Kawża C‑315/16

József Lingurár

vs

Miniszterelnökséget vezető miniszter,

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kúria)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEŻR – Appoġġ għall-iżvilupp rurali – Ħlasijiet Natura 2000 – Benefiċċju rriżervat għall-persuni privati – Żona forestali parzjalment proprjetà tal-Istat”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-30 ta’ Marzu 2017

  1. Atti tal-istituzzjonijiet-Regolamenti-Applikabbiltà diretta-Kompetenza ta’ implementazzjoni rrikonoxxuta lil Stat Membru-Limiti-Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE)

  2. Agrikoltura-Politika Agrikola Komuni-Finanzjament mill-FAEŻR-Għajnuna għall-iżvilupp rurali-Għajnuna favur użu sostenibbli tal-art forestali-Benefiċċju rriżervat għall-persuni privati-Żona forestali parzjalment proprjetà tal-Istat-Kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna-Obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn is-superfiċje proprjetà tal-Istat u dik propjetà ta’ persuna privata

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1698/2005, Artikolu 42(1))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 17, 18, 29)

  2.  L-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta żona forestali eleġibbli għall-appoġġ Natura 2000 hija parzjalment proprjetà tal-Istat u parzjalment proprjetà ta’ sid privat, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn is-superfiċje ta’ din iż-żona proprjetà tal-Istat u dik proprjetà ta’ dan is-sid privat għall-kalkolu tal-ammont tal-appoġġ li għandu jitħallas lil dan tal-aħħar.

    Issa, il-fatt li parti minn plott ta’ żona forestali klassifikata bħala Natura 2000 ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ Natura 2000, għar-raġuni li din hija proprjetà tal-Istat, ma jwassalx għall-għajbien tan-neċessità ta’ kumpens għar-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-plottijiet ta’ din iż-żona proprjetà ta’ sid privat minħabba l-implementazzjoni tar-rekwiżiti previsti minn dawn id-direttivi.

    Għalhekk, l-esklużjoni totali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 ta’ żona forestali kklassifikata bħala Natura 2000 li hija l-proprjetà kemm ta’ sid privat kif ukoll tal-Istat neċessarjament telimina l-għan kumpensatorju tas-sistema ta’ ħlasijiet Natura 2000.

    (ara l-punti 27, 28, 36 u d-dispożittiv)