SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
7 ta’ Settembru 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Konċentrazzjoni ta’ impriżi – Regolament (KE) Nru 139/2004 – Artikolu 3(1)(b) u (4) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘konċentrazzjoni’ – Tibdil tan-natura tal-kontroll ta’ impriża eżistenti, li minn esklużiv isir bi sħab – Ħolqien ta’ impriża konġunta li twettaq, fuq bażi dewwiema, il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma”
Fil-Kawża C-248/16:
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura
Austria Asphalt GmbH & Co OG
vs
Bundeskartellanwalt,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott
Reġistratur: Lopez Bancalari, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Marzu 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Austria Asphalt GmbH & Co OG, minn B. Kofler-Senoner, S. Huber, M. Mayer u H. Kristoferitsch, avukati, |
– |
għall-Bundeskartellanwalt, minn A. Mair, H. L. Majer u G. Stifter, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Christoforou, H. Leupold u M. Farley, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ April 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40). |
2 |
Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ tilwima bejn Austria Asphalt GmbH & Co OG (iktar 'il quddiem “Austria Asphalt”) u l-Bundeskartellanwalt (prosekutur federali tal-akkordji) dwar allegata operazzjoni ta’ konċentrazzjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
Il-premessi 5, 6, 8 u 20 tar-Regolament Nru 139/2004 huma redatti kif ġej:
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 2(1) u (4) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi: “1. Konċentrazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu stmati skond l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet li ġejjin bil-għan li jkun stabbilit jekk humiex kompatibbli mas-suq komuni jew le. Meta tagħmel dan l-assessjar, il-Kummissjoni għandha tqis:
[…] 4. Safejn il-ħolqien ta’ joint venture li tammonta għal konċentrazzjoni skont l-Artikolu 3 jkollu bħala l-għan jew l-effett tiegħu il-kordinazzjoni tal-imġieba kompetittiva tal-impriżi li jibqgħu indipendenti, din il-kordinazzjoni għandha tkun stmata skont il-kriterji tal-Artikolu [101](1) u (3) [TFUE] bil-għan li jkun stabbilit jekk l-operazzjoni hix kompatibbli mas-suq komuni jew le.” |
5 |
L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Taxxa fuq il-produzzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu: “1. Għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’: […]
[…] 4. Il-ħolqien ta’ joint venture li twettaq, fuq bażi dewwiema, il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma għandha tammonta għal konċentrazzjoni skond it-tifsira tal-paragrafu 1(b).” |
6 |
L-Artikolu 21 tar-Regolament Numru 139/2004 intitolat “Applikazzjoni tar-Regolament u ġurisdizzjoni”, jistipula fil-paragrafu 1 tiegħu: “Dan ir-Regolament biss għandu japplika għal konċentrazzjonijiet kif definiti fl-Artikolu 3, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 [tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)], (KEE) Nru 1017/68 […], (KEE) Nru 4056/86 […] u (KEE) Nru 3975/87 […] ma għandhomx japplikaw, minbarra fir-rigward ta’ joint ventures li ma għandhomx dimensjoni Komunitarja u li għandhom bħala skop jew effett il-kordinazzjoni ta’ l-imġieba kompetittiva li baqgħa indipendenti.” |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
7 |
Austria Asphalt hija sussidjarja ta’ Strabag SE li tikkontrollaha indirettament. Il-grupp Strabag li għalih dawn il-kumpanniji jappartjenu huwa grupp internazzjonali ta’ impriżi ta’ kostruzzjoni li joperaw b’mod partikolari fil-qasam tat-toroq. |
8 |
Porr AG, li wkoll tagħmel parti minn grupp internazzjonali ta’ impriżi ta’ kostruzzjoni li jibni toroq, għandha l-kapital kollu ta’ Teerag Asdag AG. Din tal-aħħar hija l-unika proprjetarja tal-impjant għat-taħlit tal-asfalt ta’ Mürzzuschlag (iktar 'il quddiem l-“impriża mmiratata”), li tipproduċi l-asfalt meħtieġ għall-kostruzzjoni tat-toroq. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni ta’ din l-impriża kumpanija hija ddestinata għall-grupp Porr hekk li l-imsemmija impriża ma tistax tiġi deskritta bħala impriża li twettaq il-funzjonjiet kollha. |
9 |
Austria Asphalt u Teerag Asdag jaħsbu li joħolqu kumpannija rregolata bid-dritt Awstrijak li ser tixtri l-impriża mmirata. B’hekk, huwa previst li Austria Asphalt jkollha 50 % tal-kapital f’din il-kumpanija u jkollha, flimkien ma’ Teerag Asdag, il-kontroll tal-impriża mmirata. Konsegwentement, sa mid-data ta’ din l-operazzjoni, Teerag Asdag ser teżerċita kontroll mhux esklużiv tal-impriża mmirata, iżda flimkien ma’ Austria Asphalt. Skont il-qorti tar-rinviju, l-impriża konġunta li tirriżulta mill-imsemmija operazzjoni ma tistax tiġi deskritta bħala l-impriża konġunta li twettaq il-funzjonjiet kollha, peress li l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni tagħha ser tkun iddestinata għall-impriżi taż-żewġ gruppi li jikkontrollawha. |
10 |
Austria Asphalt innotifikat l-abbozz ta’ konċentrazzjoni lill-prosekutur federali tal-akkordji, fit-3 ta’ Awwissu 2015. |
11 |
Skont id-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali, il-prosekutur federali tal-akkordji talab lill-Kartellgericht (qorti tal-kompetizzjoni, l-Awstrija) sabiex teżamina dan l-abbozz. Din il-qorti qieset, essenzjalment, li l-operazzjoni maħsuba tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 u li, peress li l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament kienu ssodisfatti, din l-operazzjoni ma setgħetx tiġi eżaminata fid-dawl tad-dritt Awstrijak. Hija għaldaqstant iddikkjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni u, b’deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2015, ċaħdet it-talba għal eżami. |
12 |
Austira Asphalt ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), billi sostniet li, skont l-Artikolu 3(4) tal-imsemmi regolament, il-ħolqien ta’ impriża konġunta twassal għal operazzjoni ta’ konċentrazzjoni biss meta din l-impriża twettaq fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma, jiġifieri sa fejn hija impriża konġunta li twettaq il-funzjonijiet kollha. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk, hekk li r-Regolament Nru 139/2004 ma jistax jiġi applikat. |
13 |
Il-qorti tar-rinviju kkonstatat, qabel kollox, li ma hemm l-ebda ġurisprudenza li tispeċifika l-portata tal-kunċett ta’ “ħolqien ta’ joint venture [impriża konġunta]” imsemmi fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jew tiċċara r-relazzjoni bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament li jiddefinixxi b’mod ġenerali l-kriterji li fil-preżenza tagħhom konċentrazzjoni titqies li twettqet barra mill-każ tal-amalgamazzjoni ta’ żewġ kumpanniji jew ta’ iżjed kumpanniji jew ta’ partijiet ta’ tali impriżi. Insegwitu, la l-Avviż ġuriżdizzjonali kkonsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2008, C 95, p. 1 u rettifika ĠU 2009, C 43, p. 10) u lanqas il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma jippermettu li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati b’mod ċar. Fl-aħħar nett, id-duttrina stess hija maqsuma. |
14 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 3(1)(b) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament [Nru 139/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li bidla minn kontroll uniku għal kontroll bi sħab ta’ impriża eżistenti, f’ċirkustanzi fejn l-impriża li qabel kellha kontroll uniku ssir impriża li teżerċita kontroll bi sħab, tikkostitwixxi konċentrazzjoni biss meta l-impriża [li l-kontroll tagħha huwa mmodifikat] jkollha l-funzjonijiet kollha ta’ entità awtonoma fuq bażi dewwiema?” |
Fuq id-domanda preliminari
15 |
Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(b) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li konċentrazzjoni għandha titqies imwettqa bħala riżultat tal-bidla fin-natura tal-kontroll eżerċitat fuq impriża eżistenti, li, qabel kien esklużiv, u jsir bi sħab, biss bil-kundizzjoni li l-impriża konġunta bħala riżultat ta’ din l-operazzjoni twettaq fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. |
16 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, konċentrazzjoni għandha titqies li twettqet b’mod partikolari meta bidla dewwiema tal-kontroll tirriżulta mill-akkwist, minn impriża waħda jew iktar, tal-kontroll dirett jew indirett ta’partijiet minn impriża waħda jew iżjed jew tal-imsemmija impriża jew impriżi kollha. |
17 |
Madankollu, skont l-Artikolu 3(4) tal-imsemmi regolament, il-ħolqien ta’ impriża konġunta tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1(b) ta’ dan l-artikolu biss meta din l-impriża twettaq fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. |
18 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 3 ma tippermettix, waħedha, li tiddetermina jekk konċentrazzjoni, fis-sens ta’ din tal-aħħar, għandhiex titqies imwettqa wara operazzjoni li biha l-kontroll ta’ impriża eżistenti minn esklużiv isir bi sħab meta l-impriża konġunta li tirriżulta minn tali operazzjoni ma twettaqx il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. |
19 |
Fil-fatt, tali operazzjoni, minn naħa, timplika bdil dewwiemi tal-kontroll tal-impriża li hija s-suġġetta tagħha, li jissodisfa, b’hekk, wieħed mill-kriterji previsti fl-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, u, min-naħa l-oħra, tista’ titqies bħala ħolqien ta’ impriża konġunta u taqa’ b’hekk f’dan l-Artikolu (4) hekk li konċentrazzjoni tista’ titqies mwettqa biss jekk din l-impriża twettaq fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. |
20 |
Issa, meta l-interpretazzjoni litterali ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni ma tippermettix li tevalwa l-portata eżatta ta’ din id-dispożizzjoni, hemm lok li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tiġi interpretata abbażi kemm tal-għan tagħha kif ukoll l-istruttura ġenerali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C-68/94 u C-30/95, EU:C:1998:148, punt 168, kif ukoll tas-7 ta’ April 2016, Marchon Germany, C-315/14, EU:C:2016:211, punti 28 u 29). |
21 |
Rigward l-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 139/2004, mill-premessi 5, 6 u 8 tiegħu jirriżulta li hija mmirata li tiżgura li r-ristrutturazzjonijiet ta’ impriżi ma jwasslux għal ħsara dewwiema għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, skont dawn il-premessi, id-dritt tal-Unjoni għandu jinkludi dispożizzjonijiet applikabbli għall-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern f’parti sostanzjali minnu u li jippermettu kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skont l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni. Għaldaqstant, dan ir-regolament għandu japplika għall-bidliet strutturali sinjifikattivi li l-impatt tagħhom fuq is-suq jinħass ukoll lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta’ Stat Membru. |
22 |
B’hekk, kif jirriżulta mill-kunċett tal-premessa 20 tal-imsemmi regolament, il-kunċett ta’ konċentrazzjoni għandu jiġi ddefinit b’tali mod li jkopri l-operazzjonijiet li jwasslu għal bidla dewwiema tal-kontroll tal-impriżi kkonċernati u tal-istruttura tas-suq. Barra minn hekk, fir-rigward tal-impriżi konġunti, dawn tal-aħħar għandhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament jekk iwettqu fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. |
23 |
F’dan ir-rigward, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-Regolament Nru 139/2004 ma jagħmel, fil-premessi tiegħu, l-ebda distinzjoni dwar jekk l-impriża inkwistjoni kinitx għadha kif inħolqot bħala riżultat tal-operazzjoni rilevanti jew jekk, diġà eżistenti u sa dak iż-żmien suġġetta għall-kontroll uniku ta’ grupp, l-imsemmija impriża tgħaddi taħt il-kontroll bi sħab ta’ diversi impriżi. |
24 |
Dan l-assenza ta’ distinzjoni hija ġġustifikata għal kollox mill-fatt li, jekk il-ħolqien ta’ impriża konġunta għandu jiġi kkontrollat mill-Kummissjoni rigward l-effetti tiegħu fuq l-istruttura tas-suq, l-okkorrenza ta’ tali effetti tiddependi fuq id-dehra effettiva ta’ tali impriża konġunta fuq is-suq, jiġifieri impriża li twettaq fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. |
25 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament huwa intiż għall-impriżi konġunti biss fejn il-ħolqien tagħhom ikollu impatt dejjiemi fuq l-istruttura tas-suq. |
26 |
Tali interpretazzjoni hija kkonfermata bl-Artikolu 3(1)(b) tal-istess regolament li tadotta bħala element kostituttiv tal-kunċett ta’ konċentrazzjoni, mhux dak tal-ħolqien ta’ impriża iżda dak tal-bidla tal-kontroll ta’ impriża. |
27 |
Li tingħata interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, bħal dik xprunata b’mod partikolari mill-Kummissjoni, iwassal għal differenza fit-trattament inġustifikata bejn, minn naħa, l-impriżi li għadhom kemm inħolqu bħala riżultat tal-operazzjoni inkwistjoni, li jaqgħu fil-kunċett ta’ konċentrazzjoni biss jekk iwettqu fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma, u l-impriżi preeżistenti għal tali operazzjoni, li jaqgħu taħt dan il-kunċett irrispettivament mill-fatt li, ladarba l-operazzjoni twettqet, huma jwettqu b’mod dejjiemi l-imsemmija funzjonijiet. |
28 |
Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 139/2004, l-Artikolu 3(4) tal-istess regolament għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-ħolqien ta’ impriża konġunta, jiġifieri operazzjoni li fi tmiemha impriża kkontrollata bi sħab minn tal-inqas żewġ impriżi oħra li dehru fis-suq, mingħajr ma huwa sinjifikattiv li din l-impriża li għadha kif bdiet tiġi ikkontrollata bi sħab kienet teżisti qabel il-operazzjoni inkwistjoni. |
29 |
Tali interpretazzjoni ta’dan l-Artikolu 3 taqa’ wkoll fl-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004. |
30 |
Filwaqt li huwa minnu li, skont il-premessa 6 ta’ dan ir-regolament, il-kontroll preventiv ta’ operazzjonijiet stabbilit minn dan tal-aħħar ikopri l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni li jaffettwaw l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni, minn dan bl-ebda mod ma jirriżulta li kwalunkwe aġir ta’ impriżi li ma jipproduċix tali effetti jevita l-kontroll tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar il-kompetizzjoni. |
31 |
Issa, l-imsemmi regolament, bħal, b’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 1/2003, jagħmel parti minn pakkett leġiżlattiv intiż li jimplementa l-Artikoli 101 u 102 TFUE kif ukoll jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tkunx distorta fis-suq intern tal-Unjoni. |
32 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004, dan tal-aħħar biss japplika għall-konċentrazzjonijiet kif iddefiniti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li għalihom ir-Regolament Nru 1/2003 ma jistax, fil-prinċipju, jiġi applikat. |
33 |
Madankollu, dan l-aħħar regolament jibqa’ japplika għall-aġir ta’ impriżi li, mingħajr ma jikkostitwixxu operazzjoni ta’ konċentrazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, huma madankollu jistgħu jwasslu għal koordinazzjoni bejniethom kuntrarja għall-Artikolu 101 TFUE u li, għal din ir-raġuni, huma suġġetti għall-kontroll mill-Kummissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. |
34 |
Għaldaqstant ma hijiex konformi mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004 l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament li skontha l-bidla fil-kontroll ta’ impriża li minn esklużiv isir bi sħab taqa’ fil-kunċett ta’ konċentrazzjoni anki meta din l-impriża konġunta ma twettaqx fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. Fil-fatt, li tingħata tali interpretazzjoni jwassal sabiex jiġi estiż il-kontroll preventiv previst minn dan ir-regolament għal operazzjonijiet li ma jistgħux ikollhom effett fuq l-istruttura tas-suq rilevanti u jnaqqas, b’mod korrispondenti, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003, li ma jibqax għaldaqstant applikabbli għal tali operazzjonijiet, minkejja li dawn jistgħu jagħtu lok għal koordinazzjoni bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. |
35 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li konċentrazzjoni għandha titqies imwettqa bħala riżultat ta’ bidla fin-natura tal-kontroll eżerċitat fuq impriża eżistenti, li, qabel kien esklużiv, u sar bi sħab, biss bil-kundizzjoni li l-impriża konġunta bħala riżultat ta’ din l-operazzjoni twettaq fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. |
Fuq l-ispejjeż
36 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet), għandu jiġi interpretat fis-sens li konċentrazzjoni għandha titqies imwettqa bħala riżultat ta’ bidla fin-natura tal-kontroll eżerċitat fuq impriża eżistenti, li, qabel kien esklużiv, u sar bi sħab, biss bil-kundizzjoni li l-impriża konġunta bħala riżultat ta’ din l-operazzjoni twettaq fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż