Kawżi Magħquda C-274/16, C-447/16 u C-448/16

flightright GmbH

vs

Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo SA,

Roland Becker

vs

Hainan Airlines Co. Ltd

u

Mohamed Barkan et

vs

Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo SA

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht Düsseldorf u mill-Bundesgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 5(1) – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Il-punt 1 tal-Artikolu 7 – Kunċett ta’ ‘materji kuntrattwali’ – Kuntratt ta’ provvista ta’ servizz – Titjira b’konnessjoni operata minn trasportaturi bl-ajru differenti – Kunċett ta’ ‘post ta’ eżekuzzjoni’ – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Dritt tal-passiġġieri bl-ajru għal kumpens fil-każ li ma jitħallewx jimbarkaw u għal dewmien sostanzjali ta’ titjira – Azzjoni għal kumpens intiża kontra t-trasportatur tal-ajru li jopera mhux iddomiċiljat fuq it-territorju ta’ Stat Membru jew li l-passiġġieri ma għandhom l-ebda rabta kuntrattwali miegħu”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Marzu 2018

  1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili–Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali–Regolament Nru 44/2001–Kompetenzi speċjali–It-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5–Inapplikabbiltà fir-rigward tal-konvenut iddomiċiljat fi Stat terz

    (Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, it-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5)

  2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili–Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali–Regolament Nru 44/2001–Ġurisdizzjoni speċjali–Ġurisdizzjoni fil-qasam kuntrattwali–Kunċett–Azzjoni għal kumpens ta’ passiġġieri bl-ajru minħabba dewmien sostanzjali ta’ titjira b’konnessjoni kontra trasportatur bl-ajru li jopera li ma huwiex il-parti kontraenti tal-passiġġieri kkonċernati–Inklużjoni

    [Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 5(1)(a); Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 261/2004]

  3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili–Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali–Regolament Nru 44/2001–Regolament Nru 1215/2012–Ġurisdizzjoni speċjali–Ġurisdizzjoni fil-qasam kuntrattwali–Azzjoni għal kumpens ta’ passiġġieri bl-ajru minħabba dewmien sostanzjali ta’ titjira b’konnessjoni–Rikors ibbażat fuq inċident li seħħ fuq l-ewwel titjira, li twettqet mit-trasportatur tal-ajru li ma huwiex il-parti kontraenti tal-passiġġieri kkonċernati–Post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali li jservi ta’ bażi għat-talba–Post tal-wasla tat-tieni titjira

    [Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, it-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5; Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 261/2004; Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 1215/2012, it-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7]

  1.  It-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal konvenut iddomiċiljat fi Stat terz, bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali.

    (ara l-punt 55 u d-dispożittiv 1)

  2.  Il-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “materji kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri l-azzjoni tal-passiġġieri bl-ajru għal kumpens għal dewmien sostanzjali ta’ titjira b’konnessjoni, mibdija abbażi tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, kontra trasportatur tal-ajru li jopera li ma huwiex il-parti l-oħra tal-kuntratt tal-passiġġier ikkonċernat.

    (ara l-punt 65 u d-dispożittiv 2)

  3.  It-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 u t-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ titjira b’konnessjoni, jikkostitwixxi l-“post ta’ eżekuzzjoni” ta’ din it-titjira, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-post tal-wasla tat-tieni titjira, meta t-trasport fuq iż-żewġ titjiriet ikun operat minn żewġ trasportaturi bl-ajru differenti u li r-rikors għal kumpens għal dewmien sostanzjali ta’ din it-titjira b’konnessjoni abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 huwa bbażat fuq fatt li seħħ fuq l-ewwel wieħed mill-imsemmija titjiriet, operat mit-trasportatur bl-ajru li ma huwiex il-parti l-oħra tal-kuntratt tal-passiġġieri kkonċernati.

    (ara l-punt 78 u d-dispożittiv 3)