Kawża C‑207/16

Proċedura mibdija minn Ministerio Fiscal

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Audiencia Provincial de Tarragona)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 2002/58/KE – Artikoli 1 u 3 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Protezzjoni – Artikoli 5 u 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 8 – Data pproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali għad-data għal finijiet ta’ investigazzjoni – Livell ta’ gravità tal-ksur li jista’ jiġġustifika l-aċċess għad-data”

Werrej – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑2 ta’ Ottubru 2018

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Kamp ta’ applikazzjoni – Talba ta’ aċċess ta’ awtorità pubblika, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni kriminali, għal data miżmuma mill-fornituri ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Inklużjoni

    (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 2(b), u 2002/58, kif emendata mid-Direttiva 2009/136, premessa 15, Artikolu 1(1) u (3), u l-ewwel paragrafu u l-punt (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi – Interpretazzjoni stretta – Għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ limitazzjoni – Natura eżawrjenti

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 15(1))

  3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi – Aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data intiża għall-identifikazzjoni tal-proprjetarji tal-kards tas-SIM attivati permezz ta’ telefon ċellulari misruq – Indħil fid-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali – Assenza ta’ natura serja – Ġustifikazzjoni permezz tal-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 15(1))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 32, 38 sa 42)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 52)

  3.  L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data intiża għall-identifikazzjoni tal-proprjetarji tal-kards tas-SIM attivati permezz ta’ telefon ċellulari misruq, bħall-kunjomijiet, l-ismijiet u, jekk ikun il-każ, l-indirizzi ta’ dawn il-proprjetarji, jikkostitwixxi ndħil fid-drittijiet fundamentali ta’ dawn tal-aħħar, stabbiliti f’dawn l-artikoli tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li ma huwiex suffiċjentement serju sabiex dan l-aċċess jiġi llimitat, fil-qasam tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

    F’dan ir-rigward, it-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali li biha l-pulizija ġudizzjarja qiegħda titlob, għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali, l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja sabiex jingħatalhom aċċess għal data personali miżmuma minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, hija intiża biss sabiex jiġu identifikati l-proprjetarji tal-kards tas-SIM attivati, matul perijodu ta’ tnax-il jum, bil-kodiċi IMEI tat-telefon ċellulari misruq. Kif ġie osservat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, din it-talba hija intiża sabiex jinkiseb aċċess unikament għan-numri tat-telefon li jikkorrispondu għal dawn il-kards tas-SIM kif ukoll għal data dwar l-identità ċivili tal-proprjetarji tal-imsemmija kards, bħal pereżempju kunjomhom, isimhom u, jekk ikun il-każ, l-indirizz tagħhom. Min-naħa l-oħra, din id-data ma tirrigwardax, kif ikkonfermaw kemm il-Gvern Spanjol kif ukoll l-Uffiċċju tal-Prosekutur waqt is-seduta, il-komunikazzjonijiet imwettqa permezz tat-telefon ċellulari misruq u lanqas il-lokalizzazzjoni tiegħu. Mingħajr kontroverifika mad-data dwar il-komunikazzjonijiet imwettqa permezz ta’ tali kards tas-SIM u mad-data dwar il-lokalizzazzjoni, din id-data ma tippermettix li jsiru magħrufa la d-data, il-ħin, it-tul u d-destinatarju tal-komunikazzjonijiet imwettqa permezz tal-kards tas-SIM inkwistjoni u lanqas il-post jew il-frekwenza tagħhom ma’ ċerti persuni matul perijodu speċifiku. Għalhekk, l-imsemmija data ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati b’din id-data. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aċċess biss għad-data msemmija fit-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kklassifikat bħala ndħil “serju” fid-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati b’din id-data.

    Kif jirriżulta mill-punti 53 sa 57 ta’ din is-sentenza, l-indħil li aċċess għal tali data jimplika jista’ għalhekk jiġi ġġustifikat mill-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ “reati kriminali” b’mod ġenerali, li għalih tirreferi l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, mingħajr ma huwa neċessarju li tali ksur jiġi kklassifikat bħala “serju”.

    (ara l-punti 59 sa 63, u d-dispożittiv)