SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi – Kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva – Bejgħ minn bejjiegħ bl-ingrossa lil bejjiegħa bl-imnut – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-bejgħ b’telf – Eċċezzjonijiet ibbażati fuq kriterji mhux previsti mill-imsemmija direttiva”

Fil-Kawża C‑295/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 4 de Murcia (qorti amministrattiva provinċjali Nru 4 ta’ Murcia, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

Europamur Alimentación SA

vs

Dirección General de Comercio y Protección del Consumidor de la Comunidad Autónoma de la Región de Murcia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger, u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ April 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Europamur Alimentación SA, minn F. Bueno Sánchez, Procurador, kif ukoll minn A. García Medina, abogado,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán u G. Goddin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Europamur Alimentación SA (iktar ’il quddiem “Europamur”) u d-Dirección General de Comercio y Protección del Consumidor de la Communidad Autónoma de la Región de Murcia (direttorat ġenerali tal-kummerċ u tal-protezzjoni tal-konsumaturi tal-komunità awtonoma tar-reġjun ta’ Murcia, Spanja), li qabel kienet magħrufa bħala Dirección General de Consumo, Comercio y Artesanía de la Comunidad Autónoma de la Región de Murcia (direttorat ġenerali tal-konsum, tal-kummerċ u tal-artiġjanat tal-komunità awtonoma tar-reġjun ta’ Murcia, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni reġjonali”), rigward il-legalità ta’ sanzjoni amministrattiva imposta fuq Europamur minħabba ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ b’telf prevista mil-leġiżlazzjoni Spanjola dwar il-kummerċ bl-imnut.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 6, 8 u 17 tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali jgħidu kif ġej:

“(6)

Din id-Direttiva […] tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. […] Hija la tkopri u lanqas tolqot il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi transazzjoni bejn kummerċjanti; b’kont sħiħ meħud tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jirregolaw prattiċi bħal dawn, b’konformità mal-liġi Komunitarja, jekk jagħżlu li jagħmlu dan. […]

[…]

(8)

Din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur. […]

[…]

(17)

Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘konsumatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntest ta’ prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha;

b)

‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant;

[…]

d)

‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ […] tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

[…]”

6

L-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.”

7

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali:

“L-Istati Membri la għandhom jirrestrinġu l-libertà tal-provvista ta’ servizzi u lanqas għandhom jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva.”

8

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.   Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)

hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

b)

toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[…]

4.   B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li:

a)

jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

jew

b)

jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5.   Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

Id-dritt Spanjol

Il-leġiżlazzjoni dwar il-kummerċ bl-imnut

9

Skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-Ley 7/1996 de Ordenación del Comercio Minorista (Liġi 7/1996, li tirregola l-kummerċ bl-imnut), tal-15 ta’ Jannar 1996 (BOE Nru 15, tas-17 ta’ Jannar 1996, p. 1243), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“LOCM”):

“Din il-liġi [għandha, b’mod partikolari, l-għan] li tikkoreġi l-iżbilanċi bejn l-impriżi kummerċjali kbar u żgħar, u, fuq kollox, li tiżgura kompetizzjoni libera u leali. Ma hemmx għalfejn li wieħed itenni li l-iktar effetti immedjati u tanġibbli ta’ sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni libera u leali jinkisbu permezz ta’ titjib kontinwu tal-prezzijiet u tal-kwalità kif ukoll tal-karatteristiċi l-oħra tal-offerta u tas-servizz lill-pubbliku, li jirrappreżenta, fl-aħħar mill-aħħar, l-iktar azzjoni effikaċi favur il-konsumaturi.”

10

L-Artikolu 14 tal-LOCM, intitolat “Projbizzjoni tal-bejgħ b’telf” jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-artikolu preċedenti, [li jistabbilixxi prinċipju ta’ libertà tal-prezzijiet,] huwa pprojbit li jiġi propost għall-bejgħ jew li jsir bejgħ b’telf, lil hinn mill-ipoteżijiet irregolati mill-Kapitoli IV [dwar il-bejgħ bi skont] u V [dwar il-bejgħ intiż biex jitneħħa l-istokk kollu (clearance sales)] tat-Titolu II ta’ din il-liġi, ħlief jekk il-bejjiegħ ikun irid jallinja l-prezzijiet tiegħu ma’ dawk ta’ kompetitur wieħed jew iktar li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-bejgħ tiegħu, jew jekk ikunu kkonċernati oġġetti li jmorru malajr li d-data tal-iskadenza tagħhom tkun tinsab fil-qrib.

Fi kwalunkwe każ, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni żleali.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, bejgħ jitqies li sar b’telf meta l-prezz tal-bejgħ ta’ prodott ikun inqas mill-prezz tax-xiri tiegħu kif jirriżulta mill-fattura, wara t-tnaqqis proporzjonali tal-iskontijiet li jidhru fuq il-fattura, mill-prezz ta’ sostituzzjoni tiegħu jekk ikun inqas, jew mill-ispiża reali tal-produzzjoni, jekk l-oġġett ikun ġie mmanifatturat min-negozjant, miżjuda bis-sehem tat-taxxa indiretta li tapplika għat-tranżazzjoni.”

11

Skont is-sitt dispożizzjoni addizzjonali tal-LOCM, inkluża f’din il-liġi msemmija l-aħħar matul is-sena 1999, din il-projbizzjoni tal-bejgħ b’telf tapplika wkoll “għall-entitajiet, tkun xi tkun in-natura ġuridika tagħhom, li jipprattikaw il-kummerċ bl-ingrossa”.

12

Il-LOCM ġiet implementata mill-komunità awtonoma tar-reġjun ta’ Murcia permezz tal-Ley 11/2006 sobre Régimen del Comercio Minorista de la Región de Murcia (Liġi 11/2006, li tirregola l-kummerċ bl-imnut tar-reġjun ta’ Murcia), tat-22 ta’ Diċembru 2006 (BORM Nru 2, tat-3 ta’ Jannar 2007, p. 141, iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali 11/2006”). L-Artikolu 54 tagħha jipprevedi li l-ksur gravi huwa ssanzjonat minn multa li tvarja bejn EUR 3001 u EUR 15000. Biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ “ksur gravi”, l-imsemmija liġi tirreferi għal-LOCM, li l-Artikolu 65(1)(c) tagħha jikklassifika l-bejgħ b’telf b’dan il-mod. Il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi kkalkolat l-ammont tas-sanzjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 55 tal-Liġi Reġjonali 11/2006, li jsemmi, b’mod partikolari, il-gravità tad-dannu “kkawżat lill-interessi tal-konsumaturi”.

Il-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni żleali

13

Skont il-preambolu tal-Ley 3/1991 de Competencia Desleal (Liġi 3/1991, dwar il-kompetizzjoni żleali), tal-10 ta’ Jannar 1991 (BOE Nru 10, tal-11 ta’ Jannar 1991, p. 959, (iktar ’il quddiem l-“LCD”):

“[Din il-]liġi twieġeb għall-ħtieġa li s-sistema tal-kompetizzjoni tiġi adattata għall-valuri li wasslu għall-Kostituzzjoni ekonomika tagħna. Il-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978 tibni s-sistema ekonomika tagħna fuq il-prinċipju tal-libertà ta’ intrapriża u, konsegwentement, fuq il-livell istituzzjonali, fuq il-prinċipju tal-libertà tal-kompetizzjoni. Minn dan jirriżulta, għal-leġiżlatur ordinarju, l-obbligu li jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi neċessarji biex jiġi evitat li tkun tista’ sseħħ distorsjoni ta’ dan il-prinċipju minn prattiki żleali, li, jekk ikun il-każ, jistgħu jfixklu l-funzjonament kompetittiv tas-suq.

Dan ir-rekwiżit kostituzzjonali huwa kkomplementat u msaħħaħ minn dak li jirriżulta mill-prinċipju tal-protezzjoni tal-konsumaturi, fil-kwalità tagħhom ta’ parti dgħajfa fir-relazzjonijiet karatteristiċi tas-suq, prinċipju li huwa fformulat fl-Artikolu 51 tal-Kostituzzjoni.

Dan l-aspett ġdid tal-problema, li sa dak iż-żmien ġeneralment ma ttiħidx inkunsiderazzjoni fit-tradizzjoni ġuridika Spanjola tal-kompetizzjoni żleali, kien jikkostitwixxi inċentiva addizzjonali, tal-ogħla importanza, għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida.”

14

L-Artikolu 17 tal-LCD, intitolat “Bejgħ b’telf” jiddisponi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari kuntrarja, l-iffissar tal-prezzijiet għandu jsir b’mod liberu.

2.   Madankollu, il-bejgħ b’telf jew li jsir taħt l-ispiża tax-xiri jitqies li huwa żleali fil-każijiet segwenti:

a)

Meta jkun hemm riskju li jqarraq bil-konsumaturi fir-rigward tal-livell tal-prezzijiet ta’ prodotti u servizzi oħra tal-istess stabbiliment.

b)

Meta jkollu l-effett li jippreġudika l-immaġni ta’ prodott jew stabbiliment ieħor.

c)

Meta jkun parti minn strateġija bl-għan li teskludi kompetitur jew grupp ta’ kompetituri mis-suq.”

Il-Liġi 29/2009

15

Id-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali ġiet trasposta fid-dritt Spanjol permezz tal-Ley 29/2009 por la que se modifica el Régimen Legal de la Competencia Desleal y de la Publicidad para la Mejora de la Protección de los Consumidores y Usuarios (Liġi 29/2009, li temenda s-sistema legali tal-kompetizzjoni żleali u tar-reklamar għat-titjib tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti), tat-30 ta’ Diċembru 2009 (BOE Nru 315, tal-31 ta’ Diċembru 2009, p. 112039, iktar ’il quddiem il-“Liġi 29/2009”).

16

Il-Liġi 29/2009 emendat, fost strumenti oħra, l-LOCM u l-LCD, mingħajr madankollu ma biddlet id-dispożizzjonijiet ta’ dawn imsemmija, rispettivament, fil-punti 9 sa 12, kif ukoll fil-punti 13 u 14 ta’ din is-sentenza.

17

Il-Liġi 29/2009 żiedet il-paragrafu 3 mal-Artikolu 18 tal-LOCM, li skontu l-promozzjoni tal-bejgħ “titqies li hija żleali meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tal-[LCD]”.

18

Il-Liġi 29/2009 emendat, minn naħa, l-Artikolu 4 tal-LCD b’tali mod li dan jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li prattika kummerċjali tiġi kklassifikata bħala “żleali” kif huma ddefiniti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali, u, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 5 u 7 tal-LCD li l-formulazzjonijiet tagħhom jirriproduċu, minn issa ’l quddiem, rispettivament, dawk tal-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Europamur hija bejjiegħ bl-ingrossa li tbigħ prodotti tad-dar u tal-ikel lis-supermarkits kif ukoll lill-ħwienet lokali li jsofru direttament il-kompetizzjoni ta’ ktajjen kbar ta’ supermarkits. Billi hija affiljata ma’ unità ċentrali tax-xiri, Europamur tista’ toffri lill-kummerċjanti żgħar, li huma klijenti tagħha, prodotti bi prezzijiet kompetittivi, li jippermettulhom jaffaċċjaw l-imsemmija ktajjen.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2015, l-amministrazzjoni reġjonali imponiet multa ta’ EUR 3001 fuq Europamur minħabba li kienet kisret il-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 14 tal-LOCM, billi biegħet b’telf ċerti prodotti li hija tikkummerċjalizza.

21

L-amministrazzjoni reġjonali mmotivat id-deċiżjoni tagħha b’kunsiderazzjonijiet relatati, fost l-oħrajn, mal-protezzjoni tal-konsumaturi. B’dan il-mod, hija, qabel kollox, ikkunsidrat li t-tnaqqis “ma għandux jippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-kunsens, għad-detriment tal-konsumaturi u tal-klijenti fir-rigward tal-livell reali tal-prezzijiet ta’ impriża jew ta’ stabbiliment partikolari”. Imbagħad, hija ħadet inkunsiderazzjoni “l-importanza soċjali tal-ksur, li jolqot lill-kummerċjanti u lill-konsumaturi kollha tar-reġjun ta’ Murcia […] billi l-għanijiet ekonomiċi mfittxija mill-impriża li wettqet il-ksur huma diversi u jinkludu, b’mod partikolari, dak li jinħolqu offerti li jingannaw jew iqarrqu bin-nies bi prodotti bħal dawn inkwistjoni, bl-għan li jħajru lill-konsumaturi jixtru prodotti jew servizzi mill-istess stabbiliment kif ukoll bl-intenzjoni sigrieta li jiddisswadu jew jeliminaw lill-kompetituri”. Fl-aħħar nett, meta ffissat l-ammont tas-sanzjoni, l-amministrazzjoni reġjonali ħadet inkunsiderazzjoni l-kriterju tad-“dannu gravi kkawżat lill-interessi tal-konsumaturi”, stabbilit fl-Artikolu 55 tal-Liġi Reġjonali 11/2006. Min-naħa l-oħra, hija ma speċifikatx sa fejn l-aġir ta’ Europamur kien ta’ dannu in concreto għall-interessi tal-konsumaturi, peress li, skont l-interpretazzjoni prevalenti tal-Artikolu 14 tal-LOCM, il-bejgħ b’telf fih innifsu jista’ jippreġudika lill-konsumaturi u lill-klijenti.

22

Europamur ippreżentat rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni u allegat, fost raġunijiet oħrajn, li kien neċessarju li l-kummerċjanti żgħar ikunu jistgħu jallinjaw il-prezzijiet tagħhom ma’ dawk tal-kompetituri tagħhom, li r-regoli dwar il-provi li jirriżultaw mill-Artikolu 17 tal-LCD messhom ġew osservati fir-rigward tagħha u li l-aġir issanzjonat ma kien jippreġudika lill-konsumaturi bl-ebda mod. Hija argumentat ukoll li s-sanzjoni imposta kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, minħabba li d-Direttiva 2005/29 kienet ġiet trasposta b’mod insuffiċjenti fl-ordinament ġuridiku intern mil-Liġi 29/2009, billi din ma emendatx il-formulazzjoni tal-Artikolu 14 tal-LOCM.

23

L-amministrazzjoni reġjonali sostniet, b’mod partikolari, minn naħa, li s-sistema tas-sanzjonijiet tal-LOCM, li kienet intiża b’mod speċjali biex tiddefendi l-interessi tal-konsumaturi, hija indipendenti mil-LCD, li tirreferi pjuttost għar-relazzjonijiet bejn l-operaturi ekonomiċi, b’tali mod li l-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 14 tal-LOCM tista’ tapplika mingħajr ma jkunu preżenti ċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 17 tal-LCD u, min-naħa l-oħra, li ma kienx hemm kunflitt bejn il-leġiżlazzjoni Spanjola u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 4 de Murcia (qorti amministrattiva provinċjali Nru 4 ta’ Murcia, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 14 tal-[LOCM], li hija ta’ natura iktar stretta mi[ll-imsemmija] direttiva inkwistjoni meta tipprojbixxi l-bejgħ b’telf, inkluż lill-grossisti, sa fejn tqis din il-prattika bħala ksur amministrattiv u tissanzjonaha konsegwentement fid-dawl tal-fatt li l-liġi Spanjola hija intiża, minbarra li tirregola s-suq, li tipproteġġi l-interessi tal-konsumaturi?

2)

Id-Direttiva 2005/29/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-imsemmi Artikolu 14 tal-[LOCM], anki jekk id-dispożizzjoni nazzjonali tippermetti l-esklużjoni mill-projbizzjoni ġenerali [ta]l-bejgħ b’telf jekk (i) l-awtur tal-ksur jipprova li l-bejgħ b’telf kellu bħala għan li jaġġusta l-prezzijiet tiegħu għal dawk ta’ kompetitur jew ta’ diversi kompetituri li jistgħu jaffettwa/w b’mod sinjifikattiv il-bejgħ tiegħu jew (ii) il-prodotti kkonċernati huma oġġetti li jmorru malajr li d-data ta’ skadenza tagħhom tkun fil-qrib?”

Fuq id-domandi preliminari

25

Biż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinkludi projbizzjoni ġenerali li jiġu offruti għall-bejgħ jew li jinbiegħu oġġetti b’telf u li tipprevedi raġunijiet ta’ deroga minn din il-projbizzjoni bbażati fuq kriterji li ma jinsabux f’din id-direttiva.

Fuq il-ġurisdizzjoni

26

Il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li, fl-opinjoni tagħhom, il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali. Fil-fatt, din id-direttiva tapplika biss, kif jirriżulta mill-Artikoli 2 u 3 tagħha, għall-prattiki kummerċjali żleali fil-konfront tal-konsumaturi u għaldaqstant ma hijiex applikabbli għall-prattiki kummerċjali żleali bejn negozjanti. Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li l-bejgħ b’telf seħħ bejn negozjanti.

27

Bl-argumenti tagħhom, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni jikkontestaw, essenzjalment, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

28

F’dan ir-rigward, minkejja li huwa minnu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali tapplika biss għall-prattiki li jippreġudikaw direttament l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u, għalhekk, ma tapplikax għat-tranżazzjonijiet bejn negozjanti, ma jistax, madankollu, jiġi konkluż li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari li sarulha mill-qorti tar-rinviju.

29

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li fihom il-fatti fil-kawża prinċipali kienu jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, iżda fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet kienu saru magħmula applikabbli mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li kienet ikkonformat ruħha, għas-soluzzjonijiet mogħtija għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt id-dritt tal-Unjoni, ma’ dawk adottati minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 45, u tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 53). F’tali sitwazzjoni, jeżisti interess ċert tal-Unjoni Ewropea li, sabiex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri, id-dispożizzjonijiet meħuda mid-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali ġew magħmula applikabbli mid-dritt nazzjonali għal sitwazzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

31

Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 sa 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 14 tal-LOCM, li jipprojbixxi l-bejgħ b’telf fil-kummerċ bl-imnut, għandu jitqies bħala traspożizzjoni tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali. Minbarra dan, ladarba s-sitt dispożizzjoni addizzjonali tal-LOCM testendi din il-projbizzjoni għall-bejjiegħa bl-ingrossa, u ladarba l-applikazzjoni tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 14 tal-LOCM tapplika bl-istess mod għall-bejgħ bejn il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut u għal dawk bejn il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi, l-implikazzjonijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali mitluba mill-qorti tar-rinviju huma l-istess fiż-żewġ tipi ta’ bejgħ. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sanzjoni imposta fuq Europamur hija bbażata fuq l-Artikolu 14 tal-LOCM li huwa preċiżament is-suġġett tad-domandi preliminari.

32

Għaldaqstant, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri, id-dispożizzjonijiet meħuda mid-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi.

33

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

Fuq il-mertu

34

Sabiex tingħata risposta għad-domanda kif ifformulata mill-ġdid fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, għandu, qabel kollox, jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi projbizzjoni ġenerali li jiġu offruti għall-bejgħ jew li jinbiegħu oġġetti b’telf, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat, b’riferiment għall-kuntest fattwali ta’ kull każ, jekk l-operazzjoni kummerċjali inkwistjoni hijiex ta’ natura “żleali” fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-direttiva u mingħajr ma jingħata lill-qrati kompetenti marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, sakemm din id-dispożizzjoni ssegwi għanijiet li huma intiżi għall-protezzjoni tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Euronics Belgium, C‑343/12, EU:C:2013:154, punti 30 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-għanijiet segwiti permezz tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-LOCM jirriżulta li din hija intiża sabiex tipproteġi lill-konsumaturi. Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, l-għan segwit b’dan il-mod japplika wkoll f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda bejgħ bejn bejjiegħa bl-ingrossa u kummerċjanti żgħar, għaliex dan il-bejgħ għandu riperkussjonijiet fuq il-konsumatur. Iktar preċiżament, il-konsumatur jibbenefika, fix-xiri tiegħu mingħand in-negozju żgħir, mill-ordnijiet kollettivi mwettqa permezz tal-bejjiegħ bl-ingrossa, li mingħajru l-bejjiegħ bl-imnut ma jkunx kompetittiv meta mqabbel mal-ktajjen u l-ħwienet kbar li għandhom kapaċità tax-xiri superjuri.

36

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mid-deċiżjoni ta’ sanzjoni adottata mill-amministrazzjoni reġjonali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza, l-amministrazzjoni reġjonali mmotivat l-imsemmija deċiżjoni kif ukoll l-ammont tal-multa permezz ta’ kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi.

37

Minbarra dan, huwa preċiżament fid-dawl tal-għanijiet tal-Artikolu 14 tal-LOCM identifikati b’dan il-mod li l-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali mill-Qorti tal-Ġustizzja.

38

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-punt dwar jekk il-projbizzjoni ta’ bejgħ b’telf inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex ta’ natura ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza jew jekk id-derogi għal din il-projbizzjoni jippermettux lill-qrati nazzjonali jistabbilixxu, b’riferiment għall-kuntest fattwali ta’ kull każ, in-natura “żleali” tal-bejgħ b’telf inkwistjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li jiġu ddeterminati ċ-ċirkustanzi li fihom prattika kummerċjali għandha titqies li hija żleali u, għaldaqstant, ipprojbita (digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Euronics Belgium, C‑343/12, EU:C:2013:154, punt 25).

39

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali twettaq armonizzazzjoni kompleta tar-regoli rigward il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi u li l-Istati Membri ma jistgħux, għaldaqstant, jadottaw, kif jipprevedi b’mod espliċitu l-Artikolu 4 ta’ din, miżuri iktar restrittivi minn dawk iddefiniti minn din id-direttiva, anki meta dan isir sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft, C‑304/08, EU:C:2010:12, punt 41, u d-digriet tat-30 ta’ Ġunju 2011, Wamo, C‑288/10, EU:C:2011:443, punt 33).

40

F’dan il-każ, minn naħa, huwa stabbilit li, b’applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-bejgħ b’telf huwa, minnu nnifsu, meqjus bħala prattika kummerċjali żleali u u li l-qrati nazzjonali ma għandhomx l-obbligu li jiddeterminaw in-natura żleali tal-imsemmi bejgħ, b’riferiment għall-kuntest fattwali ta’ kull każ, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali. Min-naħa l-oħra, lanqas ma huwa kkontestat li ż-żewġ derogi għall-projbizzjoni tal-bejgħ b’telf imsemmija fl-Artikolu 14 tal-LOCM huma bbażati fuq kriterji li ma humiex previsti minn din id-direttiva.

41

Issa, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri ma jistgħux, billi jiffissaw kriterji oħrajn għajr dawk stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, jadottaw miżuri iktar restrittivi minn dawk iddefiniti minn din l-istess direttiva.

42

Barra minn hekk, fost il-miżuri iktar restrittivi pprojbiti tinsab ukoll, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punti 62 sa 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-inverżjoni tal-oneru tal-prova prevista fl-Artikolu 14 tal-LOCM. Fil-fatt, ladarba l-bejgħ b’telf ma huwiex inkluż fost il-prattiki msemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni għal ksur tal-projbizzjoni ta’ tali bejgħ b’telf għandha tiġi ppreċeduta minn analiżi, mwettqa b’riferiment għall-kuntest fattwali ta’ kull każ, tan-natura “żleali” tal-imsemmi bejgħ fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-direttiva, u ma tistax tiġi bbażata fuq preżunzjoni li n-negozjant ikollu l-obbligu tal-inverżjoni tagħha (ara, b’mod analogu, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 65, rigward il-projbizzjoni tal-offerti konġunti lill-konsumaturi).

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinkludi projbizzjoni ġenerali li jiġu offruti għall-bejgħ jew li jinbiegħu oġġetti b’telf u li tipprevedi raġunijiet ta’ deroga minn din il-projbizzjoni bbażati fuq kriterji li ma jinsabux f’din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinkludi projbizzjoni ġenerali li jiġu offruti għall-bejgħ jew li jinbiegħu oġġetti b’telf u li tipprevedi raġunijiet ta’ deroga minn din il-projbizzjoni bbażati fuq kriterji li ma jinsabux f’din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.