Kawżi magħquda C‑331/16 u C‑366/16
K.
vs
Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie
u
H. F.
vs
Belgische Staat
(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg, u mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38/KE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) – Limitazzjoni tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika – Tkeċċija mit-territorju minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Aġir li jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà – Persuna li l-applikazzjoni tagħha għall-ażil ġiet irrifjutata għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvezjoni ta’ Genève jew tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 28(1) – Artikolu 28(3)(a) – Protezzjoni minn tkeċċija – Residenza fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti – Raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika – Kunċett”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑2 ta’ Mejju 2018
Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Limitazzjoni tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika – Ordni pubbliku – Kunċett
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 27 u 28)
Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Limitazzjoni tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika – Sigurtà pubblika – Kunċett
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 27 u 28)
Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Limitazzjoni tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika – Miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Restrizzjoni nazzjonali fuq il-moviment liberu u residenza libera li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati jew l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95 – Ammissibbiltà
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2))
Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika – Aġir li jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà – Persuna li kienet is-suġġett, fil-passat, ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati jew l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95 – Ċirkustanza mhux determinanti – Obbligu li twettaq evalwazzjoni tal-aġir personali tal-individwu kkonċernat
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2))
Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Protezzjoni minn tkeċċija – Ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni qabel it-teħid tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 28(1))
Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Protezzjoni minn tkeċċija – Kundizzjoni – Residenza matul l-għaxar snin li jippreċedu d-deċiżjoni ta’ tkeċċija – Kundizzjoni għall-applikazzjoni – Persuna kkonċernata li għandha dritt ta’ residenza permanenti
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 28(3)(a))
Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “ordni pubbliku”, li jinsab fl-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38, ġie interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li l-użu ta’ dan il-kunċett jippreżupponi, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza, minbarra l-inkwiet għall-ordni soċjali li kull ksur tal-liġi jinvolvi, ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, H. T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).
(ara l-punt 41)
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “sigurtà pubblika” mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett ikopri kemm is-sigurtà interna ta’ Stat Membru u s-sigurtà esterna (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 43). Is-sigurtà interna tista’ tiġi affettwata, b’mod partikolari, minn theddida diretta għat-trankwillità u għas-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2012, I, C‑348/09, EU:C:2012:300, punt 28). Dwar is-sigurtà esterna, din tista’ tiġi affettwata, b’mod partikolari, mir-riskju ta’ perturbazzjoni gravi tar-relazzjonijiet esterni ta’ dan l-Istat Membru jew tal-koeżistenza paċifika tal-popli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 44).
(ara l-punt 42)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punt 47)
L-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ tali ċittadin, li jitlob l-għoti ta’ dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru, kien, fil-passat, is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 u kkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York, fil‑31 ta’ Jannar 1967, jew l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, ma jippermettix lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru li jikkunsidraw awtomatikament li s-sempliċi preżenza tiegħu f’dan it-territorju tikkostitwixxi, irrispettivament mill-eżistenza jew le ta’ riskju ta’ reċidiva, theddida reali, attwali u serja biżżejjed għal interess fundamentali tas-soċjetà, li tista’ tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika.
Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali theddida għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, ta’ aġir personali tal-individwu kkonċernat, li tieħu inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat u l-elementi li fuqhom din hija bbażata, b’mod partikolari n-natura u l-gravità tad-delitti jew l-aġir li huwa akkużat bihom, il-livell tal-implikazzjoni individwali tiegħu fihom, l-eżistenza possibbli ta’ raġunijiet ta’ eżenzjoni tar-responsabbiltà kriminali tiegħu kif ukoll l-eżistenza jew le ta’ kundanna kriminali. Din l-evalwazzjoni globali għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni t-tul li għadda mit-twettiq preżunt ta’ dawn id-delitti jew aġir kif ukoll l-aġir ulterjuri tal-imsemmi individwu, b’mod partikolari dwar jekk dan l-aġir jurix persistenza, fih, ta’ attitudini ta’ preġudizzju ħsara għall-valuri fundamentali msemmija fl-Artikoli 2 u 3 TUE, b’mod li jista’ jipperturba t-trankwillità u s-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni. Is-sempliċi fatt li l-aġir passat ta’ dan l-individwu jinserixxi ruħu fil-kuntest storiku u soċjali speċifiku tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, li ma jistax jirrepeti ruħu fl-Istat Membru ospitanti, ma huwiex ta’ ostakolu għal tali konstatazzjoni.
Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom, barra minn hekk, jibbilanċjaw, minn naħa, il-protezzjoni tal-interess fundamentali tas-soċjetà inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-persuna kkonċernata, dwar l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħha bħala ċittadin tal-Unjoni kif ukoll għad-dritt tagħha ta’ rispett tal-ħajja privata u tal-familja.
(ara l-punti 65 sa 67, u d-dispożittiv 1)
L-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-miżuri previsti jimplikaw it-tkeċċija tal-individwu kkonċernat tal-Istat Membru ospitanti, dan tal-aħħar għandu jieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-aġir ta’ dan l-individwu, it-tul u, skont il-każ, in-natura legali tar-residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru, il-perijodu li għadda mill-aġir li ġie akkużat bih, il-kondotta tiegħu matul dan il-perijodu, il-grad tal-perikolu attwali tiegħu għas-soċjetà, kif ukoll is-solidità tar-rabtiet soċjali, kulturali u tal-familja mal-imsemmi Stat Membru.
(ara l-punt 76 u d-dispożittiv 2)
L-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal ċittadin tal-Unjoni Ewropea li ma għandux dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti, fis-sens tal-Artikolu 16 u tal-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva.
(ara l-punt 77 u d-dispożittiv 2)