Kawża C-206/16

Marco Tronchetti Provera SpA et

vs

Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob)

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Dritt tal-kumpanniji - Direttiva 2004/25/KE - Offerti pubbliċi ta’ xiri - It-tieni sub-paragrafu tal-Artikolu 5(4) - Possibbiltà ta’ tibdil fil-prezz tal-offerta f’ċirkustanzi u skont kriterji ddeterminati b’mod ċar - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà għall-awtorità superviżorja li żżid il-prezz ta’ offerta pubblika ta’ xiri f’każ ta’ kollużjoni bejn l-offerent jew il-persuni li jaħdmu flimkien miegħu u wieħed jew iktar mill-bejjiegħa”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-20 ta’ Lulju 2017

  1. Libertà ta’ stabbiliment–Kumpanniji–Direttiva 2004/25–offerti ta’ xiri–Protezzjoni tal-azzjonisti f’minoranza, l-offerta obbligatorja u l-prezz raġonevoli–Possibbiltà għall-Istati Membri li jawtorizzaw lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni tagħhom jibdlu l-prezz tal-offerta f’ċirkustanzi u skont kriterji ddeterminati b’mod ċar–Kundizzjoni–Iffissar tal-imsemmija ċirkustanzi skont il-prinċipju tal-protezzjoni tal-interessi tad-detenturi ta’ titoli tal-kumpannija kkonċernata fil-każ tal-akkwist tal-kontroll tagħha minn persuna fiżika jew ġuridika

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/25, Artikoli 3(1) u 5(1) u l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 4)

  2. Libertà ta’ stabbiliment–Kumpanniji–Direttiva 2004/25–offerti ta’ xiri–Protezzjoni tal-azzjonisti f’minoranza, l-offerta obbligatorja u l-prezz raġonevoli–Possibbiltà għall-Istati Membri li jawtorizzaw lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni tagħhom jibdlu l-prezz tal-offerta f’ċirkustanzi u skont kriterji ddeterminati b’mod ċar–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li żżid il-prezz ta’ offerta pubblika ta’ xiri f’każ ta’ kollużjoni bejn l-offerent jew il-persuni miftiehma miegħu u bejjiegħ jew iktar–Assenza ta’ informazzjoni dwar l-aġir speċifiku li jikkaratterizza dan il-kunċett ta’ kollużjoni–Ammissibbiltà–Kundizzjoni–Kunċett li huwa deduċibbli b’mod suffiċjentement ċar, preċiż u prevedibbli minn din il-leġiżlazzjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/25, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4))

  1.  L-ewwel nett, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/25 jistabbilixxi l-prinċipju tal-offerta obbligatorja ta’ xiri ta’ sehem ta’ kumpannija partikolari. Huwa jipprevedi li fejn persuna naturali jew legali, bħala riżultat tal-akkwist tagħha jew tal-akkwist minn persuni li qed jaħdmu magħha, iżżomm sigurtajiet tal-kumpannija li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li b’żieda mal-ishma kollha tagħha u tal-persuni li qed jaħdmu flimkien magħha, iżommu diġà, b’mod dirett jew indirett, jagħtuha l-persentaġġ speċifiku tad-drittijiet tal-vot f’dik il-kumpannija, li jagħtuha l-kontroll ta’ dik il-kumpannija, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li persuni bħal dawn ikunu meħtieġa jagħmlu offerta bħala mezz ta’ protezzjoni għall-azzjonisti f’minoranza ta’ dik il-kumpannija, din l-offerta għandha tkopri l-ishma kollha ta’ dawn l-azzjonisti prezz raġonevoli kif iddefinit fl-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva.

    Wara, bil-għan ukoll li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji tal-kumpannija koperta mill-OPA, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jikkunsidra, prinċipalment, bħala li huwa l-prezz raġonevoli il-prezz l-iktar għoli mħallas għall-istess sigurtajiet mill-offerent, jew mill-persuni li jaħdmu flimkien miegħu, matul perijodu determinat mill-Istati Membri, ta’ sitt xhur minimu sa tnax-il xahar massimu qabel l-offerta msemmija fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

    Fl-aħħar nett, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jipprevedi li, salv li jiġu osservati l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3(1), l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, sabiex ibiddlu l-prezz raġonevoli fiċ-ċirkustanzi u skont kriterji determinati. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu, minn naħa, jikkompilaw lista ta’ ċirkustanzi li fihom dan il-prezz raġonevoli jista’ jiġi mibdul, ’il fuq jew ’l isfel, u, minn naħa l-oħra, jiddefinixxu l-kriterji li għandhom jintużaw f’dawn il-każijiet, billi jispeċifikaw li dawn iċ-ċirkustanzi u l-kriterji għandhom ikunu ddeterminati b’mod ċar. Eżempji ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u ta’ dawn il-kriterji jissemmew fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva.

    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, meta Stat Membru jkun iddeċieda li jawtorizza l-awtorità superviżorja sabiex tbiddel il-prezz raġonevoli, iddefinit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, bil-għan li jistabbilixxi l-prezz li bih għandha sseħħ l-OPA, din is-setgħa ta’ tibdil għandha tiġi eżerċitata fl-osservanza tal-prinċipji gwida msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

    F’dan ir-rigward, meta jiġu stabbiliti, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva, iċ-ċirkustanzi determinati li fihom l-imsemmija setgħa ta’ tibdil tista’ tiġi eżerċitata, l-Istat Membru għandu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-interessi tad-detenturi ta’ sigurtajiet tal-kumpannija li l-kontroll tagħha jkun ġie meħud minn persuna fiżika jew ġuridika, kif stabbilit fl-imsemmi Artikolu 3(1).

    (ara l-punti 29-33)

  2.  It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Nru 2004/25/KE, tal-21 ta’ April 2004, fuq offerti ta’ xiri, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-awtorità superviżorja nazzjonali, li żżid il-prezz ta’ OPA f’każ ta’ kollużjoni mingħajr ma tispeċifika l-aġir speċifiku li jikkaratterizza dan il-kunċett, sakemm l-interpretazzjoni tal-imsemmi kunċett tista’ tiġi dedotta b’mod suffiċjentement ċar, preċiż prevedibbli minn din il-leġiżlazzjoni, permezz ta’ metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti mid-dritt intern.

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali sabiex jiġu ddefiniti ċ-ċirkustanzi li fihom l-awtoritajiet superviżorji tagħhom jistgħu jbiddlu l-prezz raġonevoli, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn iċ-ċirkustanzi jiġu ddeterminati b’mod ċar.

    Din id-dispożizzjoni tindika li l-Istati Membri jistgħu jikkompilaw lista ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u ssemmi, għal dan il-għan, diversi eżempji li jirreferu għal formulazzjonijiet ġenerali sabiex juru ċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw bidla ’il fuq jew ’l isfel tal-prezz raġonevoli, bħalma huma ftehim bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ, avvenimenti eċċezzjonali jew manipulazzjoni tal-prezz tas-sigurtajiet inkwistjoni.

    F’dan il-kuntest, kif ġie rrilevat, essenzjalment, mill-Avukat Ġenerali fil-punti 52 u 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprekludi li Stat Membru jirrikorri, fil-leġiżlazzjoni li jadotta sabiex jittrasponi din id-dispożizzjoni, għal kunċett legali astratt, bħalma hu, f’dan il-każ, it-terminu “kollużjoni”, bħala ċirkustanza determinata b’mod ċar fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

    Ċertament, kemm l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva, fid-dritt u mhux biss fil-fatt, jeżiġu li l-Istat Membri kollha jirriproduċu r-rekwiżiti tad-direttiva inkwistjoni f’qafas legali ċar, preċiż u trasparenti li jipprevedi dispożizzjonijiet vinkolanti fil-qasam ikkonċernat minn din id-direttiva (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-214/98, EU:C:2000:624, punt 23, u tal-14 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C-343/08, EU:C:2010:14, punt 40).

    Madankollu, dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jinftiehmu bħala li jimponu li standard li juża l-kunċett ġuridiku astratt isemmi l-ipoteżijiet konkreti differenti li fihom dan il-kunċett jista’ jiġi applikat, sa fejn dawn l-ipoteżijiet ma jistgħux jiġu determinati minn qabel mil-leġiżlatur.

    Għaldaqstant, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 ma jistax jiġi interpretat bħala li jimponi li Stat Membru, li, fil-leġiżlazzjoni li jadotta sabiex jittrasponi din id-dispożizzjoni, jipprevedi, bħal fil-kawża prinċipali, il-“kollużjoni bejn l-offerent u l-persuni li jaħdmu flimkien miegħu u bejjiegħ wieħed jew iktar minn wieħed” bħala li hija waħda miċ-ċirkustanzi determinati b’mod ċar fis-sens li l-imsemmija dispożizzjoni, li tispeċifika l-aġir speċifiku li jikkaratterizza tali kollużjoni.

    Minħabba f’hekk, sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-interpretazzjoni li tingħata lil dan il-kunċett fil-qasam tal-OPA jista’ jiġi dedott b’mod suffiċjentement ċar, preċiż u prevedibbli mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, permezz ta’ metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti mid-dritt intern.

    (ara l-punti 37-39, 41-43, 46, 48 u d-dispożittiv)