SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
9 ta’ Novembru 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – Dritt għal amministrazzjoni tajba u drittijiet tad-difiża – Leġiżlazzjoni nazzjonali fiskali li tipprevedi d-dritt għal smigħ u d-dritt għal informazzjoni matul proċedura amministrattiva fiskali – Deċiżjoni ta’ impożizzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud maħruġa mill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali mingħajr l-għoti lill-persuna taxxabbli tal-aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti li jservu ta’ bażi għall-imsemmija deċiżjoni”
Fil-Kawża C-298/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj (qorti tal-appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura
Teodor Ispas,
Anduţa Ispas
vs
Direcţia Generală a Finanţelor Publice Cluj,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Mejju 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Teodor Ispas u Anduţa Ispas, minn C. F. Costaş u L. Sabou, avukati, |
– |
għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu kif ukoll E. Gane, R. Mangu u C.-M. Florescu, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios kif ukoll H. Stancu, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Settembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Teodor Ispas u martu, Anduţa Ispas (iktar ’il quddiem il-“konjuġi Ispas”) u d-Direcţia Generală a Finanţelor Publice Cluj (Direttorat Ġenerali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Cluj, ir-Rumanija) dwar avviż ta’ stima tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). |
Id-dritt Rumen
3 |
Skont l-Artikolu 7(2) tal-Ordonanța Guvernului nr. 92/2003 privind Codul de procedură fiscală (Ordni tal-Gvern Nru 92/2003 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 863 tas-26 ta’ Settembru 2005), fil-verżjoni fis-seħħ fil-25 ta’ April 2012 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali”): “L-awtorità tat-taxxa hija awtorizzata teżamina ex officio s-sitwazzjoni fattwali, tikseb u tagħmel użu mill-informazzjoni u d-dokumenti kollha neċessarji sabiex tistabbilixxi b’mod korrett is-sitwazzjoni fiskali tal-persuna taxxabbli. […]” |
4 |
Skont l-Artikolu 9 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Dritt għal smigħ”: “(1) Qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha, l-awtorità tat-taxxa għandha tiżgura li l-persuna taxxabbli jkollu l-opportunità li tesprimi l-fehma tagħha dwar il-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti għat-teħid tad-deċiżjoni. (2) L-awtorità tat-taxxa ma hijiex marbuta li tapplika l-paragrafu 1 jekk:
[…]” |
5 |
L-Artikolu 43 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Kontenut u motivazzjoni tal-att amministrattiv fiskali” jipprovdi: “(1) Att amministrattiv fiskali għandu jsir bil-miktub, fuq il-karta jew f’forma elettronika. (2) Att amministrattiv fiskali li jsir fuq il-karta għandu jindika l-affarijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 101 tal-istess kodiċi, intitolat “Avviż tal-ispezzjoni tat-taxxa”, jipprevedi: “(1) Qabel ma twettaq spezzjoni tat-taxxa, l-awtorità tat-taxxa għandha tinforma lill-persuna taxxabli dwar l-iżvolġiment tal-azzjoni billi tittrażmettilha avviż tal-ispezzjoni tat-taxxa. (2) Wara li tkun irċiviet l-avviż tal-ispezzjoni tat-taxxa, il-persuna taxxabbli tista’ titlob, darba waħda biss, il-posponiment tad-data tal-bidu tal-ispezzjoni tat-taxxa għal raġunijiet debitament iġġustifikati. Il-posponiment jiġi aċċettat jew irrifjutat mill-awtorità tat-taxxa, li tagħti deċiżjoni f’dan ir-rigward. Fil-każ li hija taċċetta t-talba għal posponiment tal-ispezzjoni tat-taxxa, l-awtorità tat-taxxa għandha tinforma lill-persuna taxxabbli dwar id-data li għaliha ġiet posposta din l-ispezzjoni. (3) L-avviż tal-ispezzjoni tat-taxxa għandu jsemmi:
|
7 |
L-Artikolu 107 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, intitolat “Dritt għal informazzjoni tal-persuna taxxabbli”, huwa fformulat kif ġej: “(1) Il-persuna taxxabbli għandha tkun informata, matul l-ispezzjoni tat-taxxa, dwar il-konstatazzjonijiet magħmula matul dik l-ispezzjoni. (2) L-awtorità tat-taxxa għandha tippreżenta lill-persuna taxxabbli l-abbozz tar-rapport ta’ spezzjoni tat-taxxa, li jkun fih il-konstatazzjonijiet u l-konsegwenzi fiskali tagħhom, u għandha tagħtiha l-opportunità li tiddikjara l-fehma tagħha skont l-Artikolu 9(1), sakemm il-bażijiet tat-taxxa jibqgħu ma jinbidlux għalkollox wara l-ispezzjoni tat-taxxa jew il-persuna taxxabbli tkun irrinunzjat dan id-dritt u tkun innotifikat lill-korpi ta’ spezzjoni tat-taxxa dwar dak il-fatt. (3) Id-data, il-ħin u l-post tal-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lill-persuna taxxabbli f’ħin xieraq. (4) Il-persuna taxxabbli għandha d-dritt li tippreżenta, bil-miktub, il-fehma tagħha dwar il-konstatazzjonijiet tal-ispezzjoni tat-taxxa f’terminu ta’ 3 ijiem tax-xogħol mid-data li fiha l-ispezzjoni tkun intemmet.” (5) Id-data tal-għeluq tal-ispezzjoni tat-taxxa hija d-data prevista għad-diskussjoni finali mal-persuna taxxabbli jew id-data li fiha l-persuna taxxabbli tinnotifika r-rinunzja tagħha għal dan id-dritt. […]” |
8 |
L-Artikolu 109 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Rapport dwar ir-riżultati tal-ispezzjoni tat-taxxa”, jipprevedi: “(1) Ir-riżultat tal-ispezzjoni tat-taxxa għandu jingħata bil-miktub, permezz ta’ rapport ta’ spezzjoni tat-taxxa, li jiddeskrivi l-konstatazzjonijiet tal-ispezzjoni tat-taxxa mill-perspettiva fattwali u legali. (2) Ir-rapport tal-ispezzjoni tat-taxxa huwa stabbilit wara l-ispezzjoni tat-taxxa u jinkludi l-konstatazzjonijiet kollha tal-perijodi u tal-obbligi fiskali vverifikati. Jekk il-persuna taxxabbli tkun eżerċitat id-dritt previst fl-Artikolu 107(4), ir-rapport tal-ispezzjoni tat-taxxa għandu jinkludi wkoll l-avviż tal-awtorità tat-taxxa, immotivat fil-fatt u fid-dritt, fuq dan il-punt. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 |
Il-konjuġi Ispas, żviluppaturi ta’ proprjetà immobbli, kienu s-suġġett ta’ spezzjoni tat-taxxa għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2011. Din l-ispezzjoni kienet intiża tivverifika l-fajls tat-taxxa tagħhom u l-kontabbiltà tal-attivitajiet tagħhom fil-qasam ta’ tranżazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli kif ukoll il-metodu tad-determinazzjoni, tad-dikjarazzjoni u tal-ħlas tal-obbligi fiskali tagħhom. |
10 |
Wara din l-ispezzjoni tat-taxxa, ġie stabbilit li l-konjuġi Ispas kienu kisbu, mill-Consiliul Local Floresti (kunsill muniċipali ta’ Florești, ir-Rumanija), ħames permess tal-bini u li l-appartamenti li nbnew fuq il-bażi ta’ dawn il-permessi kienu bdew jinbiegħu minn Diċembru 2007. |
11 |
Fid-dawl tal-fatt li, permezz tat-73 kuntratt ta’ bejgħ li kienu kkonkludew, il-konjuġi Ispas wettqu attività ekonomika, u peress li t-tranżazzjonijiet kienu ta’ natura permanenti, id-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Cluj iddeċieda li huma saru persuni taxxabbli għall-finijiet tal-VAT u li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni kienu taxxabbli abbażi ta’ din it-taxxa. Din l-attività ekonomika nbdiet fid-data tal-ewwel infiq għall-bini tal-proprjetà immobbli kkonċernata u mhux fid-data tal-bejgħ tagħha. |
12 |
Id-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Cluj, għalhekk, fil-25 ta’ April 2012, ħareġ żewġ avviżi ta’ stima tat-taxxa, bl-impożizzjoni ta’ ammont addizzjonali ta’ VAT ta’ 513489 leu Rumen (RON) fuq kull wieħed mill-konjuġi (madwar EUR 114000) u ta’ RON 451546 (madwar EUR 100000) bħala interessi moratorji, kif ukoll ta’ RON 7860 (madwar EUR 1700) bħala penali għal ħlas tard. |
13 |
Il-konjuġi Ispas ikkontestaw dawn l-avviżi ta’ stima tat-taxxa quddiem il-Curtea de Apel Cluj (qorti tal-appell ta’ Cluj, ir-Rumanija). Permezz tar-rikorsi tagħhom, li ngħaqdu minn din il-qorti, huma jinvokaw l-invalidità tal-imsemmija avviżi ta’ stima tat-taxxa minħabba li d-drittijiet tad-difiża tagħhom ma kinux ġew irrispettati. |
14 |
Il-konjuġi Ispas huma tal-opinjoni li, minflok sempliċement jistidnuhom għal diskussjoni finali, id-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Cluj kellu jagħtihom aċċess ex officio għall-informazzjoni rilevanti kollha li fuq il-bażi tagħha huwa adotta r-rapport ta’ spezzjoni tat-taxxa u ħareġ iż-żewġ avviżi ta’ stima, sabiex huma jkunu jistgħu jikkontestawhom ulterjorment. |
15 |
Huma għalhekk talbu lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari f’dan ir-rigward. |
16 |
Fl-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ din it-talba, id-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Cluj talab lill-konjuġi Ispas jispeċifikaw liema dokumenti, fil-fehma tagħhom, kellhom jingħatawlhom. |
17 |
Il-konjuġi Ispas jindikaw madankollu li huma ma humiex qed jitolbu, f’dan l-istadju tal-kawża prinċipali, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni miġbura matul il-proċedura ta’ spezzjoni tat-taxxa. |
18 |
Huma jistaqsu madankollu dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-fatt li, minn naħa, informazzjoni u provi ġew miġbura barra mill-kuntest tal-ispezzjoni tat-taxxa u, min-naħa l-oħra, l-aċċess għal din l-informazzjoni ma ġietx awtorizzata fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva preliminari. Huma jixtiequ jistabbilixxu jekk nuqqas bħal dan jistax jiġi rrimedjat billi jingħata aċċess għal dawn id-dokumenti matul il-proċeduri ġudizzjarji. |
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Cluj (qorti tal-appell ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “Prattika amministrattiva li tikkonsisti fit-teħid ta’ deċiżjoni li timponi obbligi fuq individwu mingħajr ma tippermettilu aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti kollha meħuda inkunsiderazzjoni mill-awtorità pubblika fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, peress li din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti jinsabu fil-fajl amministrattiv, mhux miftuħ għall-pubbliku, stabbilit mill-awtorità pubblika, hija konformi mal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet ta’ difiża?” |
Fuq l-ammissibbiltà
20 |
Il-gvern Rumen u l-Kummissjoni Ewropea jinvokaw l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax b’mod suffiċjenti l-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli. Barra minn hekk, skont il-gvern Rumen, il-qorti tar-rinviju ma wriex li d-domanda preliminari hija utli u rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
21 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentarju u fattwali li huwa l-kompitu tagħha li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Sommer Antriebs- und Funktechnik, C-369/14, EU:C:2015:491, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
22 |
Fil-fatt, in-neċessità li wieħed jasal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi, kif jenfasizza l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi li hija tagħmel jew li, mill-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C‑384/08, EU:C:2010:133, punt 32, u tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C-514/12, EU:C:2013:799, punt 17). |
23 |
F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 23 u 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni tar-rinviju fiha elementi fattwali bażiċi li, fil-fatt, ippermettew lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, minkejja li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tidentifikax dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, (ĠU 2006, L 347, p. 1) l-obbligi ġenerali li joħorġu minn din id-direttiva huma faċilment identifikabbli u l-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju. |
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id-domanda preliminari
25 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li, fi proċeduri amministrattivi nazzjonali intiżi għall-verifika u għall-istabbiliment tal-bażi tal-VAT, individwu għandux ikollu aċċess għall-informazzjoni u d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl amministrattiv u kkunsidrati mill-awtorità pubblika għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha. |
26 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa applikabbli meta l-amministrazzjoni tipproponi li tieħu kontra persuna att li jikkawżalha preġudizzju. Skont dan il-prinċipju, li jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod notevoli għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv f’dak li jirrigwarda l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha. L-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri huma suġġetti għal dan l-obbligu meta jieħdu deċiżjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli ma tipprovdix espressament tali rekwiżit proċedurali (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C-419/14, EU:C:2015:832, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
L-imsemmi prinċipju ġenerali huwa applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fihom Stat Membru, sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligu, li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jadotta l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi kollha xierqa sabiex jiżgura l-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorju tiegħu u li jiġġieled kontra l-frodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C-617/10, EU:C:2013:105, punt 25), jissuġġetta persuni taxxabbli għal proċedura ta’ spezzjoni tat-taxxa. |
28 |
Għalkemm is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandha titqies fl-istess ħin, l-awtonomija li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-proċeduri amministrattivi tagħhom. |
29 |
Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, il-metodi proċedurali intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-persuni taxxabbli jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li, fil-prattika, ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2017, Euro Park Service, C-14/16, EU:C:2017:177, punt 36). |
30 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, huwa paċifiku li r-regoli proċedurali Rumeni applikabbli għall-verifiki tal-obbligi fil-qasam tal-VAT ma humiex speċifiċi għal dan il-qasam, li jfisser li ksur tal-imsemmi prinċipju jista’ jiġi eskluż. |
31 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi rrilevat li l-ħtieġa, imfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li wieħed ikun jista’ jesponi utilment il-perspettiva tiegħu dwar l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha tippresupponi li d-destinatarji tagħha jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkollhom għarfien tal-imsemmija elementi. |
32 |
Għal dan il-għan, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 121 u 122 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali ma humiex suġġetti għal obbligu ġenerali li jipprovdu la aċċess sħiħ għall-fajl għad-dispożizzjoni tagħhom u lanqas li jgħaddu ex officio d-dokumenti u l-informazzjoni insostenn tad-deċiżjoni prevista. |
33 |
F’proċedura ta’ spezzjoni tat-taxxa, intiża sabiex tivverifika jekk il-persuni taxxabbli kkonformawx ruħhom mal-obbligi tagħhom f’dan il-qasam, huwa fil-fatt leġittimament mistenni li dawn jitolbu l-aċċess għal dawn id-dokumenti u għal din l-informazzjoni, sabiex, jekk ikun il-każ, jipprovdu spjegazzjonijiet jew jissottomettu r-raġunijiet tagħhom fil-konfront tal-perspettiva tal-amministrazzjoni tat-taxxa. |
34 |
Ir-rispett effettiv tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi madankollu li tkun teżisti possibbltà reali ta’ aċċess għall-imsemmija dokumenti u għall-imsemmija informazzjoni, sakemm għanijiet ta’ interess ġenerali ma jiġġustifikawx li dan l-aċċess ikun ristrett. |
35 |
Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta, iżda jista’ jiġi suġġett għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali li għandhom jintlaħqu mill-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jista’ jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti (sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C-418/11, EU:C:2013:588, punt 84, kif ukoll tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C-129/13 u C-130/13, EU:C:2014:2041, punt 42). |
36 |
F’dan ir-rigward, f’proċedura ta’ spezzjoni tat-taxxa u ta’ stabbiliment tal-bażi tal-VAT, tali restrizzjonijiet, stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jistgħu b’mod partikolari jkunu intiżi sabiex jipproteġu l-ħtiġijiet ta’ kunfidenzjalità jew ta’ sigriet professjonali, li jistgħu jkunu ppreġudikati mill-aċċess għal ċerta informazzjoni u ċerti dokumenti. |
37 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ effettività humiex irrispettati f’dan il-każ, għandu jiġi evalwat mhux biss il-kontenut tar-regoli tal-proċedura nazzjonali rilevanti, iżda wkoll l-applikazzjoni konkreta tagħhom. Din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti tar-rinviju. |
38 |
Fir-rigward, fl-aħħar nett, tad-dubji li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali esprimew dwar il-portata tal-istħarriġ tal-legalità ta’ deciżjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT, l-imsemmija qorti hija l-unika li tista’ twettaq il-konstatazzjonijiet neċessarji u tressaq, jekk ikun xieraq, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-ħtiġijiet tad-dritt tal-Unjoni marbuta mal-imsemmi verifika. |
39 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi interpretat fis-sens li, fi proċeduri amministrattivi intiżi għall-verifika u għall-istabbiliment tal-bażi tal-VAT, individwu għandu jkollu l-possibbiltà li jingħata, fuq talba tiegħu, l-informazzjoni u d-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv u kkunsidrati mill-awtorità pubblika għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, sakemm għanijiet ta’ interess ġenerali jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tal-aċċess għall-imsemmija informazzjoni u għall-imsemmija dokumenti. |
Fuq l-ispejjeż
40 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi interpretat fis-sens li, fi proċeduri amministrattivi intiżi għall-verifika u għall-istabbiliment tal-bażi tat-taxxa fuq il-valur miżjud, individwu għandu jkollu l-possibbiltà li jingħata, fuq talba tiegħu, l-informazzjoni u d-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv u kkunsidrati mill-awtorità pubblika għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, sakemm għanijiet ta’ interess ġenerali jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tal-aċċess għall-imsemmija informazzjoni u għall-imsemmija dokumenti. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.