SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
29 ta’ Novembru 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 5(2)(b) – Eċċezzjoni ta’ kopja privata – Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Mod tekniku speċifiku – Provvista ta’ servizz ta’ reġistrazzjoni vidjo fis-sħaba (cloud computing) ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, mingħajr il-kunsens tal-awtur ikkonċernat – Intervent attiv tal-fornitur tas-servizz fl-imsemmija reġistrazzjoni”
Fil-Kawża C‑265/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Torino (Qorti tal-ewwel istanza ta’ Torino, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura
VCAST Limited
vs
RTI SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Marzu 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal VCAST Limited, minn E. Belisario, F. G. Tita, M. Ciurcina u G. Scorza, avukati, |
|
– |
għal RTI SpA, minn S. Previti, G. Rossi, V. Colarocco, F. Lepri, u A. La Rosa, avukati, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Galluzzo u R. Guizzi, avvocati dello stato, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Segoin, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u T. Rendas, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Malferrari u J. Samnadda, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Settembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), b’mod partikolari tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol, 25, p. 399), kif ukoll tat-Trattat TFUE. |
|
2 |
Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn VCAST Limited u RTI SpA dwar il-legalità tat-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-klijenti ta’ VCAST ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni vidjo fis-sħaba ta’ programmi televiżivi mxandra, b’mod partikolari, minn RTI. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2000/31
|
3 |
Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31: “L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.” |
|
4 |
L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/31 jipprovdi li, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva ma japplikax għall-oqsma koperti fl-anness ta’ din id-direttiva, peress li l-imsemmija direttiva tkopri, b’mod partikolari, id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. |
Id-Direttiva 2001/29
|
5 |
Skont il-premessa 1 tad-Direttiva 2001/29: “It-Trattat jipprovdi għat-twaqqif ta’ suq intern u l-istituzzjoni ta’ sistema li jiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx inġusta. L-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati tikkontribwixxi għall-kisba ta’ dawn l-oġġettivi.” |
|
6 |
Il-premessa 23 ta’ din id-direttiva tistipula: “Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.” |
|
7 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:
|
|
8 |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.” |
|
9 |
L-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin: […]
|
|
10 |
Skont l-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva: “L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każijiet speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.” |
Id-dritt Taljan
|
11 |
L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ġie traspost fid-dritt Taljan bl-Artikolu 71 sexies tal-legge n. 633 – Protezione del diritto d’autore e di altri diritti connessi al suo esercizio (Liġi Nru 633, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet oħra konnessi mal-eżerċizzju tagħhom), tat-22 ta’ April 1941, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur”). Dan l-Artikolu 71 sexies, li jinsab fit-Taqsima II ta’ din il-liġi, intitlolata “Riproduzzjoni privata għal użu personali”, jistipula: “1. Ir-riproduzzjoni privata ta’ fonogrammi u vidjogrammi fuq kull mezz magħmula minn persuni fiżiċi għal użu personali biss għandha tkun permessa, bil-kundizzjoni li ma ssirx għal profitt jew għal għanijiet li jkunu direttament jew indirettament kummerċjali, f’konformità mal-miżuri tekniċi msemmija fl-Artikolu 102 quater. 2. Ir-riproduzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax issir minn terzi. Il-provvista ta’ servizzi intiża għar-riproduzzjoni ta’ fonogrammi u vidjogrammi minn persuna fiżika għall-użu personali tagħha tikkostitwixxi attività ta’ riproduzzjoni rregolata mill-Artikoli 13, 72, 78a, 79 u 80. […]” |
|
12 |
L-Artikolu 53 septies tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur jipprevedi: “1. L-awturi u l-produtturi ta’ fonogrammi kif ukoll il-produttur oriġinali ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, l-artisti, il-produtturi ta’ vidjogrammi u l-aventi kawża tagħhom għandhom ikunu intitolati għal kumpens għall-ikkopjar privat ta’ fonogrammi u vidjogrammi msemmi fl-Artikolu 71 sexies. Fir-rigward ta’ apparati intiżi biss għar-reġistrazzjoni analoga jew diġitali ta’ fonogrammi jew vidjogrammi, dan il-kumpens għandu jikkonsisti f’perċentwali tal-prezz imħallas mix-xerrej finali lill-bejjiegħ bl-imnut li, fir-rigward ta’ apparati u mezzi b’għanijiet multipli, għandu jiġi kkalkolat abbażi ta’ apparat u mezzi b’karatteristiċi ekwivalenti għal dawk tal-komponent intern intiż sabiex jirreġistra jew, meta dan ma jkunx possibbli, ta’ ammont fiss għal kull apparat u mezz. Fir-rigward ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni awdjo u vidjo, bħal mezzi analogi, mezzi diġitali, memorja interna jew li tista’ titneħħa intiżi għar-reġistrazzjoni ta’ fonogrammi jew vidjogrammi, il-kumpens għandu jikkonsisti f’somma li tkun tikkorrispondi mal-kapaċità ta’ reġistrazzjoni pprovduta minn dawn il-mezzi. Fir-rigward ta’ sistemi ta’ reġistrazzjoni vidjo mill-bogħod, il-kumpens imsemmi f’dan il-paragrafu għandu jkun dovut mill-persuna li tagħti s-servizz u jkun jikkorrispondi mar-rimunerazzjoni miksuba sabiex jingħata dan is-servizz. 2. Il-kumpens imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi ffissat, fl-osservanza tad-dritt Komunitarju u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’kull każ, id-drittijiet ta’ riproduzzjoni, permezz tad-Digriet tal-Ministru tal-Beni u tal-Attivitajiet Kulturali sabiex jiġi adottat sal-31 ta’ Diċembru 2009, wara konsultazzjoni mal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 190 u tal-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-produtturi tal-apparati u tal-mezzi msemmija fil-paragrafu 1. Għall-iffissar tal-kumpens, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri tekniċi msemmija fl-Artikolu 102 quater u l-effett differenti ta’ kkopjar diġitali b’paragun ma’ kkopjar analogu. Dan id-digriet għandu jiġi aġġornat kull tliet snin. […]”. |
|
13 |
Skont l-Artikolu 102(5) tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur: “1. Il-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati kif ukoll tad-dritt previst fl-Artikolu 102bis(3), jistgħu japplikaw għax-xogħlijiet jew oġġetti protetti miżuri teknoloġiċi ta’ protezzjoni effettivi li jinkludu kull teknoloġija, kull tagħmir jew kull komponent li, fil-kors normali tal-funzjonament tiegħu, huwa intiż sabiex jipprekludi jew jillimita l-atti mhux awtorizzati mill-proprjetarji tad-drittijiet. 2. Il-miżuri teknoloġiċi ta’ protezzjoni għandhom jitqiesu bħala effettivi meta l-użu tax-xogħol jew tal-oġġett protett ikun ikkontrollat mill-proprjetarji tad-drittijiet permezz tal-applikazzjoni ta’ tagħmir ta’ aċċess jew ta’ proċess ta’ protezzjoni, bħall-kodifikazzjoni, it-taqlib jew kwalunkwe trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew tal-oġġett protett, jew jekk dan l-użu jkun limitat permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll tal-ikkopjar li jilħaq l-għan ta’ protezzjoni. 3. Dan l-artikolu ma jaffettwax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-programmi tal-kompjuter previsti fit-Titolu I, Kapitolu IV, Taqsima VI.” |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
14 |
VCAST hija kumpannija rregolata taħt id-dritt Ingliż li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti tagħha, fuq l-internet, sistema ta’ reġistrazzjoni vidjo, fi spazju ta’ ħażna fis-sħaba (cloud), xandiriet ta’ korpi tat-televiżjoni Taljani mxandra b’mezzi terrestri, fosthom jinsabu dawk ta’ R.T.I. |
|
15 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-prattika, l-utent jagħżel xandira fuq is-sit tal-internet ta’ VCAST, li tinkludi l-organizzazzjoni tal-programmi kollu tal-istazzjonijiet televiżivi inklużi fis-servizz mogħti minn din il-kumpannija. L-utent jista’ jew jindika xandira speċifika, jew ħin. Imbagħad is-sistema ġestita minn VCAST taqbad is-sinjal tat-televiżjoni bl-għajnuna tal-antenni tagħha stess u tirreġistra l-ħin tax-xandira magħżula fuq l-ispazju ta’ ħażna tad-data fis-sħaba indikata mill-utent. Dan l-ispazju ta’ ħażna jinxtara minn dan tal-aħħar minn fornitur ieħor. |
|
16 |
VCAST ħarrket lil RTI quddiem l-Awla speċjalizzata fid-dritt tal-impriżi tat-Tribunale di Torino (qorti tal-prim’istanza ta’ Torino, l-Italja), li għaliha hija talbet li tikkonstata l-legalità tal-attivitajiet tagħha. |
|
17 |
Matul il-proċeduri, permezz ta’ digriet proviżżorju tat-30 ta’ Ottubru 2015, dik il-qorti laqgħet parzjalment talba għal miżuri proviżorji magħmula minn RTI u pprojbixxiet lil VCAST, essenzjalment, milli tkompli bl-attivitajiet tagħha. |
|
18 |
Peress li qieset li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi parzjalment mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, it-Tribunale di Torino (qorti tal-prim’istanza ta’ Torino) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
|
19 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju adottat digriet provviżorju li kien jinkludi miżuri ta’ projbizzjoni provviżorja tal-attività ta’ VCAST. |
|
20 |
Minħabba f’hekk, l-imsemmija qorti għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi dwar din l-attività, peress li qieset żewġ ipoteżijiet opposti. Waħda tikkunsidra li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi tali attività, filwaqt li l-oħra tipproponi li din tal-aħħar, għall-kuntrarju, hija awtorizzata. |
|
21 |
B’hekk, jista’ jiġi dedott minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li ma huwiex stabbilit li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tipprojbixxi effettivament tali attività. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tirrispondi għal dawn iż-żewġ domandi flimkien, billi tikkunsidra l-ipoteżi fejn kuntest fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tawtorizza l-eżerċizzju ta’ attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
23 |
Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tirreferi, mhux biss għad-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) tiegħu, iżda wkoll id-Direttiva 2000/31 kif ukoll għat-“Trattat fundatur”. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 19 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2000/31 li tista’ tkun rilevanti fil-każ preżenti hija l-Artikolu 3(2) tagħha, li tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li ġejjin minn Stat Membru ieħor. Madankollu, skont l-Artikolu 3(3) tal-isemmija direttiva, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija projbizzjoni huma esklużi, b’mod partikolari, ir-restrizzjonijiet li ġejjin mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. |
|
25 |
Isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31 ma humiex applikabbli f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna d-drittijiet tal-awtur u l-eċċezzjonijiet għalihom. |
|
26 |
Fir-rigward tad-domandi magħmula sa fejn jirrigwardaw it-“Trattat”, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta domanda tkun is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-unjoni, il-miżuri nazzjonali relatati magħha għandhom ikunu evalwati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C‑324/99, EU:C:2001:682, punt 32; tal-24 ta’ Jannar 2008, Roby Profumi, C-257/06, EU:C:2008:35, punt 14, kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2009, HSBC Holdings u Vidacos Nominees, C-569/07, EU:C:2009:594, punt 26). |
|
27 |
Issa, għandu jiġi rrilevat li wieħed mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2001/29 huwa, kif jidher mill-premessa 1 tiegħu, li jarmonizza l-liġijiet tal-Istati Membri dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet viċini, sabiex jikkontribwixxi għall-kisba tal-għan li jiġi stabbilit suq intern. |
|
28 |
Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar id-domandi magħmula fir-rigward tat-Trattat FUE. |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti nazzjonali essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) tagħha, tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, li tippermetti lil impriża kummerċjali li tipprovdi lill-individwi servizz ta’ reġistrazzjoni mil-bogħod fis-sħaba ta’ kopji privati ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur, permezz ta’ sistema informatika, li sseħħ attivament fir-reġistrazzjoni, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet. |
Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
30 |
Skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom id-dritt jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni meta inkwistjoni jkun hemm riproduzzjonijiet mwettqa fuq kull mezz minn persuna fiżika għal użu privat jew għal finijiet li la huma direttament jew indirettament kummerċjali. |
|
31 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva jipprevedi li l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva, għandhom jiġu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet. |
|
32 |
Fir-rigward tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, hemm lok li jitfakkar li, qabel kollox, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jidderogaw minn prinċipju ġenerali stabbilit minn din l-istess direttiva għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta (sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et,C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-imsemmi Artikolu 5(2)(b) għandu jkun is-suġġett ta’ din l-imsemmija interpretazzjoni. |
|
33 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li meta ssir kopja minn persuna fiżika li taġixxi f’kapaċità privata, dan għandu jitqies bħala att tali li jikkawża dannu lid-detentur tad-drittijiet ikkonċernati, peress li ssir mingħajr ma tintalab, minn qabel, l-awtorizzazzjoni ta’ dan id-detentur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C-467/08, EU:C:2010:620, punti 44 sa 46). |
|
34 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jinftiehem fis-sens li għalkemm l-eċċezzjoni ta’ kopja privata tipprojbixxi, ċertament, lid-detentur tad-drittijiet milli juża d-dritt esklużiv tiegħu li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjonijiet fir-rigward ta’ persuni li jwettqu kopji privati tax-xogħlijiet tagħhom, din id-dispożizzjoni tipprekludi li din id-dispożizzjoni ma għandhiex tinftiehem bħala li timponi, lil hinn minn din il-limitazzjoni prevista espliċitament, fuq id-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jittolleraw ksur tad-drittijiet tiegħu li jistgħu jakkompanjaw it-twettiq ta’ kopji privati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 31) |
|
35 |
Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex ikunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 5(2) (b), ma huwiex neċessarju li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkollhom tagħmir, apparat jew mezzi għar-riproduzzjoni. Jistgħu wkoll jiġu pprovduti minn terz b’sistema ta’ riproduzzjoni, li tikkostitwixxi l-premessa fattwali neċessarja sabiex dawn il-persuni fiżiċi jkunu jistgħu jiksbu kopji privati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C-467/08, EU:C:2010:620, punt 48). |
|
36 |
Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq li għandu jiġi vverifikat jekk servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-elementi rilevanti tiegħu huma speċifikati fil-punti 14 u 15 ta’ din is-sentenza, jaqax fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fornitur ta’ dan is-servizz ma jorganizzax biss ir-riproduzzjoni, iżda barra minn hekk jipprovdi, għall-iskop ta’ riproduzzjoni, aċċess għax-xandiriet ta’ ċerti stazzjonijiet televiżivi li jistgħu jiġu rreġistrati mill-bogħod. B’hekk, huma l-klijenti individwali li għandhom jagħżlu l-programmi li għandhom jiġu rreġistrati. |
|
38 |
F’dan is-sens, is-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu funzjoni doppja, li tikkonsisti f’li jiżgura kemm ir-riproduzzjoni kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet u l-oġġetti kkonċernati minnha. |
|
39 |
Issa, għalkemm l-eċċezzjoni tal-kopja privata timplika li d-detentur tad-drittijiet għandu jżomm lura milli jeżerċita d-dritt esklużiv tiegħu li jawtorizza jew jipprojbixxi kopji privati, imwettqa minn persuni fiżiċi, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta ta’ din l-eċċezzjoni jimplika li dan id-detentur ma huwiex b’hekk imċaħħad mid-dritt tiegħu li jipprojbixxi jew li jawtorizza l-aċċess għax-xogħlijiet jew għall-oġġetti, li dawn l-istess persuni jixtiequ jwettqu kopji privati. |
|
40 |
Fil-fatt, mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, jirriżulta li kull komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħol jew ta’ oġġett protett, għandha tkun suġġetta għall-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, peress li jinftiehem li, kif jirriżulta mill-premessa 23 ta’ din id-direttiva, id-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku għandu jinftiehem fis-sens wiesa’ bħala li jkopri kwalunkwe trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħol lill-pubbliku, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. |
|
41 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” jassoċja żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil “pubbliku” (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 37). |
|
42 |
Meta dan jiġi speċifikat, għandu, fir-rigward tal-kunċett ta’ “att ta’ komunikazzjoni”, jiġi enfasizzat li dan jirrigwarda kull xandir ta’ xogħlijiet protetti, indipendentement mill-mezz jew mill-proċess tekniku użat (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 38). |
|
43 |
Barra minn hekk, kull trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħol li tuża mezz tekniku speċifiku għandu jkun, fil-prinċipju, awtorizzat individwalment mill-awtur tax-xogħol inkwistjoni (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 39). |
|
44 |
It-tieni nett, sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jeħtieġ ulterjorment, hekk kif tfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li x-xogħlijiet protetti jiġu effettivament ikkomunikati lil “pubbliku” (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 40). |
|
45 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “pubbliku” ikopri numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 41). |
|
46 |
F’dan il-każ, il-fornitur tas-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirreġistra x-xandiriet u jagħmilhom disponibbli għall-klijenti tiegħu permezz tal-internet. |
|
47 |
Fl-ewwel lok, huwa ċar li l-persuni kollha mmirati minn dan il-fornitur jikkostitwixxu “pubbliku”, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza. |
|
48 |
Fit-tieni lok, it-trażmissjoni oriġinali magħmula mill-korp tax-xandir, minn naħa, u dik imwettqa mill-fornitur tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, min-naħa l-oħra, titwettaq f’kundizzjonijiet tekniċi speċifiċi, skont mod differenti ta’ trażmissjoni ta’ xogħlijiet u kull wieħed minnhom huwa maħsub għall-pubbliku tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C-607/11, EU:C:2013:147, punt 39). |
|
49 |
It-trażmissjonijiet imsemmija għalhekk jikkostitwixxu komunikazzjonijiet differenti lill-pubbliku, u kull waħda minnhom għandha, għaldaqstant ikollha l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati. |
|
50 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx iktar lok li jiġi eżaminat, downstream, jekk il-pubbliku mmirat minn dawn il-komunikazzjonijiet huwiex identiku jew jekk, jekk ikun il-każ, il-pubbliku mmirat mill-fornitur tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix pubbliku ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C-607/11, EU:C:2013:147, punt 39). |
|
51 |
Minn dan jirriżulta li, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mid-detentur tad-drittijiet, it-twettiq ta’ kopji ta’ xogħlijiet permezz ta’ servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jikser id-drittijiet ta’ dan id-detentur. |
|
52 |
Għaldaqstant, tali servizz ta’ reġistrazzjoni ma jistax jaqa’ fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. |
|
53 |
F’dawn iċ-ċirksutanzi, ma hemmx iktar lok li tiġi vverifikata l-osservanza tal-kundizzjonijiet imposta mill-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva. |
|
54 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula li d-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) tagħha, tipprekludi leġizlazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil impriża kummerċjali li tipprovdi lil individwi servizz ta’ reġistrazzjoni mill-bogħod fis-sħaba kopji privati ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, permezz ta’ sistema informatika, li tintervjeni attivament fir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-kopji, mingħajr l-awtorizazzjoni tad-detentur tad-drittijiet. |
Fuq l-ispejjeż
|
55 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal‑informazzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) tiegħu, tipprekludi leġizlazzjonali, li tippermetti lil impriża kummerċjali li tipprovdi lil individwi servizz ta’ reġistrazzjoni mill-bogħod fis-sħaba kopji privati ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, permezz ta’ sistema informatika, li tintervjeni attivament fir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-kopji, mingħajr l-awtorizazzjoni tad-detentur tad-drittijiet. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.