Kawża C‑291/16

Schweppes SA

vs

Red Paralela SL

u

Red Paralela BCN SL

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 8 de Barcelona)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 7(1) – Eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark – Trade marks paralleli – Ċessjoni ta’ trade marks għal parti mit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Strateġija kummerċjali li ssaħħaħ b’mod intenzjonat l-immaġini ta’ trade mark globali u unika wara ċ-ċessjoni – Proprjetarji indipendenti iżda li għandhom relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mill-qrib”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal‑20 ta’ Diċembru 2017

  1. Domandi preliminari–Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja–Limiti–Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali–Stabbiliment u evalwazzjoni tal-fatti tat-tilwima–Neċessità ta’ domanda preliminari u rilevanza tal-kwistjonijiet imqajma–Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

    (Artikolu 267 TFUE)

  2. Domandi preliminari–Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja–Limiti–Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli–Domandi mhux relatati mas-suġġett tal-kawża prinċipali–Assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    (Artikolu 267 TFUE)

  3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Trade marks–Direttiva 2008/95–Eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark–Ċessjoni ta’ trade mark lil terz limitata għal parti mit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea–Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark fi Stat Membru għall-importazzjoni ta’ prodotti identiċi mogħnija bl-istess trade mark provenjenti minn Stat Membru ieħor–Inammissibbiltà–Kundizzjonijiet

    (Artikolu 36 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 2008/95, Artikolu 7(1))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 21, 23)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 24)

  3.  L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, moqri fid-dawl tal-Artikolu 36 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali jopponi għall-importazzjoni ta’ prodotti identiċi mogħnija bl-istess trade mark provenjenti minn Stat Membru ieħor, li fih din it-trade mark, li inizjalment kienet il-proprjetà tal-istess proprjetarju, hija issa miżmuma minn terz li kiseb id-drittijiet fir-rigward tagħha permezz ta’ ċessjoni, meta, wara din iċ-ċessjoni:

    il-proprjetarju, waħdu jew billi jikkoordina l-istrateġija tiegħu ta’ trade mark ma’ dan it-terz, kompla jsaħħaħ b’mod attiv u intenzjonat l-apparenza jew l-immaġini ta’ trade mark unika u globali, u b’hekk joħloq jew isaħħaħ konfużjoni f’għajnejn il-pubbliku kkonċernat fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti mogħnija b’din it-trade mark,

    jew

    jeżistu rabtiet ekonomiċi bejn il-proprjetarju u dan it-terz, fis-sens li huma jikkoordinaw il-politika kummerċjali tagħhom jew jaqblu bejniethom sabiex jikkontrollaw flimkien l-użu tat-trade mark, b’tali mod li huma għandhom il-possibbiltà jiddeterminaw direttament jew indirettament il-prodotti li fuqhom din it-trade mark hija mqiegħda jew jikkontrollaw il-kwalità tagħhom.

    Permezz ta’ tali aġir, li għandu bħala effett li t-trade mark tal-proprjetarju ma tissodisfax iktar il-funzjoni essenzjali tagħha b’mod indipendenti fil-kuntest territorjali tagħha stess, il-proprjetarju stess ippreġudika din il-funzjoni, jew żnaturaha. Għaldaqstant, huwa ma jistax jinvoka l-ħtieġa li tiġi protetta din il-funzjoni sabiex jopponi għall-importazzjoni ta’ prodotti identiċi mogħnija bl-istess trade mark provenjenti minn Stat Membru ieħor li fiha din it-trade mark hija issa miżuma minn dan it-terz.

    (ara l-punti 40, 55 u d-dispożittiv)