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur), A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Sacko, minn S. Santilli, avvocato,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u M. Jacobs, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn J. Vláčil u M. Smolek, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u E. Armoët, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Tátrai, Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u C. Cattabriga, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12, 14, 31 u 46 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Moussa Sacko, ċittadin ta’ Mali, u l-Commissione Territoriale per il riconoscimento della protezione internazionale di Milano (kummissjoni territorjali għar-rikonoxximent tal-protezzjoni internazzjonali ta’ Milano, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“kummissjoni territorjali”) dwar iċ-ċaħda minn din tal-aħħar tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/32.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2013/32 tistabbilixxi proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

4

Il-premessi 18 u 20 tad-Direttiva 2013/32 jiddikjaraw:

“(18)

Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.

[…]

(20)

F’ċirkostanzi definiti b’mod ċar fejn applikazzjoni x’aktarx li hi bla bażi jew fejn hemm tħassib serju dwar is-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jgħaġġlu l-proċedura ta’ eżami, b’mod partikolari billi jiġu introdotti limiti ta’ żmien iqsar, iżda raġonevoli, għal ċerti passi proċedurali, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u sħiħ u l-aċċess effettiv tal-applikant għal prinċipji bażiċi u garanziji previsti f’din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(c)

‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha deċizjoni finali tkun għadha ma tteħditx;

[…]

(f)

‘awtorità determinanti’ tfisser kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet;

[…]”

6

L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Garanziji għall-applikanti”, li jinsab fil-Kapitolu II tagħha, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Prinċipji u garanziji bażiċi”, jipprovdi:

“1.   Fir-rigward tal-proċeduri provduti fil-Kapitolu III, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti kollha jgawdu l-garanziji li gejjin:

[…]

(b)

għandhom jirċievu s-servizzi ta’ interpretu sabiex jippreżentaw il-każ tagħhom quddiem l-awtoritajiet kompetenti meta dan ikun meħtieġ. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw bħala meħtieġ l-għoti ta’ dawn is-servizzi għall-inqas meta l-applikant huwa intervistat kif imsemmi fl-Artikoli 14 sa 17 u 34 u meta ma tkunx tista’ tiġi żgurata komunikazzjoni adegwata mingħajr dawn is-servizzi. F’dan il-każ u f’każijiet oħra fejn l-awtoritajiet kompetenti jsejħu lill-applikant, dawn is-servizzi għandhom jiġu mħallsa minn fondi pubbliċi;

(c)

ma għandhiex tiġi miċħuda lilhom l-opportunità li jikkomunikaw mal-[Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR)] jew ma’ kwalunkwe organizzazzjoni oħra li tipprovdi pariri legali jew konsulenza lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali taħt il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru;

(d)

huma u jekk applikabbli, il-konsulenti legali tagħhom f’konformità mal-Artikolu 23(1) m’għandhomx jiġu miċħuda aċċess għall-informazzjoni imsemmija fl-Artikolu 10(3)(b) u għall-informazzjoni mogħtija mill-esperti msemmija fl-Artikolu 10(3)(d), fejn l-awtorità determinanti tkun ikkunsidrat dik l-informazzjoni bl-iskop li tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom;

(e)

għandhom jingħataw notifika fi żmien raġonevoli tad-deċiżjoni mill-awtorità determinanti fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom. Jekk l-applikant ikun qiegħed jiġi rappreżentat legalment minn konsulent legali jew konsulent ieħor, l-Istati Membri jistgħu jagħzlu li jinnotifikaw lil dan bid-deċiżjoni minflok lill-applikant;

[…]

2.   Fir-rigward tal-proċeduri previsti fil-Kapitolu V, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti kollha igawdu garanziji ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1(b) sa (e).”

7

L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Intervista personali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti, l-applikant għandu jingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali ma’ persuna li tkun, taħt il-liġi nazzjonali, kompetenti sabiex tmexxi tali intervista. L-intervisti personali dwar is-sustanza tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhom isiru mill-persunal tal-awtorità determinanti. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 42(2)(b).”

8

Skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Ir-rappurtar u l-irrekordjar ta’ intervisti personali”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir rapport dettaljat u fattwali bl-elementi sostantivi kollha jew traskrizzjoni ta’ kull intervista personali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-irrekordjar awdjo jew awdjoviżiv tal-intervista personali. Fejn isir irrekordjar awdjo jew awdjoviżiv tal-intervista, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-irrekordjar jew traskrizzjoni tal-intervista personali tkun disponibbli b’rabta mal-fajl tal-applikant.

[…]”

9

L-Artikolu 31 ta’ din id-direttiva, intitolat “Proċedura ta’ eżami”, li bih jibda l-Kapitolu III, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Proċeduri ta’ prima istanza”, jipprovdi dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijet għall-protezzjoni internazzjonali fi proċedura ta’ eżami b’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni.

[…]

8.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li proċedura ta’ eżami konformi mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II tiġi mgħaġġla u/jew titmexxa fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu taħt l-Artikolu 43 jekk:

(a)

l-applikant, fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu/tagħha u fil-preżentazzjoni tal-fatti, qajjem biss kwistjonijiet li mhumiex relevanti għall-eżami dwar jekk huwa/hija jikkwalifikax/tikkwalifikax jew le bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]; jew

(b)

l-applikant ikun ġej minn pajjiż ta’ oriġini bla periklu skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva jew

(c)

l-applikant inganna lill-awtoritajiet billi ppreżenta informazjoni jew dokumenti foloz jew billi żamm għalih informazzjoni jew dokumenti relevanti fir-rigward tal-identità u/jew tan-nazzjonalità tiegħu li setgħu kellhom impatt negattiv fuq id-deċiżjoni; jew

(d)

probabbilment, b’malafede, l-applikant iddistruġġa jew iddispona minn dokument tal-identità jew tal-ivvjaġġar li seta’ għen sabiex tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu; jew

(e)

l-applikant ikun għamel rappreżentazzjonijiet li b’mod ċar kienu inkonsistenti u kontradittorji li jkunu foloz jew manifestament improbabbli jew insuffiċjenti li jikkontradixxu informazzjoni vverfikata kif xieraq dwar il-pajjiż ta’ oriġini, li konsegwentement jwasslu biex it-talba tiegħu/tagħha ma tkunx tidher konvinċenti fir-rigward tad- jekk huwa/hija jikkwalifikaw/tikkwalifikax bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]; jew

(f)

l-applikant ikun ippreżenta applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali li mhix ammissibbli f’konformità mal-Artikolu 40(5); jew

(g)

l-applikant ikun qiegħed jippreżenta applikazzjoni biss sabiex jittardja jew ifixkel l-infurzar ta’ deċiżjoni preċedenti jew imminenti li tirriżulta fl-espulsjoni tiegħu/tagħha; jew

(h)

l-applikant daħal fit-territorju tal-Istat Membru illegalment jew tawwal is-soġġorn tiegħu illegalment u, mingħajr raġuni valida, ma ppreżentax ruħu lill-awtoritajiet jew ma ppreżentax applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali malajr kemm jista’ jkun, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-dħul tiegħu; jew

(i)

l-applikant jirrifjuta li jikkonforma mal-obbligu li jittieħdulu l-marki tas-swaba’ […]; jew

(j)

l-applikant jista’, għal raġunijiet serji, jiġi kkunsidrat bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru, jew l-applikant ġie espuls bil-forza għal raġunijiet serji ta’ sigurtà pubblika jew ordni pubbliku taħt il-liġi nazzjonali.

[…]”

10

Skont l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2013/32:

“F’każijiet ta’ applikazzjonijiet bla bażi li fihom tapplika kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi elenkati fl-Artikolu 31(6) l-Istati Membri jistgħu wkoll jikkunsidraw applikazzjoni bħala manifestament bla bażi jekk tkun definita hekk fil-liġi nazzjonali.”

11

L-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv”, li jikkostitwixxi l-unika dispożizzjoni tal-Kapitolu V tagħha, liema kapitolu huwa intitolat “Proċeduri tal-appelli”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

(a)

deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

(i)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

(ii)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l- Artikolu 33(2),

(iii)

meħuda fuq il-fruntiera jew fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Stat Membru kif deskritt fl-Artikolu 43(1);

(iv)

li ma jsirx eżami f’konformità mal-Artikolu 39.

(b)

rifjut li l-eżami ta’ applikazzjoni jinfetaħ mill-ġdid wara li tkun twaqqfet skont l-Artikoli 27 u 28;

(c)

deċiżjoni li tirtira l-protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 45.

[…]

3.   Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.

[…]”

Id-dritt Taljan

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, id-dritt Taljan jipprevedi fażi amministrattiva, li fil-kuntest tagħha kummissjoni ta’ esperti teżamina l-applikazzjonijiet, liema eżami jinvolvi smigħ tal-applikant, u fażi ġudizzjarja, li matulha l-applikant li l-applikazzjoni tiegħu ma tkunx irnexxiet jista’ jikkontesta d-deċiżjoni negattiva tal-korp amministrattiv.

13

Il-qorti tar-rinviju tispjega li, matul il-fażi ġudizzjarja, il-qorti tista’ tiċħad jew tilqa’ l-appell mingħajr ma tisma’ neċessarjament lill-appellant jekk huwa jkun diġà nstema’ mill-awtorità amministrattiva kompetenti għall-finijiet tal-proċedura ta’ eżami. Din is-soluzzjoni tista’ tiġi pprattikata b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-applikazzjonijiet manifestament infondati.

14

Skont il-qorti tar-rinviju, din l-interpretazzjoni tar-regoli nazzjonali applikabbli hija bbażata, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 19 tad-decreto legislativo n. 150 – Disposizioni complementari al codice di procedura civile in materia di riduzione e semplificazione dei procedimenti civili di cognizione, ai sensi dell’articolo 54 della legge 18 giugno 2009, n. 69. (Digriet Leġiżlattiv Nru 150 dwar dispożizzjonijiet komplementari għall-kodiċi ta’ proċedura ċivili fil-qasam tat-tnaqqis u tas-semplifikazzjoni tal-proċeduri kontenzjużi ċivili, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-Liġi Nru 69 tat-18 ta’ Ġunju 2009), tal-1 ta’ Settembru 2011 (GURI Nru 220, tal-21 ta’ Settembru 2011), kif emendat bid-decreto legislativo n. 142 – Attuazione della direttiva 2013/33/UE recante norme relative all’accoglienza dei richiedenti protezione internazionale, nonché della direttiva 2013/32/UE, recante procedure comuni ai fini del riconoscimento e della revoca dello status di protezione internazionale (Digriet Leġiżlattiv Nru 142 li jimplementa d-Direttiva 2013/33/UE li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali kif ukoll id-Direttiva 2013/32/UE dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali), tat-18 ta’ Awwissu 2015 (GURI Nru 214, tal-15 ta’ Settembru 2015) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 150/2011”).

15

L-Artikolu 19(9) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 150/2011 jipprovdi:

“Fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-appell, il-qorti għandha tiddeċiedi, fuq il-bażi tal-elementi eżistenti fil-mument tad-deċiżjoni, permezz ta’ digriet li jiċħad l-appell, jew li jagħti lill-appellant l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ persuna li tkun ingħatatilha l-protezzjoni sussidjarja.”

16

Skont il-qorti tar-rinviju, il-qorti għandha l-possibbiltà li tgħaddi direttament sabiex tiċħad jew tilqa’ l-appell, b’mod partikolari meta tqis li l-provi li diġà jkunu jinsabu fil-proċess iwasslu għal soluzzjoni li bl-ebda mod ma tkun tista’ tinbidel bi smigħ ġdid tal-appellant.

17

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-interpretazzjoni tagħha ġiet ikkonfermata mill-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni, l-Italja) li ddeċidiet, permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Ġunju 2016, li, “fir-rigward ta’ proċedura għal protezzjoni internazzjonali, il-qorti ma hijiex obbligata tordna s-smigħ tal-applikant għall-ażil”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18

Malli wasal l-Italja fl-20 ta’ Marzu 2015, M. Sacko immedjatament ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Fl-10 ta’ Marzu 2016, il-kummissjoni territorjali, marbuta mal-Prefettura di Milano (prefettura ta’ Milano, l-Italja), semgħet lil M. Sacko dwar is-sitwazzjoni tiegħu u r-raġunijiet għall-applikazzjoni tiegħu. Wara dan is-smigħ, irriżulta li M. Sacko telaq minn Mali minħabba li s-sitwazzjoni ekonomika personali tiegħu kienet marret lura serjament.

19

Permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva nnotifikata lill-persuna kkonċernata fil-5 ta’ April 2016, il-kummissjoni territorjali ċaħdet l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn M. Sacko u rrifjutat li tagħtih kemm l-istatus ta’ refuġjat kif ukoll l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, peress li rrilevat li din l-applikazzjoni kienet ibbażata fuq motivi purament ekonomiċi u mhux fuq motivi marbuta mal-eżistenza ta’ persekuzzjoni.

20

Fit-3 ta’ Mejju 2016, M. Sacko appella, quddiem il-qorti tar-rinviju, bil-għan li din id-deċiżjoni tiġi annullata, billi tenna l-motivi li kienu jinsabu fl-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u billi ta deskrizzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni li kienet teżisti f’Mali, mingħajr madankollu ma indika kif din tal-aħħar kellha impatt fuq is-sitwazzjoni personali tiegħu stess.

21

Il-qorti tar-rinviju tispjega li hija għandha l-intenzjoni li tiċħad l-appell ippreżentat minn M. Sacko bħala manifestament infondat, mingħajr ma l-ewwel tisimgħu.

22

Peress li madankollu hija għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali soluzzjoni mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikoli 12, 14, 31 u 46 tad-Direttiva 2013/32, it-Tribunale di Milano (qorti ta’ Milano, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-Direttiva 2013/32 (b’mod partikolari, l-Artikoli 12, 14, 31 u 46) għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti proċedura bħal dik Taljana (taħt l-Artikolu 19(9) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 150 tal-2011) li permezz tagħha awtorità ġudizzjarja adita minn applikant għall-ażil – li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda mill-awtorità amministrattiva responsabbli li teżamina l-applikazzjonijiet għall-ażil wara li wettqet eżami sħiħ, inkluż intervista – tista’, fil-każ fejn ir-rikors għal stħarriġ ġudizzjarju jkun [l-azzjoni ġudizzjarja tkun] manifestament infondat[a] u ċ-ċaħda tal-applikazzjoni mill-awtorità amministrattiva għalhekk ma tistax tiġi kkontestata, tiċħad prima facie r-rikors għal stħarriġ ġudizzjarju [tiċħad immedjatament l-azzjoni ġudizzjarja] mingħajr ma l-applikant jerġa’ jingħata l-opportunità li jinstema’?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, it-Tribunale di Milano (qorti ta’ Milano) tistaqsi essenzjalment jekk id-Direttiva 2013/32, b’mod partikolari l-Artikoli 12, 14, 31 u 46 tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li qorti nazzjonali, adita b’appell minn deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tkun manifestament infondata, tiċħad l-imsemmi appell mingħajr ma tisma’ lill-applikant, b’mod partikolari meta dan tal-aħħar ikun diġà nstema’ mill-awtorità amministrattiva u meta ċ-ċirkustanzi fattwali ma jħallu ebda dubju dwar il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda.

24

Għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet li hija titlob li jiġu interpretati ma timponi espressament li qorti adita bl-appell previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 għandha żżomm seduta għas-smigħ fil-kuntest ta’ tali appell.

25

Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/32, li jinsab fil-Kapitolu II tagħha, liema kapitolu huwa intitolat “Prinċipji u garanziji bażiċi”, jistabbilixxi l-garanziji mogħtija lill-applikanti u jagħmel distinzjoni espressa bejn, minn naħa, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-garanziji applikabbli biss għall-proċeduri previsti fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Proċeduri ta’ prima istanza”, u, min-naħa l-oħra, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-garanziji applikabbli għall-proċeduri previsti fil-Kapitolu V tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċeduri tal-appelli”. Issa, għalkemm l-Artikolu 12(2) tal-istess direttiva jispeċifika li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti kollha igawdu garanziji ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1(b) sa (e)”, id-dritt tal-applikant li jippreżenta osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura orali ma huwiex inkluż fost dawn il-garanziji elenkati b’mod eżawrjenti.

26

Fit-tieni lok, huwa minnu li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2013/32, li jinsab ukoll fil-Kapitolu II tagħha, jimponi fuq l-awtorità determinanti l-obbligu li, qabel ma tieħu deċiżjoni, tagħti l-opportunità lill-applikant li jkollu intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ma’ persuna kompetenti taħt id-dritt nazzjonali sabiex tmexxi tali intervista. Madankollu, mill-formulazzjoni nfisha ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32, jirriżulta li dan l-obbligu huwa indirizzat esklużivament lill-awtorità li tkun responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u li tkun kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza fuq dawn l-applikazzjonijiet, u għalhekk ma japplikax għall-proċeduri tal-appell.

27

Fit-tielet lok, l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32, li jinsab fil-Kapitolu III tagħha, intitolat “Proċeduri ta’ prima istanza”, jipprovdi li dawn il-proċeduri għandhom, bħala prinċipju, jiġu konklużi fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni, bla ħsara għall-possibbiltà ta’ estensjoni ta’ dan it-terminu għall-motivi deskritti fl-Artikolu 31(3) u (4) ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 31(8) tal-imsemmija direttiva jippermetti lill-Istati Membri, fil-każijiet elenkati minnu b’mod eżawrjenti, jiddeċiedu, filwaqt li josservaw il-prinċipji u l-garanziji bażiċi previsti fil-Kapitolu II tal-istess direttiva, li jħaffu l-proċedura ta’ eżami jew li jmexxu din il-proċedura fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-applikant ikun qajjem biss kwistjonijiet li ma humiex rilevanti għall-eżami dwar jekk huwa jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikseb l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95.

28

Fir-raba’ u fl-aħħar lok, l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, li jikkostitwixxi l-unika dispożizzjoni tal-Kapitolu V tagħha, intitolat “Proċeduri tal-appelli”, jipprevedi d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, inkluż kontra deċiżjonijiet li jiddikjaraw l-applikazzjoni inammissibbli jew infondata. Sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ dan id-dritt, l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 46(3) tal-imsemmija direttiva, jiżguraw li rimedju effettiv jipprevedi eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ liġi, inkluż, fejn ikun applikabbli, eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95, tal-inqas fil-kuntest ta’ proċeduri tal-appell quddiem qorti jew tribunal tal-ewwel istanza. Madankollu, la l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra tagħha ma jipprovdu li għandha tinżamm seduta għas-smigħ quddiem il-qorti adita bl-appell.

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-qrati tal-Istati Membri li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit mill-Artikolu 4(3) TUE, għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, filwaqt li, barra minn hekk, l-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri li jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 50, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2017, M, C‑560/14, EU:C:2017:101, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Dan l-obbligu impost fuq l-Istati Membri jikkorrispondi għad-dritt irrikonoxxut mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, li skontu kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 44).

31

Minn dan isegwi li l-karatteristiċi tar-rimedju previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu ddeterminati konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta li jikkostitwixxi riaffermazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva [ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 168), is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Tall, C‑239/14, EU:C:2015:824, punt 51].

32

L-imsemmi prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni huwa kkostitwit minn diversi elementi, li jinkludu, b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt ta’ aċċess għall-qrati u d-dritt li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 48).

33

F’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-proċeduri tal-ewwel istanza previsti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2013/32, għandu jitfakkar li l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv jaqa’, bħala prinċipju, fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri meta jieħdu miżuri li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 35, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 40).

34

B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt għal smigħ f’kull proċedura, li jifforma parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi l-fehma tagħha, b’mod utli u effettiv, matul proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa l-interessi tagħha b’mod negattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 3436, u tad-9 ta’ Frar 2017, M, C‑560/14, EU:C:2017:101, punti 2531).

35

F’dan ir-rigward, ir-regola li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma tittieħed din id-deċiżjoni għandha l-għan, b’mod partikolari, li din il-persuna tkun tista’ tikkorreġi żball jew tissottometti elementi marbuta mas-sitwazzjoni personali tagħha li jargumentaw fis-sens li d-deċiżjoni tittieħed jew ma tittiħidx jew li jkollha kontenut speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 47, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-proċeduri tal-appell previsti fil-Kapitolu V tad-Direttiva 2013/32, sabiex jiġi żgurat li l-eżerċizzju tad-dritt għal tali appell ikun effettiv, jeħtieġ li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tivverifika l-fondatezza tar-raġunijiet li wasslu lill-awtorità amministrattiva kompetenti li tqis l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala infondata jew abbużiva (ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2005/85, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 61).

37

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ smigħ tal-applikant matul proċedura tal-appell bħal dik prevista fil-Kapitolu V tad-Direttiva 2013/32 tikkostitwixxi restrizzjoni għad-drittijiet tad-difiża, li jifformaw parti mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, irrikonoxxut mill-Artikolu 47 tal-Karta.

38

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet fundamentali, bħar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li jinkludi d-dritt għal smigħ, ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jinkludu restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn tal-aħħar jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali li l-miżura inkwistjoni tfittex li tilħaq u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-iskop imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza nfisha tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 33; tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 43, u tas-7 ta’ Lulju 2016, Lebek, C‑70/15, EU:C:2016:524, punt 37).

39

Interpretazzjoni tad-dritt għal smigħ, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, fis-sens li dan tal-aħħar ma huwiex ta’ natura assoluta, hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li fid-dawl tagħha għandu jiġi interpretat l-imsemmi Artikolu 47, peress li l-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ dan l-artikolu jikkorrispondu għall-Artikolu 6(1) u għall-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci, C‑205/15, EU:C:2016:499, punti 4041 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-Artikolu 6(1) ta’ din il-konvenzjoni ma jimponix obbligu assolut li tinżamm seduta pubblika u ma jeżiġix neċessarjament li tinżamm seduta fil-proċeduri kollha, u ddeċidiet li, bl-istess mod, la t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra tagħha ma jimponu tali obbligu (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il‑Kummissjoni, C‑682/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:356, punt 44, li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti EDB tat-23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il-Finlandja, CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, § 41).

41

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, b’mod partikolari n-natura tal-att inkwistjoni, il-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u r-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 102, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2017, M, C‑560/14, EU:C:2017:101, punt 33).

42

F’dan il-każ, l-obbligu għall-qorti li għandha ġurisdizzjoni, previst fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, li twettaq eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ liġi għandu jiġi interpretat fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali rregolata minn din id-direttiva, kollha kemm hi, billi tittieħed inkunsiderazzjoni r-rabta stretta li teżisti bejn il-proċedura tal-appell quddiem qorti u l-proċedura tal-ewwel istanza li tippreċediha, li matulha l-applikant għandu jingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, konformement mal-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, peress li, skont l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/32, ir-rapport jew it-traskrizzjoni ta’ kull intervista personali ma’ applikant għandhom ikunu disponibbli b’rabta mal-fajl, il-kontenut ta’ dan ir-rapport jew ta’ din it-traskrizzjoni jikkostitwixxi element importanti għall-evalwazzjoni mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni meta din tal-aħħar twettaq l-eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ liġi, previst fl-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva.

44

Minn dan isegwi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 58 u 59 u 65 sa 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, li n-neċessità, għall-qorti adita bl-appell previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, li hija tisma’ lill-applikant għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-obbligu tagħha li twettaq l-eżami sħiħ u ex nunc previst fl-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva, għall-finijiet tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet u tal-interessi tal-applikant. Huwa biss jekk l-imsemmija qorti tqis li tista’ twettaq tali eżami abbażi biss tal-informazzjoni li tinsab fil-proċess, li tinkludi, jekk ikun il-każ, ir-rapport jew it-traskrizzjoni tal-intervista personali mal-applikant matul il-proċedura tal-ewwel istanza, li hija tista’ tiddeċiedi li ma tismax lill-applikant fil-kuntest tal-appell li bih tkun adita. Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, il-possibbiltà li ma ssirx seduta għas-smigħ tkun fl-interess kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti, imsemmi fil-premessa 18 tal-imsemmija direttiva, li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplet.

45

Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti adita bl-appell tqis li jkun neċessarju li l-applikant jinstema’ sabiex tkun tista’ twettaq l-eżami sħiħ u ex nunc meħtieġ, tali smigħ, ordnat mill-imsemmija qorti, jikkostitwixxi forma proċedurali li hija ma tistax tirrinunzja għaliha għar-raġunijiet ta’ ħeffa previsti fil-premessa 20 tad-Direttiva 2013/32. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerai fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm din il-premessa tippermetti li l-Istati Membri jħaffu l-proċedura ta’ eżami f’ċerti każijiet, u b’mod partikolari meta applikazzjoni tista’ tkun infondata, hija bl-ebda mod ma tawtorizza l-eliminazzjoni ta’ forom proċedurali neċessarji sabiex jiġi ggarantit id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-appellant.

46

Fil-każ ta’ applikazzjoni manifestament infondata fis-sens tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2013/32, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu impost fuq il-qorti li twettaq l-eżami sħiħ u ex nunc previst fl-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva jkun, bħala prinċipju, issodisfatt meta dik il-qorti tieħu inkunsiderazzjoni n-noti ppreżentati quddiem il-qorti adita bl-appell u l-informazzjoni oġġettiva li tinsab fil-fajl amministrattiv li jirriżulta mill-proċedura tal-ewwel istanza, inklużi, jekk ikun il-każ, ir-rapport jew ir-reġistrazzjoni tal-intervista personali magħmula fil-kuntest tagħha.

47

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li skontha ż-żamma ta’ seduta ma hijiex neċessarja meta l-kawża ma tqajjimx punti ta’ fatt jew ta’ liġi li ma jkunux jistgħu jiġu riżolti b’mod adegwat abbażi tal-proċess u tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il‑Kummissjoni, C‑682/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:356, punt 46, li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti EDB tat-12 ta’ Novembru 2002, Döry vs L-Isvezja, CE:ECHR:2002:1112JUD 002839495, § 37).

48

Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 ma jimponix fuq il-qorti adita b’appell minn deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tisma’ lill-applikant fiċ-ċirkustanzi kollha, huwa madankollu ma jawtorizzax lill-leġiżlatur nazzjonali jimpedixxi lil dik il-qorti milli tordna ż-żamma ta’ seduta għas-smigħ fil-każ fejn, peress li tkun qieset li l-informazzjoni miġbura waqt l-intervista personali magħmula matul il-proċedura tal-ewwel istanza hija insuffiċjenti, hija tqis li huwa neċessarju li tiġi organizzata tali seduta għas-smigħ għall-finijiet tal-eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ liġi, previst fl-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-Direttiva 2013/32, u b’mod partikolari l-Artikoli 12, 14, 31 u 46 tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li qorti nazzjonali, adita b’appell minn deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tkun manifestament infondata, tiċħad l-imsemmi appell mingħajr ma tisma’ lill-applikant meta ċ-ċirkustanzi fattwali ma jħallu ebda dubju dwar il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni, bil-kundizzjoni, minn naħa, li, matul il-proċedura tal-ewwel istanza, l-applikant ikun ingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, konformement mal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, u li r-rapport jew it-traskrizzjoni ta’ din l-intervista, fil-każ li tkun saret, ikunu disponibbli b’rabta mal-fajl, konformement mal-Artikolu 17(2) tal-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, li l-qorti adita bl-appell tkun tista’ tordna tali smigħ jekk tqis li jkun neċessarju għall-finijiet tal-eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ liġi, previst fl-Artikolu 46(3) tal-istess direttiva.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2013/32 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, u b’mod partikolari l-Artikoli 12, 14, 31 u 46 tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li qorti nazzjonali, adita b’appell minn deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tkun manifestament infondata, tiċħad l-imsemmi appell mingħajr ma tisma’ lill-applikant meta ċ-ċirkustanzi fattwali ma jħallu ebda dubju dwar il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni, bil-kundizzjoni, minn naħa, li, matul il-proċedura tal-ewwel istanza, l-applikant ikun ingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, konformement mal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, u li r-rapport jew it-traskrizzjoni ta’ din l-intervista, fil-każ li tkun saret, ikunu disponibbli b’rabta mal-fajl, konformement mal-Artikolu 17(2) tal-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, li l-qorti adita bl-appell tkun tista’ tordna tali smigħ jekk tqis li jkun neċessarju għall-finijiet tal-eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ liġi, previst fl-Artikolu 46(3) tal-istess direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.