Kawża C‑292/16

Kawża mressqa minn A Oy

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Helsingin hallinto-oikeus)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Tassazzjoni diretta – Taxxa fuq il-kumpanniji – Direttiva 90/434/KEE – Artikolu 10(2) – Trasferiment tal-attiv – Stabbiliment permanenti mhux residenti ttrasferit, fil-kuntest ta’ trasferiment tal-attiv, lil kumpannija benefiċjarja wkoll mhux residenti – Dritt għall-Istat Membru tal-kumpannija li tittrasferixxi li jintaxxa l-profitti jew il-qligħ kapitali ta’ dan l-istabbiliment li rriżultaw minħabba t-trasferiment tal-attiv – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tassazzjoni immedjata, mis-sena tat-trasferiment, tal-profitti jew tal-qligħ kapitali – Ġbir tat-taxxa dovuta bħala dħul tas-sena fiskali li fiha twettaq it-trasferiment tal-attiv”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) tat-23 ta’ Novembru 2017

Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni fiskali – Sistema fiskali komuni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attivi u l-iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 90/434 – 37296 / Trasferiment tal-attiv – Trasferiment ta’ stabbiliment permanenti mhux residenti lil kumpannija benefiċjarja wkoll mhux residenti – Tassazzjoni tal-profitti jew tal-qligħ kapitali tal-istabbiliment permanenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tassazzjoni immedjata, mis-sena tat-trasferiment, tal-profitti jew tal-qligħ kapitali – Ammissibbiltà – Ġbir tat-taxxa dovuta bħala dħul matul is-sena fiskali li fiha twettaq it-trasferiment tal-attiv, mingħajr possibbiltà ta’ posponiment – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjonijiet – Assenza

(Artikolu 49 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 90/434, Artikolu 10(2))

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-każ fejn kumpannija residenti tittrasferixxi, fil-kuntest ta’ trasferiment tal-attiv, stabbiliment permanenti mhux residenti lil kumpannija li hija wkoll ma hijiex residenti, minn naħa, tipprevedi t-tassazzjoni immedjata tal-qligħ kapitali li rriżulta minħabba dan it-trasferiment u, min-naħa l-oħra, ma tawtorizzax il-ġbir tat-taxxa dovuta, filwaqt li, f’sitwazzjoni nazzjonali ekwivalenti, tali qligħ kapitali huwa intaxxat biss meta jiġi assenjat l-attiv ittrasferit, sa fejn din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix il-ġbir iddifferit ta’ tali taxxa.

Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li din il-leġiżlazzjoni tippermetti, konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar l-inkorporazzjonijiet, it-tnaqqis tat-taxxa li, fl-assenza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, kienet tiġi imposta fuq tali qligħ kapitali fl-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment permanenti mhux residenti, peress li n-natura sproporzjonata tal-imsemmija leġiżlazzjoni ma tiddependix mill-ammont tat-taxxa dovuta iżda tirriżulta mill-fatt li hija ma tipprevedix il-possibbiltà għall-persuna taxxabbli li tipposponi l-mument tal-ġbir tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Trustees of the P Panayi Accumulation & Maintenance Settlements, C‑646/15, EU:C:2017:682, punt 60).

Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-neċessità li jiġi żgurat il-ġbir effettiv tat-taxxa, invokata mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern Svediż, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet li din tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tiegħu, b’tali mod li l-imsemmi għan ma jistax jiġġustifika, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, eventwali ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, kif osservat il-Kummissjoni, il-fatt li Stat Membru jippermetti lil kumpannija residenti li tittrasferixxi li tagħżel il-posponiment tal-ħlas tat-taxxa ma jaffettwa la l-possibbiltà ta’ dan l-Istat Membru li jitlob lil din il-kumpannija l-informazzjoni neċessarja għall-ġbir tat-taxxa dovuta u lanqas dik li jitwettaq dan il-ġbir effettivament (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011, punti 49 sa 53).

(ara l-punti 38 sa 40, u d-dispożittiv)