Kawża C‑301/16 P
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd
“Appell – Politika kummerċjali – Dumping – Importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina miċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 2(7)(b) u (ċ) – Status ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq – Kunċett ta’ ‘distorsjoni sinjifikattiva miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq’, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) – Vantaġġi fiskali”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat‑28 ta’ Frar 2018
Politika kummerċjali komuni–Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping–Marġni ta’ dumping–Determinazzjoni tal-valur normali–Importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq–Għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq–Kundizzjonijiet–Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-produtturi–Evalwazzjoni tal-provi mill-istituzzjonijiet–Stħarriġ ġudizzjarju–Limiti
(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 2(7)(b) u (ċ))
Politika kummerċjali komuni–Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping–Marġni ta’ dumping–Determinazzjoni tal-valur normali–Importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq–Għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq–Kundizzjonijiet–Spejjeż ta’ produzzjoni u sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża li ma huma s-suġġett ta’ ebda distorsjoni importanti kkawżata mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq–Kunċett ta’ sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq
(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ)).
Politika kummerċjali komuni–Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping–Marġni ta’ dumping–Determinazzjoni tal-valur normali–Importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq–Għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq–Kundizzjonijiet–Spejjeż ta’ produzzjoni u sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża li ma huma s-suġġett ta’ ebda distorsjoni importanti kkawżata mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq–Oneru tal-prova–Għoti ta’ vantaġġi fiskali għall-investimenti barranin f’setturi strateġiċi–Preżunzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ)).
Appell–Aggravji–Aggravju mressaq għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell–Aggravju fformulat kontra motiv tas-sentenza appellata–Aggravju intiż li jikkontesta l-fondatezza tas-sentenza appellata–Aggravju li joriġina mis-sentenza appellata stess–Ammissibbiltà
(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 169)
Politika kummerċjali komuni–Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping–Marġni ta’ dumping–Determinazzjoni tal-valur normali–Importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq–Għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq–Kundizzjonijiet–Spejjeż ta’ produzzjoni u sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża li ma huma s-suġġett ta’ ebda distorsjoni importanti kkawżata mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq–Vantaġġi fiskali marbuta mal-implementazzjoni ta’ pjan fuq ħames snin fiċ-Ċina–Preżunzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ)).
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 66, 67, 69)
Il-kliem “sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq”, kif jinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, jagħmel riferiment għas-sistema ekonomika ta’ qabel li kienet iġġustifikat l-użu sistematiku tal-metodu tal-pajjiż simili fil-konfront tal-produtturi Ċiniżi, iżda li r-Repubblika Popolari taċ-Ċina tbiegħdet minnha. Issa, huwa magħruf li, sew qabel l‑1 ta’ Lulju 1998, data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 905/98 li jemenda r-Regolament Nru 384/96 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, li introduċa d-dispożittiv inkluż sussegwentement, b’mod partikolari, fl-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1225/2009, is-sistema ekonomika prevalenti fiċ-Ċina diġà ma kinitx għadha dik ta’ pajjiż ta’ kummerċ tal-Istat. Fil-fatt, kienet dik ta’ pajjiż li, filwaqt li dejjem nieqes minn ekonomija tas-suq, kien diġà s-suġġett ta’ ċerti riformi li jnaqqsu l-kontroll tal-Istat, iżda li l-ekonomija tiegħu, f’numru kbir sew ta’ setturi, kienet għadha kkaratterizzata, b’mod partikolari, mill-irwol importanti li kellhom il-pjanijiet fuq ħames snin.
(ara l-punti 77, 78)
Fil-konfront tal-finalità tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, li hija li jiġi żgurat li l-produttur jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u, b’mod partikolari, li l-ispejjeż li huwa suġġett għalihom u l-prezzijiet li huwa jistabbilixxi jkunu jirriżultaw mill-effetti ħielsa tal-forzi tas-suq, huwa indifferenti, għall-finijiet tat-tielet inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, li s-sistema ekonomika inkwistjoni tkun ekonomija ta’ kummerċ tal-Istat jew tip ieħor ta’ ekonomija li ma hijiex ekonomija tas-suq. Minn dan isegwi li t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament għandu jinftiehem fis-sens li jimponi fuq il-produttur l-obbligu li jistabbilixxi, sal-grad rikjest mil-liġi, li l-ispejjeż ta’ produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu ma huma s-suġġett tal-ebda distorsjoni sinjifikanti li tirriżulta minn sistema ekonomika li ma hijiex ekonomija tas-suq, li, skont il-każ, tkun sistema diġà fi tranżizzjoni, għal ċerti setturi, lejn sistema ta’ ekonomija tas-suq.
Għaldaqstant, ir-rabta ta’ miżura li tikkonsisti fl-għoti ta’ vantaġġi fiskali għall-investimenti barranin f’setturi meqjusa strateġiċi, bħat-teknoloġija għolja, ma’ pjanijiet differenti implementati fiċ-Ċina hija biżżejjed sabiex jiġi preżunt li din il-miżura tikkostitwixxi distorsjoni miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, fis-sens tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Nru 1225/2009.
(ara l-punti 83‑85, 95)
Rikorrent għandu dritt jappella billi jinvoka, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, aggravji li rriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha.
(ara l-punt 90)
Peress li l-vantaġġi fiskali mogħtija miċ-Ċina jistgħu jkunu marbuta ma’ pjanijiet differenti implementati f’dan il-pajjiż u li dan tal-aħħar, minkejja r-riformi tal-mudell ekonomiku tiegħu, għadu jitqies, bħalma jirriżulta mid-dispożittiv previst fl-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, li huwa, bħala prinċipju, pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, il-kuntest li dawn il-vantaġġi fiskali jidħlu fih huwa differenti sew minn dak li joperaw fih miżuri eventwalment simili f’pajjiżi b’ ekonomija tas-suq.
F’dak li jirrigwarda s-sistema ekonomika partikolari prevalenti fiċ-Ċina, kif imsemmi fid-dispożittiv previst fl-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1225/2009, jiġifieri sistema ekonomika fi tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq, iżda li għadha titqies, awtomatikament, bħala sistema li ma hijiex ekonomija tas-suq jekk il-vantaġġi fiskali inkwistjoni huma marbuta ma’ pjanijiet differenti implementati fiċ-Ċina, ma jistax jitqies li dawn il-vantaġġi huma inkonsistenti ma’ tali sistema. Għall-kuntrarju, peress li l-vantaġġi fiskali kkonċernati jimplementaw pjan fuq ħames snin, element karatteristiku tal-ekonomiji li ma humiex tas-suq u fundamentali fl-organizzazzjoni ekonomika Ċiniża, jista’ jiġi preżunt li dawn il-miżuri kienu ġew miġura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq.
(ara l-punti 104, 107, 108)