Kawża C‑290/16

Air Berlin plc & Co. Luftverkehrs KG

vs

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband eV

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fl-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1008/2008 – Dispożizzjonijiet tariffarji – Artikolu 22(1) – Artikolu 23(1) – Informazzjoni mitluba matul il-preżentazzjoni tan-nollijiet offerti lill-pubbliku – Obbligu li jiġi indikat l-ammont reali tat-taxxi, ħlasijiet, ħlasijiet addizzjonali jew drittijiet – Libertà ta’ tarifikazzjoni – Fatturazzjoni tal-ispejjeż tal-ipproċessar fil-każ tal-kanċellament tal-prenotazzjoni ta’ titjira mill-passiġġier jew nuqqas ta’ imbark – Protezzjoni tal-konsumaturi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-6 ta’ Lulju 2017

  1. Trasport–Trasport bl-ajru–Regoli komuni għall-użu tas-servizzi tal-ajru fl-Unjoni–Regolament Nru 1008/2008–Tarifikazzjoni–Informazzjoni meħtieġa matul il-preżentazzjoni tan-nollijiet offerti lill-passiġġieri–Obbligu li jiġi indikat, b’mod separat mill-imsemmija nollijiet, l-ammonti reali dovuti mill-pubbliku, ta’ taxxi, ħlasijiet, ħlasijiet addizzjonali jew drittijiet

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1008/2008, it-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1))

  2. Trasport–Trasport bl-ajru–Regoli komuni għall-użu tas-servizzi tal-ajru fl-Unjoni–Regolament Nru 1008/2008–Tarifikazzjoni–Libertà ta’ tarifikazzjoni–Klawżola li tidher fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ tal-kuntratti tat-trasport bl-ajru, li tippermetti li jiġu ffatturati spejjeż ta’ pproċessar fil-każ ta’ kanċellament tal-prenotazzjoni minn passiġġier jew klijenti li ma jkunux ħadu titjira–Leġiżlazzjoni nazzjonali, li tittrasponi d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, li tippermetti li tali klawżola tiġi ddikjarata nulla–Ammissibbiltà

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1008/2008, Artikolu 22(1))

  1.  It-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-pubblikazzjoni tan-nollijiet tal-ajru tagħhom, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jispeċifikaw, b’mod separat, l-ammonti dovuti mill-klijenti bħala taxxi, ħlasijiet tal-ajruport u ħlasijiet oħra, ħlasijiet addizzjonali u drittijiet imsemmija fil-punti (b) sa (d) tat-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, u ma jistgħux, konsegwentement, jinkludu, anki jekk in parti, dawn l-elementi fin-noll tal-ajru, imsemmi fil-punt (a) tat-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament.

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-eżami kemm tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tifforma parti minnha, kif ukoll mill-kuntest tagħha. L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 huwa intiż li jiggarantixxi, b’mod partikolari, l-informazzjoni u t-trasparenza tal-prezzijiet tas-servizzi tal-ajru minn ajruport li jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u li jikkontribwixxi, għaldaqstant, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-klijent li jagħmel użu minn dawn is-servizzi. Issa, l-għan ta’ informazzjoni u ta’ trasparenza tal-prezzijiet ma jintlaħaqx jekk it-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 tiġi interpretata bħala li toffri għażla lit-trasportaturi tal-ajru jew li jinkludu t-taxxi, il-ħlasijiet tal-ajruport, il-ħlasijiet l-oħrajn, il-ħlasijiet addizzjonali u drittijiet fin-noll tal-ajru, jew li jindikaw dawn l-elementi differenti b’mod separat.

    Barra minn hekk, interpretazzjoni differenti tat-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 tkun ta’ natura li tneħħi kull effett utli minn din id-dispożizzjoni Fil-fatt, minn naħa, inklużjoni parzjali, fin-noll tal-ajru, tal-elementi ddikjarati fil-punti b) sa d) tat-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 twassal biss li jiġu speċifikati ammonti li ma għandhomx konnessjoni mar-realtà. Min-naħa l-oħra, inklużjoni kompleta ta’ dawn l-elementi fin-noll tal-ajru jkollha bħala effett li l-ammont indikat fin-noll tal-ajru jista’ jkun ugwali għall-prezz finali li għandu jitħallas. Issa, l-obbligu li jiġi speċifikat il-prezz finali li għandu jitħallas huwa diġà previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament.

    (ara l-punti 29-32, 36, u d-dispożittiv 1)

  2.  L-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, tista’ twassal li klawżola li tidher fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, li tippermetti li jiġu ffatturati spejjeż ta’ pproċessar distinti lill-klijenti li ma jkunux ħadu titjira jew li jkunu kkanċellaw il-prenotazzjoni tagħhom, tista’ tiġi ddikjarata nulla.

    Din hija, għalhekk, direttiva ġenerali għall-protezzjoni tal-konsumaturi, li għandha bħala vokazzjoni li tkun applikabbli fl-oqsma kollha tal-attività ekonomika. F’dan il-kuntest, in-non-applikabbiltà tal-imsemmija direttiva fil-qasam tas-servizzi tal-ajru rregolata mir-Regolament Nru 1008/2008 ma tistax tiġi aċċettata ħlief bil-kundizzjoni li tkun prevista b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Issa, la l-formulazzjoni tal-Artikolu 22 tal-imsemmi Regolament Nru 1008/2008 dwar il-libertà tal-ipprezzar, lanqas id-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-imsemmi regolament ma jippermettu tali konklużjoni, minkejja li d-Direttiva 93/13 kienet diġà fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-istess regolament.

    Lanqas ma jista’ jiġi dedott mill-għan imfittex mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 li l-kuntratti tat-trasport bl-ajru ma jkunux suġġetti għall-osservanza tar-regoli ġenerali li jipproteġu l-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti. B’dan il-mod, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2409/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar nollijiet u rati għal servizzi tal-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 427), imħassar permezz tar-Regolament Nru 1008/2008, indika fil-ħames premessa tiegħu li huwa xieraq li “l-libertà tal-prezzijiet tkun ikkumplimentata b’salvagwardji xierqa għall-interessi tal-konsumaturi u l-industrija”.

    Is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Vueling Airlines (C‑487/12, EU:C:2014:2232) ma tistax twassal għal konklużjoni differenti. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, li jkollha bħala għan li tobbliga, fiċ-ċirkustanzi kollha, lit-trasportaturi tal-ajru jittrasportaw il-bagalji rreġistrati tal-passiġġieri tagħhom mingħajr ma jitolbu ħlas addizzjonali fil-prezz għal dan it-trasport. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjarat imkien li l-libertà ta’ tarifikazzjoni tipprekludi, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni tar-regoli kollha tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

    Għalhekk ma huwiex possibbli li jiġi dedott mis-sentenza msemmija li l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, bħal ma huma dawk tad-Direttiva 93/13.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-libertà ta’ tarifikazzjoni tas-servizzi tal-ajru ġewwa l-Unjoni, stabbilita fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, ma timpedixxix l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali għall-klawżoli tal-kuntratti tat-trasport tal-ajru. Risposta bil-kontra twassal li ċċaħħad lill-konsumaturi mid-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13 fil-qasam tal-libertà ta’ tarifikazzjoni tas-servizzi bl-ajru, u li tippermetti li t-trasportaturi tal-ajru jkunu jistgħu, fl-assenza ta’ kwalunkwe kontroll, jinkludu fil-kuntratti konklużi mal-passiġġieri klawżoli inġusti dwar it-tarifikazzjoni.

    (ara l-punti 44-52, u d-dispożittiv 2)