SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

27 ta’ Frar 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk fis-settur tas-sajd – Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd previsti minn dan il-ftehim – Atti li japprovaw il-konklużjoni tal-Ftehim u tal-Protokoll – Regolamenti li jallokaw l-opportunitajiet ta’ sajd stabbiliti mill-Protokoll bejn l-Istati Membri – Ġurisdizzjoni – Interpretazzjoni – Validità fid-dawl tal-Artikolu 3(5) TUE u tad-dritt internazzjonali – Applikabbiltà tal-imsemmi ftehim u tal-imsemmi protokoll għat-territorju tas-Saħara tal-Punent u għall-ibħra li jmissu magħha”

Fil-Kawża C-266/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (il-Qorti tal-Ġustizzja Għolja (l-Ingilterra u Wales), Diviżjoni tal-Queen’s Bench (il-Qorti Amministrattiva), ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

The Queen, fuq talba ta’:

Western Sahara Campaign UK

vs

Commissioners for her Majesty’s Revenue and Customs

Secretary of State for Environment, Food and Rural Affairs,

fil-preżenza ta’:

Confédération marocaine de l’agriculture et du développement rural (Comader),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, J. Malenovský (Relatur), C. G. Fernlund u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Settembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Western Sahara Campaign UK, minn K. Beal, QC, C. McCarthy, barrister, u R. Curling, solicitor,

għall-Confédération marocaine de l’agriculture u du développement (Comader), minn J.-F. Bellis, R. Hicheri u M. Struys, avocats, kif ukoll minn R. Penfold, solicitor,

għall-Gvern Spanjol, minn M. A. Sampol Pucurull, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn F. Alabrune, D. Colas, B. Fodda, S. Horrenberger u L. Legrand, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn M. Figueiredo u L. Inez Fernandes, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn A. de Elera-San Miguel Hurtado u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet, F. Castillo de la Torre, E. Paasivirta u B. Eggers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-10 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2006, L 141, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Sħubija”), kif approvat u implementat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni [Sħubija] fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU L 294M, p. 131), bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/785/UE tas-16 ta’ Diċembru 2013 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni [Sħubija] fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2013, L 349, p. 1), u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1270/2013 tal-15 ta’ Novembru 2013 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd taħt il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni [Sħubija] fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2013, L 328, p. 40).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, fl-ewwel lok, Western Sahara Campaign UK u l-Commissioners for Her Majesty’s Rev and Customs u, fit-tieni lok, Western Sahara Campaign UK u s-Secretary of State for Environment, Food and Rural Affairs (il-Ministru għall-Ambjent, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali, ir-Renju Unit), rispettivament, dwar l-implementazzjoni, minn din l-amministrazzjoni u dan il-Ministru, tal-ftehimiet internazzjonali konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk kif ukoll tal-atti tad-dritt sekondarju marbuta ma’ dawn il-ftehimiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti

3

L-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco fis-26 ta’ Ġunju 1945, jistabbilixxi:

“L-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti huma s-segwenti:

[…]

2.

L-iżvilupp bejn in-nazzjonijiet ta’ relazzjonijiet ta’ ħbiberija bbażati fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tad-drittijiet tal-popli u tad-dritt tagħhom li jiddeċiedu għalihom infushom […].

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Il-Kapitolu XI ta’ din il-karta, intitolat “Dikjarazzjoni dwar it-territorji mhux awtonomi”, jinkludi l-Artikolu 73 tagħha, li jipprovdi:

“Il-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom jew li jassumu r-responsabbiltà sabiex jamministraw territorji li l-popolazzjonijiet tagħhom għadhom ma jamministrawx lilhom infushom kompletament għandhom jirrikonoxxu l-prinċipju ta’ supremazija tal-interessi tal-abitanti ta’ dawn it-territorji. Huma għandhom jaċċettaw bħala missjoni sagra l-obbligu li jiffavorixxu b’kull mod possibbli l-prosperità tagħhom, fil-kuntest tas-sistema ta’ paċi u ta’ sigurtà internazzjonali stabbilita minn din il-karta […].

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar

5

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, konkluża f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1833, 1834 u 1835, p. 3, iktar ’il quddiem il- “Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar”), daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994. Il-konklużjoni tagħha ġiet approvata f’isem il-Komunitajiet Ewropej permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU 1998, L 179, p. 1).

6

It-Parti II tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, intitolata “Baħar territorjali u ż-żona kontigwa”, tinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha, intitolat “L-istatus legali tal-baħar territorjali, ta’ l-ispazju ta’ l-ajru fuq il-baħar teritorjali u l-qiegħ u l-istrata ta’ l-art taħt dik tal-wiċċ”, li l-paragrafi 1 u 3 tiegħu jipprevedu:

“1.   Is-sovranità ta’ Stat kostali testendi, lil hinn mill-art territorjali tiegħu u mill-ilmijiet interni tiegħu u, fil-każ ta’ Stat arċipelagu, l-ilmijiet arċipelaġiċi tiegħu, lejn medda tal-baħar tal-biswit, deskritti bħala il-baħar territorjali.

[…]

3.   Is-sovranità fuq il-baħar territorjali hija eżerċitata bla ħsara għan din il-Konvenzjoni u għar-regoli l-oħrajn tal-liġi internazzjonali.”

7

It-Parti V ta’ din il-konvenzjoni, intitolata “Żona Ekonomika Esklussiva”, tinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 55 u 56 tagħha.

8

Skont l-Artikolu 55 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Reġim speċifiku legali għaż-żona ekonomika esklussiva”, “[i]ż- żona ekonomika esklussiva hija żona lil hinn u biswit tal-baħar territorjali, suġġetti għar-reġim legali speċifiku stabbilit f’din il-parti, permezz tad-drittijiet u l-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat kostali u tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-Istati l-oħrajn li huma rregolati bid-disposizzjonijiet relevanti ta’ din il-[k]onvenzjoni”.

9

L-Artikolu 56 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Drittijiet, ġurisdizzjoni u d-doveri ta’ Stat kostali fiż-żona ekonomika esklussiva”, jipprovdi b’mod partikolari, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fiż-żona ekonomika esklussiva, l-Istat kostali għandu:

a)

id-drittijiet sovrani għall-iskop ta’ l-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni, tal-konservazzjoni u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali, seww jekk ħajjin jew mhux ħajjin, tal-baħar supra-qarib tal-qiegħ tal-baħar jew tal-qiegħ tal-baħar u l-istrata ta’ taħt il-wiċċ tal-qiegħ tiegħu, f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet l-oħrajn għall-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni ekonomika taż-żona, […]

b)

ġurisdizzjoni kif hemm provvediment dwar dan fid-diposizzjonijiet relevanti ta’ din il-[k]onvenzjoni f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ii)

ir-riċerka xjentifika marittima;

[…]

ċ)

id-drittijiet u d-doveri l-oħrajn li hemm provvediment dwarhom f’din il-[k]onvenzjoni.”

Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati

10

Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati ġiet konkluża f’Wien, fit-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati”).

11

L-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Ftehimiet internazzjonali li ma jaqgħux fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni”, jipprovdi:

“Il-fatt li din il-konvenzjoni la tapplika għall-ftehimiet internazzjonali konklużi bejn Stati u suġġetti oħrajn tad-dritt internazzjonali jew bejn dawn is-suġġetti oħrajn tad-dritt internazzjonali u lanqas għall-ftehimiet internazzjonali li ma ġewx konklużi bil-miktub ma jippreġudikax:

[…]

b)

L-applikazzjoni għal dawn il-ftehimiet tar-regoli kollha stabbiliti f’din il-[k]onvenzjoni li huma suġġetti għalihom skont id-dritt internazzjonali indipendentement mill-imsemmija [k]onvenzjoni;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12

Skont l-Artikolu 31 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Regola ġenerali ta’ interpretazzjoni”:

“1.   Trattat għandu jiġi interpretat in bona fide skont is-sens ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu.

2.   Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, il-kuntest għandu jinkludi, apparti t-test, il-preamboli u l-annessi tiegħu:

a)

kull ftehim relatat mat-trattat li jkun intlaħaq bejn il-partijiet kontraenti kollha fir-rigward tal-konklużjoni tat-trattat;

b)

kull strument li jkun sar minn parti kontraenti jew iktar li jkun relatat mal-konklużjoni tat-trattat u li jkun ġie aċċettat mill-partijiet kontraenti l-oħra bħala strument relatat mat-trattat.

3.   Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, flimkien mal-kuntest:

a)

kull ftehim li jsir sussegwentement bejn il-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-trattat jew tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu;

b)

kull prassi sussegwenti fl-applikazzjoni tat-trattat li tistabbilixxi ftehim bejn il-partijiet dwar l-interpretazzjoni tiegħu;

c)

kull regola tad-dritt internazzjonali rilevanti applikabbli għar-relazzjonijiet bejn il-partijiet.

4.   Għandha tingħata tifsira speċjali lil terminu speċifiku jekk jiġi stabbilit li din kienet ir-rieda tal-partijiet kontraenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13

Skont l-Artikolu 34 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Regoli ġenerali li jirrigwardaw l-Istati terzi”, “trattat la joħloq obbligi u lanqas drittijiet għal Stat terz mingħajr il-kunsens tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

14

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fi Brussell fis-26 ta’ Frar 1996 (ĠU 2000, L 70, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) u ġie approvat f’isem l-Komunitajiet Ewropej permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2000/204/KE, KEFA, tal-24 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 175). Skont l-Artikolu 96 tiegħu, huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2000, kif jirriżulta mill-informazzjoni ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 175).

15

It-Titolu VIII ta’ dan il-ftehim, intitolat “Dispożizzjonijiet istituzzjonali, ġenerali u finali”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu li jipprovdi li “[d]an il-Ftehim għandu japplika, minn naħa, għat-territorji fejn jiġu applikati t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u skont il-kundizzjonijiet li huma stabbiliti fl-imsemmija trattati u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tar-Renju tal-Marokk.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-Ftehim ta’ Sħubija

16

Skont l-Artikolu 17 tiegħu, il-Ftehim ta’ Sħubija daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Frar 2007, kif jirriżulta mill-informazzjoni ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, L 78, p. 31).

17

Kif jirriżulta mill-preambolu tiegħu u mill-Artikoli 1 u 3 tiegħu, dan il-ftehim għandu l-intenzjoni jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni mar-Renju tal-Marokk, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, bl-istabbiliment, fil-qasam tas-sajd, ta’ sħubija intiża għall-promozzjoni ta’ sajd responsabbli fiż-żoni tas-sajd Marokkini u għall-implementazzjoni effikaċi tal-politika Marokkina tas-sajd. Għal dan il-għan, il-Ftehim ta’ Sħubija jistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli dwar il-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika bejn il-partijiet, suġġett għall-aċċess tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri fiż-żoni tas-sajd Marokkini, kif ukoll għall-metodi ta’ kontroll tal-attivitajiet ta’ sajd f’dawn iż-żoni.

18

F’dan il-kuntest, mill-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Sħubija, intitolat “Aċċess għall-bastimenti [tal-Unjoni] fiż-żoni tas-sajd fl-ibħra tal-Marokk”, u senjatament mill-paragrafi 1 u 4 tal-istess artikolu u mill-Artikolu 6 tiegħu, intitolat “Kondizzjonijiet għas-sajd”, partikolarment mill-paragrafu 1 tiegħu, jirriżulta li r-Renju tal-Marokk intrabat li “jawtorizza lill-bastimenti [tal-Unjoni] li jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ sajd fiż-żoni ta’ sajd tagħhom skond dan il-ftehim, inklużi l-protokoll u l-anness”, sakemm dawn il-bastimenti jkollhom liċenzja tas-sajd maħruġa mill-awtoritijiet ta’ dan l-Istat terz fuq talba tal-awtoritajiet tal-Unjoni. Min-naħa tagħha, l-Unjoni ntrabtet li “twettaq id-dispożizzjonijiet kollha adegwati sabiex tiżgura l-osservanza, mill-bastimenti tagħha, tad-dispożizzjonijiet ta’ [l-imsemmi] ftehim kif ukoll tal-leġiżlazzjoni li tirregola s-sajd fl-ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt il-ġurisdizzjoni tal-Marokk, skond il-Konvenzjoni […] dwar il-Liġi tal-Baħar”.

19

L-Artikolu 11 tal-Ftehim ta’ Sħubija, intitolat “Żona ta’ applikazzjoni”, jipprovdi li dan japplika, f’dak li jirrigwarda r-Renju tal-Marokk, “fit-territorju tal-Marokk u fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tal-Marokk”. Barra minn hekk, taħt it-titolu “Tifsiriet”, l-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim jispeċifika, fil-punt (a) tiegħu, li l-kunċett ta’ “żoni tas-sajd Marokkini” għandu jinftiehem, għall-finijiet ta’ dan il-ftehim, tal-protokoll tiegħu u tal-anness tiegħu, bħala riferiment għall-“ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk”.

20

L-Artikolu 16 tal-Ftehim ta’ Sħubija jipprevedi li l-protokoll tiegħu jifforma parti integrali minn dan il-ftehim, bl-istess mod bħall-anness u l-appendiċijiet mehmużin mal-imsemmi protokoll.

Il-Protokoll tal-2013

21

Il-Ftehim ta’ Sħubija kellu inizjalment protokoll (iktar ’il quddiem il-“protokoll inizjali”) li l-għan tiegħu kien li jistabbilixxi, matul perijodu ta’ erba’ snin, l-opportunitajiet ta’ sajd previsti fl-Artikolu 5 tiegħu.

22

Dan il-protokoll inizjali ġie ssostitwit minn protokoll ieħor li, min-naħa tiegħu, fl-2013, kien is-suċċessur tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2013, L 328, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Protokoll tal-2013”). Dan tal-aħħar ġie approvat bid-Deċiżjoni 2013/785 u daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2014, kif jirriżulta mill-informazzjoni ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 228, p. 1).

23

Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll tal-2013, intitolat “Prinċipji ġenerali”, “[d]an il-Protokoll flimkien mal-Anness u l-Appendiċi tiegħu, jiffurmaw parti integrali mill-Ftehim ta’ Sħubija […] li jifforma parti mill-Ftehim [ta’ Assoċjazzjoni].” Barra minn hekk, l-imsemmi protokoll “jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi ġenerali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni […]”.

24

Skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll tal-2013, intitolat “Il-perjodu ta’ applikazzjoni, tul ta’ żmien u opportunitajiet tas-sajd”, il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni, sakemm ikollhom liċenzja maħruġa skont il-Ftehim ta’ Sħubija u dan il-protokoll kif ukoll tal-anness tiegħu, igawdu matul perijodu ta’ erba’ snin, fiż-żona tas-sajd Marokkina, opportunitajiet ta’ sajd fuq skala żgħira, tal-qiegħ u pelaġiku skont il-modalitajiet previsti fit-tabella mehmuża għall-imsemmi protokoll. Dawn l-opportunitajiet ta’ sajd jistgħu jiġu rriveduti bi ftehim komuni, bis-saħħa tal-Artikolu 5 tal-istess protokoll.

25

L-anness tal-istess Protokoll tal-2013, intitolat “Kundizzjonijiet għall-attività tas-sajd fiż-żona tas-sajd Marokkina mill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea”, jinkludi Kapitolu III intitolat “Żoni tas-sajd” u fformulat kif ġej:

“I[r-Renju tal-]Marokk għandu jinforma lill-UE […], qabel id-data ta’ applikazzjoni tal-Protokoll, dwar il-koordinati ġeografiċi tal-linji ta’ bażi u taż-żoni kollha fi ħdana fejn is-sajd huwa projbit […]

Iż-żoni tas-sajd għal kull kategorija fiż-żona Atlantika tal-Marokk huma indikati fid-dokumenti tekniċi (l-Appendiċi 2)”.

26

L-Appendiċi 2 ta’ dan l-anness jinkludi sitt dokumenti b’informazzjoni teknika bin-numri 1 sa 6. Kull wieħed minn dawn id-dokumenti b’informazzjoni teknika jirrigwarda kategorija ta’ sajd speċifika u jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-sajd għal din il-kategorija. Fost il-kundizzjonijiet previsti minn kull wieħed mill-imsemmija dokumenti hemm “[l]imitu ġeografiku taż-żona awtorizzata”.

27

L-Appendiċi 4 tal-imsemmi anness, intitolat “Koordinati taż-żoni tas-sajd”, jindika li, “[q]abel id-dħul fis-seħħ [tal-Protokoll tal-2013], id-[d]ipartiment [tas-sajd marittimu tal-Ministeru tal-Agrikoltura u tas-Sajd Marittimu tar-Renju tal-Marokk] se jikkomunika lill-Kummissjoni l-koordinati ġeografiċi tal-linja ta’ bażi Marokkina, taż-żona tas-sajd Marokkina u taż-żoni li huma pprojbiti għan-navigazzjoni u għas-sajd”.

L-atti ta’ implementazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija u tal-Protokoll tal-2013.

28

Ir-Regolament Nru 764/2006 għandu b’mod partikolari l-għan, kif jirriżulta mill-premessa 3 tiegħu, li jiddefinixxi l-allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Istati Membri, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-protokoll inizjali. L-Artikolu 2a tiegħu jattribwixxi kwota ta’ 2500 tunnellata lir-Renju Unit għas-sajd pelaġiku industrijali.

29

Bl-istess mod, ir-Regolament Nru 1270/2013 kellu l-għan li jiddefinixxi l-metodu ta’ allokazzjoni bejn l-Istati Membri tal-opportunitajiet ta’ sajd previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll tal-2013. L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament attribwixxa kwota ta’ 4525 tunnellata lir-Renju Unit għas-sajd pelaġiku industrijali.

Il-kawżi prinċipali, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-domandi preliminari

30

Western Sahara Campaign UK hija organizzazzjoni volontarja bil-għan li tippromwovi r-rikonoxximent tad-dritt tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-awtodeterminazzjoni.

31

Hija ppreżentat żewġ azzjonijiet quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (il-Qorti tal-Ġustizzja Għolja (l-Ingilterra u Wales), Diviżjoni tal-Queen’s Bench (il-Qorti Amministrattiva), ir-Renju Unit). L-ewwel kawża tirrigwarda l-fatt dwar jekk l-amministrazzjoni fiskali u doganali tar-Renju Unit tistax taċċetta l-importazzjoni, f’dan l-Istat Membru, ta’ prodotti li joriġinaw mit-territorju tas-Saħara tal-Punent, bħala prodotti li joriġinaw mir-Renju tal-Marokk fis-sens tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. It-tieni kawża tikkontesta l-politika tas-sajd stabbilita mill-Ministru għall-Ambjent, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali tar-Renju Unit, minħabba li din tipprevedi l-inklużjoni tal-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri tad-dritt nazzjonali intiżi għall-implementazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija, tal-Protokoll tal-2013 u tal-atti tad-dritt sekondarju li permezz tagħhom l-Unjoni allokat opportunitajiet ta’ sajd lill-Istati Membri bis-saħħa ta’ dan il-ftehim u dan il-protokoll.

32

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Western Sahara Campaign UK issostni li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Ftehim ta’ Sħubija, il-Protokoll tal-2013 u l-atti tad-dritt sekondarju li jallokaw opportunitajiet ta’ sajd lill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ dawn tal-aħħar jiksru l-Artikolu 3(5) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-osservanza stretta u l-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, sa fejn dawn il-ftehimiet internazzjonali kollha japplikaw għat-territorju tas-Saħara tal-Punent kif ukoll għall-ibħra li jmissu ma’ dan it-territorju. Fil-fatt, l-inklużjoni ta’ dan it-territorju u ta’ dawn l-ibħra fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħhom hija manifestament inkompatibbli mad-dritt internazzjonali u, b’mod iktar speċifiku, mad-dritt għall-awtodeterminazzjoni, mal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar kif ukoll mal-obbligi għall-Istati u għas-suġġetti l-oħra tad-dritt internazzjonali li jtemmu ksur gravi ta’ regola imperattiva ta’ dan id-dritt, li ma jirrikonoxxux sitwazzjoni li nħolqot minn tali ksur u li ma jagħtux assistenza għat-twettiq ta’ fatt internazzjonalment illegali. Barra minn hekk, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll tal-2013 ma ġewx konklużi f’isem il-poplu tas-Saħara tal-Punent jew b’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tiegħu. Fl-aħħar nett, ma teżisti l-ebda prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ, għall-benefiċċju ta’ dan il-poplu, li jirriżulta minn dawn it-tliet ftehimiet internazzjonali.

33

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu, min-naħa tagħhom, li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni ma wettqu l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qiesu li l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali bħall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll tal-2013 ma kinux jiksru d-dritt internazzjonali.

34

Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari, li l-ewwel tnejn minnhom jirrigwardaw l-interpretazzjoni u l-validità tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, filwaqt li l-aħħar tnejn jirrigwardaw il-validità tal-Ftehim ta’ Sħubija u tad-diversi atti ta’ dritt sekondarju marbuta ma’ dan il-ftehim tal-aħħar.

35

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, billi tistaqsi jekk ir-riferementi għar-“Renju tal-Marokk” inklużi f’dan il-ftehim kellhomx jiġu interpretati fis-sens li huma kienu jirreferu biss għat-territorju sovran ta’ dan l-Istat, bl-esklużjoni għalhekk li prodotti li joriġinaw mit-territorju tas-Saħara tal-Punent jiġu importati fl-Unjoni b’eżenzjoni mid-dazji doganali skont l-imsemmi ftehim.

36

Permezz tat-tieni domanda tagħha, magħmula fil-każ fejn il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jippermetti li prodotti li ġejjin mit-territorju tas-Saħara tal-Punent jistgħu jiġu importati fl-Unjoni b’eżenzjoni mid-dazji doganali, il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk dan il-ftehim kienx validu fid-dawl tal-Artikolu 3(5) TUE.

37

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi ta’ ipoteżi analoga għal dik sottostanti t-tieni domanda tagħha, dwar il-validità tal-Ftehim ta’ Sħubija u tal-Protokoll tal-2013. F’dan ir-rigward, hija staqsiet, essenzjalment, sa fejn l-Unjoni setgħet, fid-dawl tal-Artikolu 3(5) TUE tikkonkludi, mar-Renju tal-Marokk, ftehimiet internazzjonali li jippermettu l-użu tar-riżorsi naturali li joriġinaw mill-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Fl-opinjoni tagħha, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li l-konklużjoni ta’ tali ftehimiet internazzjonali ma huwiex ipprojbit b’mod ġenerali u assolut, minkejja l-assenza ta’ rikonoxximent tas-sovranità tar-Renju tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent mill-komunità internazzjonali, minn naħa, u l-okkupazzjoni estiża ta’ dan it-territorju mhux awtonomu minn dan l-Istat, min-naħa l-oħra. Madankollu, il-konklużjoni tagħhom hija suġġetta għar-rekwiżit doppju li jkunu jikkonformaw mar-rieda tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u li jibbenefikaw lil dan tal-aħħar. F’dan il-każ, hija għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa sa fejn il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll tal-2013 josservaw dan ir-rekwiżit doppju.

38

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk persuna bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-locus standi tagħha huwa stabbilit fid-dritt nazzjonali, setgħetx tikkontesta l-validità ta’ ftehimiet internazzjonali bħall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll tal-2013, kif ukoll dik tal-atti ta’ approvazzjoni u ta’ implementazzjoni tagħhom, għal motivi bbażati fuq allegat ksur tad-dritt internazzjonali min-naħa tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija indikat li, jekk il-kawżi prinċipali kellhom jiġu deċiżi fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali biss, l-azzjonijiet jiġu miċħuda minħabba li jinvolvu evalwazzjoni tal-legalità tal-aġir ta’ awtoritajiet barranin. Hija enfasizzat ukoll li, fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Ġunju 1954, fil-Kawża tad-Deheb Monetarju Mneħħi minn Ruma fl-1943 (Ġabra tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, 1954, p. 19), il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istatut tagħha kien jipprekludiha milli tagħmel konstatazzjonijiet li jqiegħdu fid-dubju l-aġir, jew li jippreġudikaw id-drittijiet, ta’ Stat li ma jkunx parti fil-proċedura quddiemha u li ma jkunx ta l-kunsens tiegħu sabiex jintrabat bid-deċiżjonijiet tagħha. Il-qorti tar-rinviju, madankollu, żiedet li l-kawżi prinċipali għandhom bħala għan il-validità ta’ atti tal-Unjoni u li dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li jkun jeżisti dubju serju dwar il-validità tal-atti inkwistjoni, tista’ tippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 3(5) TUE.

39

Sussegwentement għall-preżentata tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu jiġi interpretat, skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni, fis-sens li dan il-ftehim ma huwiex applikabbli għat-territorju tas-Saħara tal-Punent (sentenza tal-21 ta’ Diċembru, Il-Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:973).

40

Wara l-għoti ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju ġiet mistoqsija dwar jekk hija xtaqitx iżżomm jew tirtira l-ewwel żewġ domandi tagħha, dwar l-interpretazzjoni u l-validità tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Bħala tweġiba, hija indikat li dawn kellhom jiġu kkunsidrati bħala rtirati.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (il-Qorti tal-Ġustizzja Għolja (l-Ingilterra u Wales), Diviżjoni tal-Queen’s Bench (il-Qorti Amministrattiva), ir-Renju Unit), iddeċidiet li żżomm d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-[Ftehim ta’ Sħubija] (kif approvat u implementat permezz tar-Regolament Nru 764/2006, tad-Deċiżjoni 2013/785 u tar-Regolament Nru 1270/2013) huwa validu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jimponu [lill-Unjoni] l-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-osservanza ta’ kull prinċipju rilevanti tad-dritt internazzjonali u għall-osservanza tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u fid-dawl tal-limiti li fihom il-Ftehim dwar is-sajd ġie konkluż għall-benefiċċju tal-poplu Saħrawi, f’ismu, skont ix-xewqat tiegħu u/jew f’konsultazzjoni mar-rappreżentanti rrikonoxxuti tiegħu?

2)

Ir-rikorrenti [fil-kawża prinċipali] għandha d-dritt tikkontesta l-validità ta’ atti tal-Unjoni Ewropea abbażi ta’ allegat ksur tad-dritt internazzjonali min-naħa tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl, b’mod partikolari:

a)

tal-fatt li, għalkemm, skont id-dritt nazzjonali, għandha locus standi in judicio sabiex tikkontesta l-validità tal-atti tal-Unjoni inkwistjoni, hija ma tinvoka ebda dritt abbażi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea; u

b)

tal-prinċipju stabbilit fil-kawża tad-Deheb monetarju mneħħi [sentenza tagħha tal-15 ta’ Ġunju 1954, Ġabra tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, 1954, p. 19] li l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ma tistax tagħmel konstatazzjonijiet li jqiegħdu fid-dubju l-aġir, jew li jippreġudikaw id-drittijiet, ta’ Stat li ma jkunx parti fil-proċedura quddiemha u li ma jkunx ta l-kunsens tiegħu sabiex jintrabat bid-deċiżjonijiet tagħha?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

42

Il-Kunsill jikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni teżamina l-validità ta’ ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll tal-2013, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari. Huwa jqis fil-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tiddeċiedi fuq il-validità tal-atti tal-Unjoni li jikkonkludu dawn il-ftehimiet.

43

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 19(3)(b) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267(b) TFUE jipprevedu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

44

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni u l-validità tal-atti meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mingħajr ebda eċċezzjoni (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi, C‑322/88, EU:C:1989:646, punt 8, u tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C-258/14, EU:C:2017:448, punt 30).

45

Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati jikkostitwixxu, fir-rigward tagħha, atti tal-istituzzjonijiet tagħha (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 41, u tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C-386/08, EU:C:2010:91, punt 39).

46

Għal dan il-għan, sa mid-dħul fis-seħħ tagħhom, tali ftehimiet jifformaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, EU:C:1974:41, punt 5 u tat-22 ta’ Novembru 2017, Aebtri, C-224/16, EU:C:2017:880, punt 50). Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tagħhom għandhom ikunu kompletament kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u mal-prinċipji kostituzzjonali li jirriżultaw minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 285, kif ukoll l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 67). B’mod iktar partikolari, minn naħa, il-kontenut materjali tagħhom għandu jkun kompatibbli mar-regoli li jirregolaw il-kompetenzi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll mar-regoli sostantivi rilevanti. Min-naħa l-oħra, il-metodi ta’ konklużjoni tagħhom għandhom jikkonformaw mar-regoli ta’ forma u ta’ proċedura applikabbli fid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/75 (Arranġament OECD – Standard ta’ Spiża Lokali), tal-11 ta’ Novembru 1975, EU:C:1975:145, p. 1360 u 1361, kif ukoll l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 6970).

47

Barra minn hekk, l-Unjoni għandha, skont ġurisprudenza stabbilita, teżerċita l-kompetenzi tagħha fl-osservanza tad-dritt internazzjonali fl-intier tiegħu, li jinkludi mhux biss ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali ġenerali u konswetudinarju, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jorbtuha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C-286/90, EU:C:1992:453, punt 9; tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, EU:C:2008:461, punt 291, u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C-366/10, EU:C:2011:864, punti 101 u 123).

48

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, kemm fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kif ukoll f’dak ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex twettaq evalwazzjoni dwar jekk ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni huwiex kompatibbli mat-Trattati (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 1/75 (Arranġament OECD – Standard ta’ Spiża Lokali), tal-11 ta’ Novembru 1975, EU:C:1975:145, p. 1361) u mar-regoli tad-dritt internazzjonali li, f’konformità magħhom, jorbtu lill-Unjoni.

49

Għandu jingħad ukoll li l-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni jorbtu mhux biss lill-istituzzjonijiet tagħha, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, iżda wkoll lill-Istati terzi li huma partijiet għal dawn il-ftehimiet.

50

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita b’talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-validità ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, din it-talba għandha tinftiehem fis-sens li tinkludi l-att li bih l-Unjoni kkonkludiet ta’ tali ftehim internazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑327/91, EU:C:1994:305, punt 17, u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, EU:C:2008:461, punti 286 u 289).

51

Fid-dawl tal-obbligi tal-Unjoni indikati fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, l-istħarriġ ta’ validità li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha twettaq f’tali kuntest jista’ madankollu jirrigwarda l-legalità ta’ dan l-att fid-dawl tal-kontenut stess tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, EU:C:2008:461, punt 289 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

Osservazzjonijiet preliminari

52

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-validità, fid-dawl tal-Artikolu 3(5) TUE, l-ewwel nett, tar-Regolament Nru 764/2006, sussegwentement, tad-Deċiżjoni 2013/785 u, fl-aħħar nett, tar-Regolament Nru 1270/2013.

53

Kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, din id-domanda ġiet magħmula fuq is-suppożizzjoni li l-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll tal-2013 jippermettu l-użu tar-riżorsi naturali li joriġinaw mill-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Tali ipoteżi timplika hija stess li dawn l-ibħra huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali rispettiv tal-imsemmi ftehim u tal-imsemmi protokoll, b’tali mod li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri jkollhom aċċess għalihom, bis-saħħa ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet internazzjonali, għall-użu tar-riżorsi inkwistjoni.

54

Permezz tal-imsemmija domanda, il-qorti tar-rinviju għalhekk, essenzjalment, tistaqsi jekk il-fatt li l-użu tar-riżorsi li joriġinaw mill-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent huwa permess mill-Ftehim ta’ Sħubija u mill-Protokoll tal-2013 jivvizzjax il-validità tar-Regolament Nru 764/2006, id-Deċiżjoni 2013/785 u r-Regolament Nru 1270/2013.

55

Issa, tali kwistjoni ta’ evalwazzjoni ta’ validità ssir rilevanti biss jekk l-ipoteżi li fuqha hija tistrieħ hija korretta.

56

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat qabelxejn jekk l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent humiex koperti mill-Ftehim ta’ Sħubija u mill-Protokoll tal-2013. Din il-verifika timplika, min-naħa tagħha, li jitwettaq eżami tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali rispettiv ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet internazzjonali.

Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim ta’ Sħubija

57

Il-Ftehim ta’ Sħubija fih tliet dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu. Qabelxejn, l-Artikolu 11 ta’ dan il-ftehim jispeċifika li huwa japplika, f’dak li jirrigwarda r-Renju tal-Marokk, “għat-territorju tal-Marokk u għall-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni Marokkina”. Sussegwentement, l-Artikolu 5 tal-imsemmi ftehim jipprevedi, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-attivitajiet ta’ sajd, li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri huma awtorizzati “jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ sajd fiż-żoni ta’ sajd [tar-Renju tal-Marokk]”. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2(a) tiegħu, jispeċifika li l-kunċett ta’ “żoni tas-sajd Marokkini” jirreferi għall-“ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk”.

58

Għall-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jsir riferiment għar-regoli ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju riflessi fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, li jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jifformaw parti mill-ordinament ġuridiku ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C-386/08, EU:C:2010:91, punti 40 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll għall-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, li torbot lill-Unjoni u li għaliha jirreferi espressament it-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim ta’ Sħubija kif ukoll l-Artikolu 5(4) ta’ dan il-ftehim.

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li mill-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim ta’ Sħubija jirriżulta li dan jikkonkretizza x-xewqa komuni tal-Unjoni u tar-Renju tal-Marokk li jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni mill-qrib stabbiliti bejniethom, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Għal dan il-għan, il-Ftehim ta’ Sħubija jifforma parti minn qafas konvenzjonali fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

60

L-istruttura ta’ dan il-qafas konvenzjonali hija ċarament enfasizzata mill-Protokoll tal-2013, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija peress li huwa jikkostitwixxi ftehim supplimentari konkluż miż-żewġ partijiet għal dan il-ftehim, fis-sens tal-Artikolu 31(3)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati. Fil-fatt, l-Artikolu 1 tal-Protokoll tal-2013 jipprovdi li kemm huwa stess kif ukoll il-Ftehim ta’ Sħubija jaqgħu fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li għall-għanijiet tiegħu dawn jikkontribwixxu.

61

Fid-dawl tal-eżistenza ta’ dan il-qafas konvenzjonali, il-kunċett ta’ “territorju tal-Marokk”, inkluż fl-Artikolu 11 tal-Ftehim ta’ Sħubija, għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħall-kunċett ta’ “territorju tar-Renju tal-Marokk”, li jinsab fl-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

62

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li dan l-aħħar kunċett għandu jinftiehem li jirreferi għall-ispazju ġeografiku li fuqu r-Renju tal-Marokk jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu rrikonoxxuta lill-entitajiet sovrani mid-dritt internazzjonali, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe territorju ieħor, bħal dak tas-Saħara tal-Punent (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punti 95 u 132).

63

Fil-fatt, l-inklużjoni tat-territorju tas-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tikser ċerti regoli ta’ dritt internazzjonali ġenerali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, jiġifieri l-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, imfakkar fl-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-prinċipju ta’ effett relattiv tat-trattati, li l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati jikkostitwixxi espressjoni partikolari tiegħu (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punti 88 sa 93, 100, 103 sa 107 u 123).

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-territorju tas-Saħara tal-Punent ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “territorju tal-Marokk”, fis-sens tal-Artikolu 11 tal-Ftehim ta’ Sħubija.

65

Fit-tieni lok, il-Ftehim ta’ Sħubija ma japplikax biss għat-territorju tar-Renju tal-Marokk, iżda japplika wkoll għall-“ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni” ta’ dan l-Istat, kif indikat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza. Min-naħa tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jużax tali espressjoni.

66

Issa, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni tal-imsemmija espressjoni, għandu jsir riferiment għall-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, kif indikat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza.

67

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2(1) tal-imsemmija konvenjoni jirriżulta li s-sovranità tal-Istat kostali testendi, lil hinn mit-territorju ta’ dan tal-aħħar u mill-ilmijiet interni tiegħu, għal żona ta’ baħar kontigwa, deskritta bl-isem ta’ “baħar territorjali”. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 55 u 56 tagħha, l-Istat kostali għandu ġurisdizzjoni flimkien ma’ ċerti drittijiet f’żona li tinsab lil hinn mill-baħar territorjali tiegħu u li tmiss miegħu, indikata bl-isem ta’ “żona ekonomika esklussiva”.

68

Minn dan jirriżulta li l-ibħra li fuqhom l-Istat kostali għandu sovranità jew ġurisdizzjoni, skont il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, huma limitati għall-ibħra li jmissu mat-territorju tiegħu u li jaqgħu fil-baħar territorjali tiegħu jew fiż-żona ekonomika esklużiva.

69

Konsegwentement, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li t-territorju tas-Saħara tal-Punent ma jifformax parti mit-territorju tar-Renju tal-Marokk, kif tfakkar fil-punti 62 sa 64 ta’ din is-sentenza, l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent ma jaqgħux fiż-żona ta’ sajd Marokkina msemmija fl-Artikolu 2(a) tal-Ftehim ta’ Sħubija.

70

Fit-tielet u l-aħħar lok, mill-Artikolu 31(4) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati jirriżulta li huwa ċertament possibbli għall-partijiet għal trattat li jiftiehmu li espressjoni inkluża fih tingħata sens partikolari.

71

Madankollu, fir-rigward tal-espressjoni “ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is-sovranità […] tar-Renju tal-Marokk” użata fl-Artikolu 2(a) tal-Ftehim ta’ Sħubija, għandu jiġi rrilevat li l-inklużjoni, għaldaqstant, tal-ilmijiet li jmissu direttament mal-kosta tat-territorju tas-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim tikser ir-regoli ta’ dritt internazzjonali indikati fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, li l-Unjoni għandha tosserva u li japplikaw mutatis mutandis għal dan il-każ. Konsegwentement, l-Unjoni ma tistax b’mod validu taqbel mal-intenzjoni tar-Renju tal-Marokk li jinkludi, b’dan il-mod, l-ilmijiet inkwistjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim.

72

Fir-rigward tal-espressjoni “ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is-sovranità […] tar-Renju tal-Marokk” li tinsab f’din id-dispożizzjoni, il-Kunsill u l-Kummissjoni pprevedew, fost suppożizzjonijiet oħra, li r-Renju tal-Marokk ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala “awtorità amministrattiva de facto” jew awtorità okkupanti tas-Saħara tal-Punent u li tali klassifikazzjoni tista’ tkun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed madankollu li jiġi osservat li, anki mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk intenzjoni komuni possibbli tal-partijiet għall-Ftehim ta’ Sħubija li din l-espressjoni tingħata sens partikolari, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni tali ċirkustanzi, kinitx konformi mar-regoli ta’ dritt internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni, tali intenzjoni komuni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi kkonstatata f’dan il-każ peress li r-Renju tal-Marokk kategorikament eskluda li huwa awtorità okkupanti jew awtorità amministrattiva tat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

73

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent ma jaqgħux taħt l-espressjoni “ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk”, li tinsab fl-Artikolu 2(a) tal-Ftehim ta’ Sħubija.

Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Protokoll tal-2013

74

Fir-rigward tal-Protokoll tal-2013, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar li dan jifforma parti minn sensiela ta’ protokolli li kollha kellhom l-għan li jistabbilixxu, għal perijodu determinat, l-opportunitajiet ta’ sajd previsti fl-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Sħubija għall-benefiċċju tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri, kif ġie indikat fil-punti 21 u 22 ta’ din is-sentenza.

75

B’differenza għall-Ftehim ta’ Sħubija, il-Protokoll tal-2013 ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni speċifika li tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu.

76

Madankollu, diversi dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll jużaw l-espressjoni “żoni tas-sajd Marokkini”.

77

Issa, din l-espressjoni hija identika għal dik li tinsab fl-Artikolu 2(a) tal-Ftehim ta’ Sħubija, li jipprovdi, minn naħa, li għandha tinftiehem li tirreferi għall-“ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk”, u, min-naħa l-oħra, li tali definizzjoni tapplika mhux biss għal dan il-ftehim, iżda wkoll għall-protokoll tiegħu flimkien mal-anness. Barra minn hekk, mill-Artikolu 16 tal-Ftehim ta’ Sħubija u mill-Artikolu 1 tal-Protokoll tal-2013 jirriżulta li dan il-protokoll, l-anness tiegħu u l-appendiċijiet tiegħu jifformaw parti integrali mill-imsemmi ftehim.

78

Minn dan isegwi li l-espressjoni “żoni tas-sajd Marokkini”, użata kemm fil-Ftehim ta’ Sħubija kif ukoll fil-Protokoll tal-2013, li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu, għandha tinftiehem li tirreferi għall-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew taħt il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk.

79

Konsegwentement, u skont l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li l-espressjoni “żoni tas-sajd Marokkini”, fis-sens tal-imsemmi protokoll, ma tinkludix l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

80

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-anness tal-Protokoll tal-2013 jipprevedi, fil-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Żoni tas-sajd”, li “[r]-[Renju tal-]Marokk għandu jinforma lill-UE […], qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ [dan il]-Protokoll, dwar il-koordinati ġeografiċi tal-linji ta’ bażi”. Min-naħa l-oħra, l-Appendiċi 4 ta’ dan l-anness, intitolat “Koordinati taż-żoni tas-sajd”, jispeċifika, fl-istess kuntest, li, “[q]abel id-dħul fis-seħħ [tal-Protokoll tal-2013], id-[d]ipartiment [tas-sajd marittimu tal-Ministeru tal-Agrikoltura u tas-Sajd Marittimu tar-Renju tal-Marokk] se jikkomunika lill-Kummissjoni l-koordinati ġeografiċi tal-linja ta’ bażi Marokkina [u] taż-żona tas-sajd Marokkina”.

81

F’dan ir-rigward, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-komunikazzjoni tal-koordinati ġeografiċi msemmija mid-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti twettqet biss fis-16 ta’ Lulju 2014. Peress li l-Protokoll tal-2013 daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2014, dawn il-koordinati ġeografiċi ma humiex inklużi fit-test tiegħu, kif miftiehem bejn il-partijiet.

82

Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 79 ta’ din is-sentenza u tal-motivi li fuqhom hija bbażata, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-imsemmija koordinati ġeografiċi kienu ġew ikkomunikati qabel id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll tal-2013, dawn ma setgħu bl-ebda mod iqajmu dubju dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “żoni tas-sajd Marokkini” li tinsab fl-imsemmi punt jew jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-protokoll b’mod li jinkludi fih l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

83

Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll tal-2013 għandhom jiġu interpretati, skont id-regoli tad-dritt internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni u li japplikaw fir-relazzjonijiet bejnha u r-Renju tal-Marokk, fis-sens li l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali rispettiv ta’ dan il-ftehim u ta’ dan il-protokoll.

84

Għaldaqstant, jirriżulta li s-suppożizzjoni kuntrarja, kif indikata fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza, li hija l-bażi tad-domandi tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-validità tar-Regolament Nru 764/2006, tad-Deċiżjoni 2013/785 u tar-Regolament Nru 1270/2013 ma hijiex korretta.

85

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, peress li la l-Ftehim ta’ Sħubija u lanqas il-Protokoll tal-2013 ma japplikaw għall-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent, l-eżami tiegħu ma żvela ebda element ta’ natura tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 764/2006, tad-Deċiżjoni 2013/785 u tar-Regolament Nru 1270/2013 fid-dawl tal-Artikolu 3(5) TUE.

Fuq it-tieni domanda

86

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk parti f’kawża li għandha locus standi taħt id-dritt nazzjonali, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tistax tikkontesta l-validità tal-atti ta’ konklużjoni u ta’ implementazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija u tal-Protokoll tal-2013, minħabba li l-Unjoni tkun kisret id-dritt internazzjonali.

87

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din it-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

88

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Peress li la l-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk, u lanqas il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, ma japplikaw għall-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent, l-eżami tal-ewwel domanda preliminari ma żvela l-ebda element ta’ natura tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 dwar il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/785/UE tas-16 ta’ Diċembru 2013 dwar il-konklużjoni ta’ dan il-protokoll u tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1270/2013 tal-15 ta’ Novembru 2013 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd taħt l-imsemmi protokoll, fid-dawl tal-Artikolu 3(5) TUE.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.