SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
16 ta’ Novembru 2017 ( *1 ) ( 1 )
“Appell – Klawżola ta’ arbitraġġ – Sitt programm kwadru għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2002‑2006) – Rimbors ta’ parti mis-somom imħallsa lill-appellanti – Kumpensi fil-forma ta’ somma f’daqqa”
Fil-Kawża C‑250/16 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-2 ta’ Mejju 2016
Ludwig-Bölkow-Systemtechnik GmbH, stabbilita f’Ottobrunn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Núñez Müller, Rechtsanwalt,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche u F. Moro, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn A. Borg Barthet (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Ludwig-Bölkow-Systemtechnik GmbH titolb l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Frar 2016, Ludwig-Bölkow-Systemtechnik vs Il‑Kummissjoni (T‑53/14, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:88), li permezz tagħha din laqgħet parzjalment ir-rikors tagħha intiż sabiex jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Kummissjoni Ewropea ma kellhiex dritt titlobha r-rimbors ta’ antiċipi mħallsa fir-rigward ta’ tliet kuntratti u, min-naħa l-oħra, li l-appellanti ma kellhiex l-obbligu tħallas kumpensi fil-forma ta’ somma f’daqqa lill-Kummissjoni. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma deskritti kif ġej fil-punti 1 sa 19 tas-sentenza appellata:
|
Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
3 |
Permezz ta’ att ippreżentat fl-20 ta’ Jannar 2014 fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, l-appellanti ppreżentat rikors intiż li jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma kinitx ikkalkolat l-ispejjeż tat-tliet proġetti skont l-istipulazzjonijiet kuntrattwali, it-tieni nett, li, fil-kuntest tal-proġett HyWays, l-ammont tal-kontribut finanzjarju tal-Unjoni rċevut mill-appellanti kien inqas minn dak indikat f’żewġ noti ta’ debitu maħruġa mill-Kummissjoni, it-tielet nett, li l-Kummissjoni kienet ikklassifikat mill-ġdid b’mod żbaljat spejjeż ta’ ġestjoni bħala spejjeż ta’ riċerka fil-proġett HyApproval, ir-raba’ nett, li l-appellanti ma kellhiex obbligu tħallas kumpensi fil-forma ta’ somma f’daqqa lill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tliet proġetti u, fl-aħħar nett, il-ħames nett, li l-Kummissjoni kienet b’mod żbaljat ħarġet in-noti ta’ debitu kontenzjużi, peress li l-ammonti dovuti mill-appellanti kienu inqas minn dawk indikati f’dawn in-noti. |
|
4 |
Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti kienet, essenzjalment, invokat erba’ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq in-natura żbaljata tar-rifjut tal-Kummissjoni li taċċetta l-metodu ta’ kalkolu tal-ispejjeż ta’ proġett propost mill-appellanti. Permezz tat-tieni motiv tagħha, l-appellanti kienet sostniet li l-Kummissjoni kienet, b’mod żbaljat, allegat li hija kienet ibbenefikat minn kontribut finanzjarju ta’ ammont ta’ EUR 604 240.79 fil-kuntest tal-proġett HyWays. It-tielet motiv kien jirrigwarda n-natura żbaljata tal-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ ċertu spejjeż sostnuti fil-kuntest tal-kuntratt relatat mal-proġett HyApproval. Fl-aħħar nett, ir-raba motiv kien relatat man-natura żbaljata tat-talba għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa mressqa mill-Kummissjoni. |
|
5 |
Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet kapijiet ta’ talbiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm iktar lok li tittieħed deċiżjoni dwarhom, peress li l-Kummissjoni, bl-adozzjoni tan-noti ta’ kreditu Nr 3233150004 u Nru 3233150006, kienet irrikonoxxiet il-fondatezza tal-allegazzjonijiet tal-appellanti. |
|
6 |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel kap ta’ talbiet tal-appellanti relatat mal-metodu ta’ kalkolu tal-ispejjeż ta’ proġett. Hija b’mod partikolari ddeċidiet, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet, b’mod korrett, warbet il-metodu ta’ reġistrazzjoni tal-ispejjeż magħżul mill-appellanti minħabba li dak kien iwassal sabiex jiġu ddikjarati spejjeż li la kienu reali, la kienu ekonomikament razzjonali u lanqas kienu neċessarji għall-implementazzjoni tal-proġett fis-sens tal-punti II.19(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali. |
|
7 |
Fir-rigward tar-raba’ kap ta’ talbiet relatat mal-kumpensi fil-forma ta’ somma f’daqqa, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-punt II.30 tal-kundizzjonijiet ġenerali fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni kinitx konformi mar-regoli tal-code civil belge (il‑Kodiċi Ċivili Belġjan) li jirregolaw l-użu tal-klawżoli ta’ penalità. Hija qieset, fit-tmiem ta’ dan l-eżami, li skont l-Artikolu 1231 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, is-somom dovuti bħala kumpensi fil-forma ta’ somma f’daqqa mill-appellanti kellhom jitnaqqsu għal ammont ekwivalenti għal 10 % tal-antiċipi indebitament riċevuti minn din tal-aħħħar. |
It-talbiet tal-partijiet
|
8 |
Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
9 |
Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
|
10 |
Hija ssostni li l-appell huwa inammissibbli inkwantu dan jirrigwarda t-tqassim tal-ispejjeż deċiż mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, relatati mat-tieni u mat-tielet kapijiet ta’ talbiet tar-rikors li fir-rigward tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tittieħed deċiżjoni. |
Fuq l-appell
Fuq it-talbiet tal-appell inkwantu dawn jirrigwardaw il-kuntratti kontenzjużi
|
11 |
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħames aggravji bbażati rispettivament, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, ksur tal-prinċipju ta’ bona fide, żnaturament tal-provi, ksur tal-Artikoli 1162, 1134 u 1135 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan u, fl-aħħar nett, żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kumpensi fil-forma ta’ somma f’daqqa. |
Fuq l-ewwel aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
12 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, fil-punti 51, 55 u 58 tas-sentenza appellata, meta hija ċaħdet il-metodu ta’ kalkolu tar-rata fis-siegħa li hija użat minħabba li dan il-metodu kien jagħti lok għal spejjeż għola “li la kienu reali, la kienu ekonomikament razzjonali u lanqas kienu neċessarji għall-implementazzjoni tal-proġett” u kellu, barra minn hekk, bħala effett li l-Kummissjoni tipparteċipa “fil-kopertura tal-ispejjeż kollha tal-appellanti, irrispettivament minn kull analiżi tar-rabta tagħhom mal-proġetti”. |
|
13 |
L-appellanti ssostni li l-motivi li jinsabu f’dawn il-punti huma inkomprensibbli inkwantu l-kwozjent li hija għażlet (spejjeż/sigħat ta’ xogħol li jistgħu jingħaddu) għandu rabta ħafna iktar stretta mal-proġetti indikati fil-kuntratti mill-kwozjent użat mill-Kummissjoni [spejjeż/totalità ta’ sigħat ta’ xogħol (li jistgħu jingħaddu u li ma jistgħux jingħaddu)]. Fil-fatt, dan tal-aħħar jinkludi mhux biss proġetti oħra, iżda wkoll is-sigħat ta’ xogħol kollha mingħajr rabta mal-proġetti. |
|
14 |
Fir-replika tagħha, l-appellanti tindika li l-għarfien miksub fil-kuntest tal-monitoraġġ tal-proġett u tat-titjib jiggarantixxi u jtejjeb il-kwalità tal-proġetti kollha, inklużi l-proġetti kontenzjużi. Minn dan isegwi li l-ispejjeż li jikkorrispondu għall-monitoraġġ tal-proġett u għat-titjib huma spejjeż eliġibbli, skont il-punt II.19(1) u l-puntII.20(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali. |
|
15 |
Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
16 |
Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din il-kwistjoni tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti għalkemm tesprimi motivi żbaljati. Minn dan isegwi li l-ilmenti u l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza ta’ att ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ aggravju bbażat fuq in-nuqqas jew fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il‑Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
17 |
Sa fejn l-argument invokat mill-appellanti insostenn tal-ewwel aggravju jista’ jinftiehem bħala li huwa intiż jew sabiex jikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-metodu ta’ kalkolu tar-rata fis-siegħa, jew sabiex jitqies li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 51, 55 u 58 tas-sentenza appellata, immotivat l-evalwazzjoni tagħha b’mod kontradittorju u ekwivoku, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
18 |
Fil-fatt, fil-punti 46 sa 48 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret il-karatteristiċi partikolari tal-finanzjament tal-Unjoni mogħti fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ sussidju qabel ma vverifikat, fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, jekk il-Kummissjoni setgħetx twarrab il-metodu ta’ determinazzjoni tal-ispejjeż eliġibbli applikat mill-appellanti minħabba li dan ma kienx konformi mal-istipulazzjonijiet kuntrattwali. |
|
19 |
Fil-punt 51 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat li l-metodu ta’ kalkolu tal-appellanti “għandu bħala effett li jeskludi ċertu sigħat maħduma mill-kollaboraturi tagħha mill-kalkolu tar-rata fis-siegħa, bħal [dawk] relatati mal-monitoraġġ tal-proġett, mat-titjib, mal-parteċipazzjoni f’konferenzi, mal-iżvilupp tan-negozju u mal-monitoraġġ tal-kuntatti mal-klijentela, minħabba li dawn ma humiex ddedikati għall-provvista’ ta’ servizzi lil dawk li jagħtuha ordnijiet u, għaldaqstant, ma jistgħux jingħaddu”. Skont il-Qorti Ġenerali, “minn dan jirriżulta li l-bażi li sservi ta’ denominatur hija idjaq minn dik ikkostitwita mis-sigħat kollha maħduma u li, għaldaqstant, ir-rata fis-siegħa tirriżulta għola”, b’tali mod li, “ladarba tkun applikata għas-sigħat effettivament ipprovduti fil-kuntest tal-proġetti, din tagħti lok għal dikjarazzjoni tal-ispejjeż għola”. |
|
20 |
Fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat “li t-tnaqqis tal-bażi ta’ kalkolu tar-rata fis-siegħa u ż-żieda tal-livell tal-ispejjeż eliġibbli li tirriżulta minn dan għandhom bħala effett li l-Kummissjoni tipparteċipa fil-kopertura tal-ispejjeż kollha tal-appellanti, irrispettivament minn kull analiżi tar-rabta tagħhom mal-proġetti li huma s-suġġett ta’ finanzjament tal-Unjoni”. Il-Qorti Ġenerali minn dan iddeduċiet, fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, li, “jekk tali approċċ jista’ leġittimament jinftiehem fil-kuntest ta’ kuntratt klassiku ta’ provvista ta’ servizzi, […] dan ma huwiex kompatibbli mal-ispeċifiċitajiet tal-kuntratti ta’ sussidju inkwistjoni”. |
|
21 |
Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li kien determinanti li jsir magħruf mhux jekk il-kwozjent li l-appellanti applikat kellux rabta stretta mal-proġetti inkwistjoni fil-kuntratti ta’ sussidju, iżda jekk, b’applikazzjoni ta’ dan il-kwozjent, l-ispejjeż kinux imqassma fuq is-sigħat kollha ta’ xogħol, fatt li kien jiggarantixxi li l-baġit tal-Unjoni ma jiffinanzjax l-ispejjeż relatati mal-monitoraġġ tal-proġett, mat-titjib, mal-parteċipazzjoni f’konferenzi, mal-iżvilupp tan-negozju u mal-monitoraġġ tal-kuntatti mal-klijentela. |
|
22 |
Huwa għaldaqstant mingħajr ma kkontradixxiet ruħha li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-Kummissjoni kienet b’mod korrett warbet il-metodu ta’ reġistrazzjoni tal-ispejjeż magħżul mill-appellanti, minħabba li dan kien iwassal sabiex jiġu ddikjarati spejjeż li la kienu reali, la kienu ekonomikament razzjonali u lanqas kienu neċessarji għall-implementazzjoni tal-proġett fis-sens tal-punti II.19(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali. |
|
23 |
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
24 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qort Ġenerali, billi ma rrikonoxxietx li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ġenerali ta’ bona fide li għandu jirregola r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-operaturi tas-suq, kisret hija stess dan il-prinċipju. |
|
25 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Kummissjoni kisret dan il-prinċipju sa fejn hija naqset milli tispeċifika, fil-punti II.19 et seq tal-kundizzjonijiet ġenerali, il-mod li bih l-ispejjeż eliġibbli kellhom jiġu kkalkolati mill-parti kontraenti tagħha. Hija tqis li b’dan il-mod il-Kummissjoni llimitat ruħha tifformola prinċipji ġenerali u tirreferi, fil-punt II.19(1)(b) tal-kundizzjonijiet ġenerali, għall-prinċipji normali tal-kontabbiltà tal-parti kontraenti. Hija tippreċiża li l-prinċipju ta’ bona fide jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tirreferi f’dan ir-rirgward għal diversi sentenzi fosthom dawk tat-12 ta’ Lulju 1957Algera et vs L‑Assemblea Komuni (7/56 u 3/57 sa 7/57, EU:C:1957:7, p. 114 u 115) kif ukoll tad-29 ta’ April 2004, IPK-München u Il‑Kummissjoni (C‑199/01 P u C‑200/01 P, EU:C:2004:249, punt 78). |
|
26 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali, billi, fil-punti 50 sa 63 tas-sentenza appellata, ċaħdet il-metodu ta’ kalkolu tar-rata fis-siegħa li hija kienet għażlet u billi llimitat ruħha tafferma, fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, li r-riferiment għall-mudell tal-ispiża kompluta ma setax juri l-konformità tal-metodu ta’ kalkolu użat mill-appellanti, b’mod partikolari, mal-punt II.19(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali, kisret dan il-prinċipju wkoll. |
|
27 |
Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, sussidjarjament, li dan huwa infondat. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
28 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju bbażata fuq il-ksur, mill-Kummissjoni, tal-prinċipju ġenerali ta’ bona fide tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jiġi kkonstatat li, permezz tal-argument tagħha mressaq insostenn tagħha, l-appellanti tillimita ruħha tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, dan l-argument, li ma huwiex intiż kontra s-sentenza appellata, huwa inammissibbli fil-kuntest ta’ appell. |
|
29 |
Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, ibbażata fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ bona fide għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravju li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali jkun jammonta għal li hija tkun permessa tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tilwima li l-ambitu tagħha jkun usa’ minn dak tat-tilwima deċiża mill-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, limitata għall-eżami tal-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-motivi li jkunu ġew ittrattati quddiemha. Madankollu, argument li ma jkunx tqajjem fl-ewwel istanza ma jikkostitwixxix motiv ġdid li huwa inammissibbli fl-istadju tal-appell jekk dan ikun jikkostitwixxi biss elaborazzjoni ta’ argument li jkun diġà ġie żviluppat fil-kuntest ta’ motiv imressaq fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomana et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑330/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:601, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Peress li permezz ta’ din it-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kien imissha rrikonoxxiet li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ bona fide, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali argument ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, dan tal-aħħar jippreżenta karattru ġdid u għandu jitqies bħala inammissibbli. |
|
31 |
Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Fuq it-tielet aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
32 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi. |
|
33 |
Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssosnti li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi u l-fatti li hija kienet pproduċiet insostenn tal-argument tagħha billi qieset, fil-punti 55, 56 u 58 tas-sentenza appellata, li l-metodu ta’ reġistrazzjoni tal-ispejjeż użat mill-appellanti kien wassalha tiddikjara spejjeż li la kienu reali, la kienu ekonomikament razzjonali u lanqas kienu neċessarji għall-implementazzjoni tal-proġetti u, għaldaqstant, ma setgħux jitqiesu bħala eliġibbli għat-twettiq tal-proġetti inkwistjoni. F’dan ir-rigward hija tippreċiża li l-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, “li l-ispejjeż eliġibbli ma [setgħux] ikollhom bħala konsegwenza li l-kontraent jagħmel profitt”. Issa, minn naħa, l-appellanti allegat, fil-kuntest tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, li l-metodu ta’ kalkolu tagħha ma kienx iwassalha tagħmel profitt, iżda seta’, għall-kuntrarju, l-iktar ikollu bħala riżultat li jiġu koperti l-ispejjeż tagħha relatati mal-proġetti, filwaqt li l-metodu ta’ kalkolu tal-Kummissjoni kien jikkawżalha telf kbir. Min-naħa l-oħra, il-motiv indikat fil-punt 58 ta’ dik is-sentenza huwa bbażat fuq elementi żbaljati, inkwantu dawn huma kuntrarji għal dawk imressqa u pprovati mill-appellanti. |
|
34 |
Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, mingħajr ma ġabret provi fuq il-metodu ta’ kalkolu użat minnha, li hija kienet għamlet profitt u li r-rabta suffiċjentement stretta bejn l-ispejjeż mitluba u l-proġetti inkwistjoni kienet nieqsa. |
|
35 |
Permezz tat-tielet parti tal-istess aggravju, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma ddefinixxietx l-“ispejjeż kollha” meta hija indikat, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li l-metodu ta’ kalkolu tal-appellanti kellu bħala effett li l-Kummissjoni tipparteċipa “fil-kopertura tal-ispejjeż kollha tal-appellanti”. |
|
36 |
Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat b’mod manifest l-argument tal-Kummissjoni, sa fejn hija qieset, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li l-interpretazzjoni tal-punti II.19 et seq tal-kundizzjonijiet ġenerali kienet “ċara”. Issa, l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet kienet ekwivoka wkoll fir-rigward tal-Kummissjoni, peress li, għan-numeratur tal-kwozjent tar-rata fis-siegħa, din ħadet inkunsiderazzjoni xi drabi l-“ispejjeż tal-persunal”, xi drabi “l-ispejjeż kollha”. |
|
37 |
Il-Kummissjoni tqis li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
38 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, kif ukoll sabiex tevalwa l-provi prodotti. Il-konstatazzjoni ta’ dawn il-fatti u l-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi ma jikkostitwixxux, għalhekk, kwistjoni ta’ liġi li bħala tali hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ li dawn jiġu żnaturati (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs ANKO, C‑78/14 P, EU:C:2015:732, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat-30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Għalkemm, permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka żnaturament tal-provi, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel u tar-raba’ partijiet imressqa insostenn ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tillimita ruħha tikkritika l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, minn naħa, fil-punti 55, 56 u 58 tas-sentenza appellata, li essenzjalment jipprovdu li l-metodu ta’ kalkolu tal-appellanti jwassal sabiex jiġu ddikjarati spejjeż li la kienu reali, la kienu ekonomikament razzjonali u lanqas kienu neċessarji għall-implementazzjoni tal-proġetti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, fil-punt 61 ta’ dik is-sentenza, li jipprovdu li l-punti II.19 sa II.21 tal-kundizzjonijiet ġenerali kienu ċari. L-appellanti fir-realtà tipprova tikseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni tal-fatti ġdida f’dan ir-rigward, mingħajr ma tindika b’mod preċiż liema provi kienu ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali. L-ewwel u r-raba’ partijiet tat-tielet aggravju għandhom, għaldaqstant, jitqiesu bħala inammissibbli. |
|
41 |
Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma ġabritx il-provi neċessarji, peress li hija l-appellanti li kellha, fejn neċessarju, tipproduċi l-provi kollha ta’ natura li jsostnu u jissostanzjaw l-argumenti tagħha fil-kuntest tar-rikors li hija ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-30 ta’ Ġunju 2015, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, C‑575/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:443, punt 21). |
|
42 |
Fir-rigward tat-tielet parti tat-tielet aggravju, li permezz tagħha l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma ddefinixxietx l-espressjoni l-“ispejjeż kollha”, li tinsab fil-punt 55 tas-sentenza appellata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni diffiċilment tinftiehem u hija rrilevanti fil-kuntest ta’ aggravju bbażat fuq żnaturament tal-provi sa fejn din ma tirrigwardax prova. |
|
43 |
Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq ir-raba’ aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
44 |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti ssosnti li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li l-interpretazzjoni tal-punti II.19 sa II.21 tal-kundizzjonijiet ġenerali kienet ċara fir-rigward tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-ispejjeż kontenzjużi u li, minħabba dan, ma kienx hemm lok li jsir rikors għall-prinċipji tad-dritt ċivili Belġjan, kisret l-Artikoli 1162, 1134 u 1135 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan. |
|
45 |
Hija tallega, f’dan ir-rigward, li kienet il-Kummissjoni li kellha tippreċiża b’mod ċar, u qabel il-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni, il-modalitajiet għad-determinazzjoni tal-ispejjeż. Hija ssostni li peress li dawn il-preċiżazzjonijiet ma ġewx ipprovduti, il-kuntratti kienu impreċiżi fir-rigward ta’ dan il-punt. Għaldaqstant, dawn imisshom kienu ġew interpretati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan iċċitati iktar ’il fuq, li jipprevedu li, fil-każ ta’ dubju dwar ftehim, dan għandu jiġi interpretat sfavur il-parti li stipulatu u favur dik li kkuntrattat l-obbligu u li partijiet kontraenti huma suġġetti għall-obbligu ta’ eżekuzzjoni f’bona fide tal-ftehimiet. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kien imissha qieset li l-metodu ta’ kalkolu tar-rata fis-siegħa li hija pproponiet kien kompatibbli mal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti inkwistjoni u mad-dispożizzjonijiet ċċitati iktar ’il fuq tal-Kodiċi Ċivili Belġjan. Hija ssostni li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kien imissha qieset in-noti ta’ debitu kontenzjużi bħala kuntrarji għall-kuntratti, u għaldaqstant, illegali. |
|
46 |
L-appellanti ssostni wkoll f’dan ir-rigward li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari skont is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, (Planet vs Il‑Kummissjoni, C‑564/13 P, EU:C:2015:124, punt 21), l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikoli 1162, 1134 u 1135 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, inkwantu jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratti bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, hija kwistjoni ta’ liġi li tista’ titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
|
47 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli jew ineffettiv. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
48 |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti essenzjalment tilmenta li fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma applikatx l-Artikoli 1162, 1134 u 1135 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, minħabba li d-definizzjoni tal-ispejjeż diretti u indiretti eliġibbli fil-punti II.19 sa II.21 tal-kundizzjonijiet ġenerali kienet ċara u minħabba dan, ma kienx hemm lok li jsir rikors għall-prinċipji ta’ interpretazzjoni tal-kuntratti tad-dritt ċivili Belġjan. |
|
49 |
Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, b’dan il-mod, l-appellanti tikkontesta fir-realtà l-interpretazzjoni tal-punti II.19 sa II.21 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ sussidju li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali qieset li dawn kienu ċari. Issa, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni kuntrattwali mill-Qorti Ġenerali tikkostitwixxi kwistjoni ta’ fatt, li ma tistax tkun suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs ANKO, C‑ 78/14 P, EU:C:2015:732, punt 23). |
|
50 |
Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Fuq il-ħames aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
51 |
Permezz tal-ewwel parti mqajma insostenn tal-ħames aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha inkwantu, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, hija ċaħdet bħala “manifestament infondat fid-dritt”, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra f’dan ir-rigward, l-argument tal-appellanti bbażat fuq allegata kuntrarjetà tal-punt II.30 tal-kundizzjonijiet ġenerali mal-prinċipji ta’ moralità aċċettati protetti mill-Artikolu 1172 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan. |
|
52 |
Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-kwistjoni tal-invalidità tal-punt II.30 tal-kundizzjonijiet ġenerali, għalkemm, fl-opinjoni tagħha, dan il-punt kien jikser l-Artikoli 1172 u 1231 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan. L-appellanti tirrikonoxxi li l-Qorti Ġenerali llimitat il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-punt II.30 tal-kundizzjonijiet ġenerali. Għal dan il-għan, minn naħa, hija qieset, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li dan il-punt ma setax jiġi applikat fir-rigward tas-sempliċi dannu marbut mad-dewmien fir-rimbors tal-antiċipi mħallsa indebitament. Min-naħa l-oħra, hija rrikorriet għall-possibbiltà prevista fl-Artikolu 1231 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan li tnaqqas l-ammont tal-kumpensi fil-forma ta’ somma f’daqqa li l-Kummissjoni għandha d-dritt titlob għal 10 % tal-ammont tal-antiċipi li għandhom jiġu rrimborsati. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali naqset l-ammonti li għandhom jiġu rrimborsati filwaqt li żammet l-applikabbiltà tal-punt II.30 tal-kundizzjonijiet ġenerali għal dan il-każ. Issa, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kien imissha ddikjarat l-invalidità tal-punt II.30, minħabba li dan imur kontra l-Artikolu 1172 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan u, għaldaqstant, tqis li l-appellanti ma kellhiex obbligu tħallas ebda kumpens. |
|
53 |
L-appellanti tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tal-klawżoli inġusti fir-rigward tal-konsumaturi, li tipprevedi li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni ma tistax tirrestrinġi l-kundizzjonijiet ġenerali inġusti ta’ kuntratt għall-parti tagħhom biss li tkun għadha valida, iżda hija għandha, għall-kuntrarju, teskludi l-applikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-parti kontraenti (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punti 58 et seq). L-appellanti tqis li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għall-każ inkwistjoni sa fejn hija hi, bħall-konsumaturi, il-parti dgħajfa fil-kuntratt ta’ finanzjament tal-Unjoni li fir-rigward tagħha huma imposti l-kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali tal-Kummissjoni, mingħajr ma tista’ tinnegozjahom. |
|
54 |
Il-Kummissjoni tqis li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
55 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ħames aggravju, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-appell, minn naħa, l-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, b’mod partikolari, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx suffiċjentement skont il-liġi l-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u, min-naħa l-oħra, l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ tweġiba mill-Qorti Ġenerali għal argumenti invokati fl-ewwel istanza jammonta, essenzjalment, għall-invokazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut u tal-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C-44/16 P, EU:C:2017:357, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Qorti Ġenerali għandha ma jobbligahiex tipprovdi spjegazzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mqajma mill-partijiet fil-kawża, u li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li din tkun tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, ċaħdet bħala manifestament infondat l-argument tal-appellanti bbażat fuq allegata kuntrarjetà tal-punt II.30 tal-kundizzjonijiet ġenerali mal-prinċipji ta’ moralità aċċettati protetti mill-Artikolu 1172 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan. B’dan il-mod, hija llimitat ruħha tiċħad dan l-argument mingħajr ma indikat ebda motiv insostenn tal-evalwazzjoni tagħha. |
|
58 |
Għalkemm huwa veru li l-allegazzjoni tal-appellanti ġiet miċħuda bħala “manifestament” infondata, xorta jibqa’ l-fatt li ċ-ċaħda ta’ argument invokat minn rikorrent, anke jekk din tkun manifesta, ma teżentax lill-Qorti Ġenerali mill-obbligu tagħha li timmotiva d-deċiżjoni tagħha. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ivvizzjat l-evalwazzjoni tagħha b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, li madankollu, f’dan il-każ, ma hijiex ta’ natura li twassal għall-annullament tas-sentenza appellata. |
|
59 |
Fil-fatt, hekk kif il-Qorti Ġenerali indikat fil-punt 76 tas-sentenza appellata, l-eżami tar-raba’ kap ta’ talbiet, relatat mal-kumpensi fil-forma ta’ somma f’daqqa, kien jimplika li jiġi vverifikat jekk l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dan il-punt fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni kinitx konformi mar-regoli tal-Kodiċi Ċivili Belġjan li jirregolaw l-użu tal-klawżoli ta’ penalità. Peress li d-dritt Belġjan, applikabbli għall-kuntratti ta’ sussidju kontenzjużi, jipprevdi l-użu ta’ dawn il-klawżoli u peress li tali klawżola ta’ penalità għandha bħala effett, skont l-Artikolu 1229 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan u hekk kif il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 81 u 82 tas-sentenza appellata, li jiġi kkumpensat id-dewmien fl-eżekuzzjoni tal-obbligu prinċipali jew in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu, il-klawżola ta’ penalità prevista fil-punt II.30 tal-kundizzjonijiet ġenerali ma tistax, għaldaqstant, titqies bħala illegali jew kuntrarja għall-prinċipji ta’ moralità aċċettati. |
|
60 |
Fir-rigward tat-tieni parti tal-ħames aggravju, hemm lok li jiġi kkonstatat li din hija bbażata fuq il-premessa li l-Artikoli 1172 u 1231 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan ġew miksura. |
|
61 |
Issa, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti tal-ħames aggravju, il-Qorti Ġenerali ma kisritx l-Artikolu 1172 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan. Fir-rigward tal-Artikolu 1231 ta’ dan il-kodiċi, huwa biżżejjed li jitfakkar, hekk kif indikat korrettament il-Qorti Ġenerali, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li din id-dispożizzjoni ma tikkondizzjonax il-validità ta’ klawżola ta’ penalità, iżda tippermetti lill-qorti tnaqqas is-somma mitluba mill-kreditur meta din teċċedi manifestament l-ammont li l-partijiet setgħu jiffissaw għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-ftehim inkwistjoni. |
|
62 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349), sabiex jiġi sostnut li l-Qorti Ġenerali kien imissha ddikjarat inapplikabbli l-punt II.30 tal-kundizzjonijiet ġenerali, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan huwa invokat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali u li dan għandu jiġi miċħud għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-punt 29 ta’ din is-sentenza. |
|
63 |
Minn dan jirriżulta li l-ħames aggravju ma jistax jiġi milqugħ. |
Fuq it-talbiet tal-appell inkwantu dawn jirrigwardaw l-ispejjeż tal-ewwel istanza
|
64 |
L-appellanti titlob l-annullament tal-punt 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata inkwantu l-Qorti Ġenerali kkundannatha tbati l-ispejjeż tagħha, inkluż għat-tieni u għat-tielet kapijiet ta’ talbiet tar-rikors, li kienu s-suġġett ta’ nuqqas ta’ lok li tittieħed deċiżjoni. |
|
65 |
Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, “[l]-appell ma jistax isir biss fuq l-ammont ta’ l-ispejjeż u fuq min għandu jħallashom”. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ li l-aggravji kollha l-oħra ta’ appell ikunu ġew miċħuda, it-talbiet dwar l-allegata irregolarità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż għandhom jiġi miċħuda bħala inammissibbli, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara, b’mod partikolari, id-digriet tas-16 ta’ Settembru 2005, Schmoldt et vs Il‑Kummissjoni, C‑342/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2005:562, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
66 |
Minn dan jirriżulta li, sa fejn l-aggravji kollha l-oħra tal-appell huma miċħuda, it-talbiet li jirrigwardaw l-allegata irregolarità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. |
|
67 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
68 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawa għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
( 1 ) Fil-punt 49 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.