SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

31 ta’ Mejju 2017 ( *1 )

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni — Rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li jingħata segwitu għall-eżami tal-ilment tal-appellanti — Assenza ta’ għajnuna fl-għeluq tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni — Deċiżjoni purament konfermattiva — Kundizzjonijiet ta’ legalità tal-irtirar ta’ deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni”

Fil-Kawża C‑228/16 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-22 ta’ April 2016,

Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI), stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn E. Bourtzalas, avukat, A. Oikonomou, E. Salaka, C. Synodinos u C. Tagaras, dikigoroi, kif ukoll minn D. Waelbroeck, avukat,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-proċedura:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar u É. Gippini Fournier, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u C.G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Frar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tad-9 ta’ Frar 2016, DEI vs Il-Kummissjoni (T‑639/14, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2016:77), li permezz tiegħu din iddeċidiet li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkluża fl-ittra COMP/E3/ON/AB/ark *2014/61460, tat-12 ta’ Ġunju 2014, li tiċħad l-ilmenti tagħha dwar għajnuna mill-Istat (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li kien fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014, kien jipprovdi, fl-Artikolu 4 tiegħu, intitolat “Abbozz preliminari tan-notifika u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”:

“1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċevieha. Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-paragrafi 2, 3 jew 4.

2.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixxix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, sa fejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu [107(1) TFUE], għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq [intern] (minn hawn ’l quddiem imsejjaħ ‘deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

4.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq [intern] ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu [108(2) TFUE] (minn hawn ’l quddiem imsejħa ‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni’).

[…]”

3

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni” kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f’deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4). […]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014

4

DEI hija produttur tal-elettriku fil-Ġreċja. Fost il-klijenti tagħha hemm, b’mod partikolari, Alouminion SA. Wara tilwima bejn dawn iż-żewġ impriżi dwar it-tariffa tal-elettriku pprovdut minn DEI, l-awtorità Griega għar-regolazzjoni tal-enerġija stabbilixxiet tariffa provviżorja. F’ilment indirizzat lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Ġunju 2012, DEI sostniet li din it-tariffa tobbligaha tipprovdi l-elettriku lil Alouminion bi prezz irħas mill-prezz tas-suq u dan jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali.

5

Fil-31 ta’ Ottubru 2013, it-tribunal tal-arbitraġġ stabbilit minn DEI u minn Alouminion iffissa t-tariffa, b’effett retroattiv, tal-elettriku pprovdut minn DEI f’livell saħansitra iktar baxx minn dak li kien ġie stabbilit b’mod provviżorju mill-awtorità Griega għar-regolazzjoni tal-enerġija.

6

Fit-23 ta’ Diċembru 2013, DEI ressqet it-tieni lment quddiem il-Kummissjoni fejn sostniet li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kienet tikkostitwixxi, hija wkoll, għajnuna mill-Istat.

7

Fis-6 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni kkomunikat lil DEI l-evalwazzjoni preliminari tagħha li skontha ma kienx hemm lok li jingħata segwitu għall-eżami tal-ilment tat-23 ta’ Diċembru 2013 minħabba li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma kinitx tikkostitwixxi miżura attribwibbli lill-Istat u ma kienet tagħti l-ebda vantaġġ lil Alouminion. Bħala tweġiba, DEI bagħtet osservazzjonijiet addizzjonali lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2014.

8

Permezz tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014, li wasslet għand DEI fil-forma ta’ ittra, il-Kummissjoni informat, b’mod partikolari, lil din il-kumpannija li l-osservazzjonijiet li jinsabu fl-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2014 ma kinux jikkonfutaw l-evalwazzjoni preliminari li tinsab fl-ittra tas-6 ta’ Mejju 2014 u li “[k]onsegwentement, id-dipartimenti tad-DĠ ‘Kompetizzjoni’ iddeċidew li din l-informazzjoni [ma kinitx] suffiċjenti sabiex tiġġustifika investigazzjoni ġdida ta[l]-ilment” [traduzzjoni libera].

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

9

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Awwissu 2014, DEI talbet l-annullament tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014.

10

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ottubru 2014, indirizzata lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, l-appellanti u l-Kummissjoni, flimkien, talbu għal sospensjoni tal-proċedura għal perijodu ta’ sitt xhur, jiġifieri sas-7 ta’ April 2015, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżamina mill-ġdid il-kwistjonijiet imqajma fir-rikors. Din it-talba ntlaqgħet permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 2014.

11

Fil-25 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2015) 1942 finali dwar l-allegata għajnuna mill-Istat SA.38101 (2015/NN) (ex 2013/CP) mogħtija lil Alouminion SA fil-forma ta’ tariffi tal-elettriku irħas mill-ispejjeż, wara deċiżjoni ta’ arbitraġġ (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015”).

12

Permezz ta’ żewġ ittri tas-27 ta’ April u tad-19 ta’ Ġunju 2015, indirizzati lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li, wara d-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015, ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014 ma kienx għad għandu skop u li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni. L-appellanti ppreżentat lill-Qorti Ġenerali l-osservazzjonijiet tagħha dwar din it-talba permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Lulju 2015.

13

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Ġunju 2015, l-appellanti talbet l-annullament tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015. Dan ir-rikors huwa s-suġġett tal-kawża DEI vs Il-Kummissjoni (T‑352/15), pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

14

Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014, peress li d-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015 kienet ħassritha u ssostitwixxietha formalment.

15

Skont il-Qorti Ġenerali, l-argumenti tal-appellanti ma kinux jippermettu li din il-konklużjoni tiġi kkontestata.

16

Fl-ewwel lok, din iddeċidiet li hija ma kinitx obbligata tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015 li tgawdi mill-preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, sakemm din ma tkunx ġiet irtirata. Għalhekk, hija ċaħdet l-argument li jsostni li din id-deċiżjoni hija illegali b’tali mod li r-rikors fil-Kawża T‑639/14 iżomm l-iskop tiegħu.

17

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali rrifjutat l-allegazzjoni tal-appellanti li skontha hija għandha interess ġuridiku sabiex tevita li l-illegalità invokata terġa’ sseħħ. Skont il-Qorti Ġenerali, il-motiv allegatament illegali, jiġifieri l-assenza ta’ imputabbiltà tal-miżura inkwistjoni lill-Istat, ma jinsabx fid-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014. Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni dwar jekk l-appellanti kinitx ipproduċiet il-prova tal-eżistenza ta’ ksur tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija s-suġġett tar-rikors kontra d-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015.

18

Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li lanqas ma kien hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għal dak li jirrigwarda l-ilment tal-15 ta’ Ġunju 2012, peress li, permezz tad-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni ċaħdet dan l-ilment b’mod impliċitu.

It-talbiet tal-partijiet

19

Permezz tal-appell tagħha, DEI titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tordna li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex din tiddeċiedi dwar it-talbiet tagħha, li permezz tagħhom hija titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha sostnuti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell.

20

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

L-argumenti tal-partijiet

21

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punt 36 tad-digriet appellat, li d-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015 kienet issostitwixxiet formalment id-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014. Hija, minn naħa, naqset milli tivverifika l-legalità u l-validità ta’ din l-allegata sostituzzjoni u, min-naħa l-oħra, milli teżamina l-bażi legali u l-proċedura legali li għandha tiġi segwita għall-finijiet ta’ tali sostituzzjoni.

22

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, li d-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014“ma kinitx għadha [tappartjeni] għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni” u li, konsegwentement, il-Kawża T‑639/14 ma kienx għad għandha skop.

23

Barra minn hekk, iċ-ċaħda tal-ewwel aggravju jkun ifisser li l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali jikseb l-awtorità ta’ res judicata, fatt li jinfluwenza direttament ir-rikors tagħha fil-Kawża T‑352/15. Fil-fatt, f’din il-kawża, fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti kkontestat li d-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015 setgħet legalment tissostitwixxi dik tat-12 ta’ Ġunju 2014. Għalhekk, il-konferma tad-digriet appellat tkun timplika ċ-ċaħda awtomatika tal-ewwel motiv ta’ annullament fil-Kawża T‑352/15.

24

Minbarra dan, fl-assenza ta’ kull motivazzjoni dwar din l-allegata sostituzzjoni, id-digriet appellat huwa wkoll ivvizzjat b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

25

Il-Kummissjoni tqis, għall-kuntrarju, li l-punti 36 u 37 tad-digriet appellat huma debitament immotivati, peress li, minn naħa, mill-appell jirriżulta li l-appellanti kienet f’pożizzjoni li tifhem perfettament ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet ta’ din tal-aħħar jippermettu li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fil-fatt, l-appellanti ma taqbilx mal-motivazzjoni tad-digriet appellat.

26

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, b’mod korrett, ma wettqitx eżami tal-legalità tas-sostituzzjoni tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014 bid-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015 peress li din tal-aħħar ma hijiex inkwistjoni fil-Kawża T‑639/14. Il-legalità tagħha tikkostitwixxi s-suġġett tar-rikors fil-Kawża T‑352/15. Sakemm id-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015 ma tiġix annullata, din għandha tgawdi mill-preżunzjoni ta’ validità marbuta mal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għandha tipproduċi l-effetti legali tagħha.

27

Barra minn hekk, l-annullament tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014 ma jista’ jwassal għal ebda vantaġġ għall-appellanti fir-rigward tas-sitwazzjoni preżenti tagħha, peress li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni effettivament antiċipat il-possibbiltà li l-Qorti Ġenerali tannullaha minħabba li tkun ivvizzjata minn difett ta’ forma proċedurali. Fil-fatt, din id-deċiżjoni hija sempliċi ittra ffirmata minn uffiċjal u ma hijiex “deċiżjoni uffiċjali” tal-Kummissjoni, ippubblikata bħala tali. Għalhekk, l-annullament tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014 xorta waħda kien jobbliga lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni uffiċjali, bħad-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015.

28

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tqis li l-awtorità ta’ res judicata tad-digriet appellat ma tistax taffettwa l-motivi ta’ annullament imqajma fil-Kawża T‑352/15.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jimponi fuq il-Kummissjoni, ladarba l-osservazzjonijiet addizzjonali jkunu ppreżentati mill-persuni kkonċernati, jew it-terminu raġonevoli jkun skada, l-obbligu li tagħlaq il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri jew deċiżjoni li tikkonstata l-ineżistenza tal-għajnuna, jew dik li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, jew dik li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑362/09 P, EU:C:2010:783, punt 63).

30

Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 15 sa 18 tad-digriet appellat, permezz tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni li permezz tagħha ddeċidiet li ttemm il-proċedura ta’ eżami preliminari mibdija bl-ilment tal-appellanti, ikkonstatat li l-investigazzjoni mibdija ma kinitx ippermettiet li jiġi konkluż li teżisti għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE u hija, għaldaqstant, irrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

31

B’dan il-mod, il-Kummissjoni adottat pożizzjoni definittiva fuq it-talba tal-appellanti li tikkonstata ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE. Barra minn hekk, peress li d-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014 ipprekludiet lill-appellanti milli tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, din ipproduċiet effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħha. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑362/09 P, EU:C:2010:783, punt 66).

32

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni tista’ tirtira deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward ta’ ilment dwar allegata għajnuna illegali, bl-għan li tirrimedja illegalità li taffettwa l-imsemmija deċiżjoni (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑362/09 P, EU:C:2010:783, punt 70), l-adozzjoni ta’ deċiżjoni purament konfermattiva ma tistax tiġi kkunsidrata bħala tali rtirar.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li att huwa purament konfermattiv ta’ att preċedenti meta ma fih l-ebda element ġdid meta mqabbel ma’ dan tal-aħħar (sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għall-kuntrarju, ma hijiex konfermattiva ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda preċedenti dik li permezz tagħha jiġi kkonfermat, kompletament jew parzjalment, l-ilment tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il-Kummissjoni, 33/79 u 75/79, EU:C:1980:139, punt 9).

35

Barra minn hekk, rikors kontra deċiżjoni konfermattiva huwa inammissibbli biss jekk id-deċiżjoni konfermattiva tkun saret definittiva fir-rigward tal-persuna kkonċernata, sakemm ma tkunx is-suġġett ta’ rikors kontenzjuż imressaq fit-terminu stabbilit. Fil-każ kuntrarju, il-persuna kkonċernata tista’ tikkontesta jew id-deċiżjoni kkonfermata, jew id-deċiżjoni konfermattiva, jew kemm waħda kif ukoll l-oħra minn dawn id-deċiżjonijiet (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il-Parlament, C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punt 54).

36

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015 sempliċement tikkonferma d-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014 peress li, wara eżami mill-ġdid tal-elementi li kienu ġew ippreżentati quddiemha, il-Kummissjoni sempliċement ikkonfermat ir-rifjut tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali mingħajr, barra minn hekk, ma żiedet l-ebda element ġdid. Konsegwentement, id-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014 ma ġietx irtirata permezz ta’ dik tal-25 ta’ Marzu 2015.

37

Barra minn hekk, rikonoxximent li, f’każ bħal dan, l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni ġdida twassal għal deċiżjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni inizjali tkun ta’ natura li tostakola l-effettività tal-azzjoni ġudizzjarja.

38

Fil-fatt, ikun biżżejjed li l-Kummissjoni ma tiħux azzjoni fir-rigward tal-ilment imressaq minn persuna kkonċernata, u li, wara l-introduzzjoni ta’ rikors minn din il-parti, tirtira d-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni, terġa tiftaħ il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni u tirrepeti dawn il-proċeduri kemm il-darba jkun hemm bżonn sabiex taħrab minn kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju tal-azzjoni tagħha (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑362/09 P, EU:C:2010:783, punt 68).

39

L-istess japplika a fortiori meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali wara rikors għal annullament ta’ deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni, titlob li din il-proċedura tiġi sospiża sabiex isir eżami mill-ġdid tal-każ, imbagħad tikkonferma purament u sempliċement id-deċiżjoni inizjali tagħha.

40

Il-konklużjoni tista’ tkun differenti biss jekk il-Kummissjoni tissostitwixxi deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward ta’ ilment biex tirrimedja illegalità li taffettwaha, filwaqt li tindika n-natura tal-illegalità li din id-deċiżjoni kienet ivvizzjata biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑362/09 P, EU:C:2010:783, punt 70).

41

Madankollu, fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015 ma jirriżultax li, bl-adozzjoni tagħha, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tirtira d-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014 sabiex tirrimedja illegalità li din kienet ivvizzjata biha.

42

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet, f’dan il-każ, sabiex tiżgura amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, b’mod partikolari, tistaqsi lill-appellanti jekk, wara d-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015, hija kellhiex l-intenzjoni tadatta t-talbiet tagħha u tressaqhom ukoll kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar, hekk kif rikorrenti jista’ jitlob dan taħt l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali fil-każ fejn l-att li kontrih ikun ġie ppreżentat rikors għal annullament jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 36 u 37 tad-digriet appellat, li d-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015 kienet issostitwixxiet formalment id-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014 u li, għaldaqstant, it-tilwima ma kienx għad għandha skop, b’tali mod li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar l-imsemmija tilwima.

44

Konsegwentement, l-appell għandu jiġi milqugħ u d-digriet appellat għandu jiġi annullat, mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati l-aggravji u l-argumenti l-oħra.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

45

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

46

Dan ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami, peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni mingħajr ma eżaminat l-ammissibbiltà tar-rikors jew il-mertu tal-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża u li hemm lok li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll li tirriżerva l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Frar 2016, DEI vs Il-Kummissjoni (T‑639/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:77), huwa annullat.

 

2)

Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.