Kawżi magħquda C‑236/16 u C‑237/16

Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED)

vs

Diputación General de Aragón

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa reġjonali fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar – Libertà ta’ stabbiliment – Protezzjoni tal-ambjent u ppjanar tat-territorju – Għajnuna mill-Istat – Miżura selettiva”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ April 2018

  1. Libertà ta’ stabbiliment–Leġiżlazzjoni fiskali–Taxxa fuq il-kumpanniji–Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar taxxa reġjonali fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar–Ammissibbiltà

    (Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE)

  2. Għajnuna mogħtija mill-Istati–Kunċett–Natura selettiva tal-miżura–Deroga mis-sistema fiskali ġenerali–Ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema–Kriterji ta' evalwazzjoni

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  1.  L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux taxxa fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

    Fil-kawżi prinċipali, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tistabbilixxi kriterju marbut mas-superfiċi ta’ bejgħ tal-istabbiliment, li ma jistabbilixxi ebda diskriminazzjoni diretta. Mill-elementi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma jirriżulta li dan il-kriterju jisfavorixxi fil-parti l-kbira tal-każijiet liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew lill-kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stati Membri oħra.

    (ara l-punti 19, 20, 23, u d-dispożittiv 1)

  2.  Taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fuq l-istabbilimenti ta’ distribuzzjoni kbar li tiddependi, essenzjalment, mis-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom ma taqbiżx il-500 m2 u dawk li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom taqbeż dan il-limitu iżda li l-valur taxxabbli tagħhom ma jaqbiżx l-2 000 m2. Tali taxxa lanqas ma tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-settur tal-bejgħ ta’ makkinarju, ta’ vetturi, ta’ għodda u ta’ provvisti industrijali, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ prodotti sanitarji u ta’ bibien u twieqi għall-professjonisti, ta’ għamara fi stabbilimenti individwali tradizzjonali u speċjalizzati u ta’ vetturi bil-mutur, kif ukoll il-ħwienet tal-ġonna u l-pompi tal-petrol, sa fejn dawn l-istabbilimenti ma jikkawżawx ħsara għall-ambjent u għall-ippjanar tat-territorju daqstant kbira daqs l-istabbilimenti l-oħra, sitwazzjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

    (ara l-punt 51 u d-dispożittiv 2)