SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

9 ta’ Novembru 2017 ( *1 )

“Appell – Sussidji – Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1239/2013 – Artikolu 2 – Importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u tal-komponenti essenzjali tagħhom (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li jipprovjenu miċ-Ċina – Dazju kumpensatorju definittiv – Eżenzjoni tal-importazzjonijiet suġġetti għal impenn aċċettat – Natura separabbli”

Fil-Kawża C-205/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil-11 ta’ April 2016

SolarWorld AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn L. Ruessmann, avukat u J. Beck, solicitor,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Brandoni solare SpA, stabbilita fi Castelfidardo (l-Italja),

Solaria Energia y Medio Ambiente, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentati minn L. Ruessmann, avukat u J. Beck, solicitor,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn H. Marcos Fraile, bħala aġent assistit minn N. Tuominen, avukat,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Demeneix kif ukoll minn J.-F. Brakeland u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products (CCCME), stabbilita f’Beijing (iċ-Ċina), irrappreżentata minn J.-F. Bellis u A. Scalini, avukati, kif ukoll minn F. Di Gianni, avukat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Vajda, President tal-Awla, E. Juhász u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali : E. Tanchev,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Marzu 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, SolarWorld AG titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta’ Frar 2016, SolarWorld et vs Il-Kunsill (T-142/14, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2016:68), sa fejn b’dan tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors ta’ SolarWorld, ta’ Brandoni solare SpA u ta’ Solaria Energia y Medio Ambiente SA intiż għall-annullament tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013, tat-2 ta’ Diċembru 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 325, p. 66, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-regolament bażiku

2

L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009, tal-11 ta’ Ġunju 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 188, p. 93, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”), intitolat “Impenji”, jipprovdi:

“1.   Bil-kondizzjoni li tkun saret determinazzjoni affermattiva provviżorja dwar l-għoti ta’ sussidju u l-ħsara, il-Kummissjoni tista’ taċċetta offerti ta’ garanziji sodisfaċenti volontarji li taħthom:

a)

il-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni jaqbel li jelimina jew jillimita s-sussidju jew jieħu miżuri oħra dwar l-effetti tiegħu; jew

b)

xi esportatur jintrabat li jirrevedi l-prezzijiet tiegħu jew iwaqqaf l-esportazzjonijiet lejn iż-żona inkwistjoni sakemm dawn l-esportazzjonijiet jibbenefikaw minn sussidji ta’ kumpens, sabiex il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni speċifika mal-Kumitat Konsultattiv, tkun sodisfatta li l-effett dannuż tas-sussidji jkun b’hekk eliminat.

F’każ bħal dan u sakemm jibqgħu fis-seħħ dawk l-impenji, id-dazji provviżorji imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 12(3) u d-dazji definittivi imposti mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(1) ma għandhomx japplikaw għall-importazzjonijiet rilevanti tal-prodott ikkonċernat manifatturat mill-kumpanniji msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta l-impenji u f’kull emenda sussegwenti ta’ dik id-deċiżjoni.

Iż-żidiet fil-prezzijiet taħt dawk l-impenji ma għandhomx ikunu ogħla milli hu neċessarju biex ipaċu l-ammont ta’ sussidji ta’ kumpens, u għandhom ikunu inqas mill-ammont ta’ sussidji ta’ kumpens jekk dawn iż-żidiet ikunu biżżejjed biex ineħħu l-ħsara lill-industrija tal-Komunità.

9.   Fil-każ ta’ ksur jew irtirar ta’ impenji minn parti f’dak l-impenn, jew fil-każ tal-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn mill-Kummissjoni, l-aċċettazzjoni tal-impenn għandha, wara konsultazzjoni, tiġi rtirata permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni jew Regolament tal-Kummissjoni, kif ikun xieraq, u d-dazju provviżorju li jkun ġie impost mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 12 jew id-dazju definittiv li jkun ġie impost mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(1), għandhom japplikaw, kemm-il darba l-esportatur interessat, jew il-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni jkun ingħata, ħlief fil-każ tal-irtirar tal-impenn mill-esportatur jew minn dak il-pajjiż, opportunità biex jikkumenta.

[...]”

Ir-regolament kontenzjuż

3

Skont il-premessa 753 tar-regolament kontenzjuż, “[...] partijiet interessati indikaw li [...], l-elastiċità tal-prezzijiet tad-domanda tista’ tkun għolja ħafna. Billi huwa korrett li żieda importanti fil-prezzijiet tista' twassal għal tnaqqis importanti fid-domanda [...]ma tantx huwa probabbli li ż-żidiet fil-prezzijiet ikkawżati mill-miżuri jkunu importanti, għar-raġunijiet li ġejjin. [...] [L]-effett ekonomiku tal-[impenn li ġie aċċettat] mill-Kummissjoni huwa li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jfornu l-prodott ikkonċernat bi prezz minimu ta’ importazzjoni ta’ anqas minn 60 c/W, li huwa ferm aktar baxx milli ġie osservat matul il-[perijodu ta’ investigazzjoni], b’volum li jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għas-sehem tas-suq kurrenti. F’dan il-livell ta’ prezzijiet, huwa diffiċli li d-domanda tonqos b’mod sinifikanti, peress li dak il-livell ta’ prezzijiet jiżgura domanda suffiċjenti kemm taħt il-livell kurrenti ta’ sostenn ipprovdut mill-iskemi ta’ sostenn kif ukoll taħt il-livell kurrenti ta’ parità mal-grilja. Barra minn hekk, il-prezz tal-elettriku għall-konsumaturi finali huwa mistenni li jiżdied, billi l-prezz tal-prodott ikkonċernat huwa mistenni li jonqos. Permezz ta’ formula ta’ indiċizzazzjoni, l-impriża tiżgura li jitqies it-tnaqqis ulterjuri fil-prezz tal-prodott ikkonċernat għall-prezz minimu ta’ importazzjoni.”

4

Permezz tal-Artikolu 1(1) tar-regolament kontenzjuż, ġie stabbilit dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli jew ta’ pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u ta’ ċelloli tat-tip użati fil-moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin li joriġinaw jew jipprovjenu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jaqgħu taħt ċerti kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Volum 2, p. 382), fil-verżjoni tiegħu applikabbli waqt l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż (iktar ’il quddiem in-“NM”). Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi r-rata ta’ dazju kumpensatorju definittiv applikabbli għall-prezz ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni Ewropea, qabel id-dazju, għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu u mmanufatturati mill-kumpanniji elenkati f’dan il-paragrafu 2.

5

Skont l-Artikolu 3(1) tar-regolament kontenzjuż, li japplika għal ċerti prodotti li r-referenzi għalihom huma speċifikati b’riferiment għan-NM li huma ffatturati minn kumpanniji li mingħandhom il-Kummissjoni aċċettat impenji u li isimhom jidher fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/707/UE, tal-4 ta’ Diċembru 2013, li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut b’rabta mal-proċedimenti ta’ anti-dumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri definittivi (ĠU L 325, p. 214), l-importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni libera huma eżentati mid-dazju kumpensatorju stabbilit fl-Artikolu 1 tar-regolament kontenzjuż dment li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet.

6

L-Artikolu 3(2) tar-regolament kontenzjuż jiddikjara li jitnissel dejn doganali fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tar-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera meta jiġi stabbilit li waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet fl-Artikolu 3(1) ma jkunux ġew issodisfatti jew meta l-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tagħha tal-impenn.

Il-fatti li twa lok għall-kawża

7

SolarWorld hija produttriċi Ewropea tal-moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u tal-komponenti essenzjali tagħhom.

8

Wara lment li ġie ppreżentat minn EU ProSun, assoċjazzjoni ta’ produtturi Ewropej ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u tal-komponenti essenzjali tagħhom, il-Kummissjoni, fis-6 ta’ Settembru 2012 ippubblikat notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2012, C 269, p. 5).

9

Fit-8 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ bidu ta’ proċedura kontra s-sussidju fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-moduli fotovoltajċi tas-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u wejfers) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2012, C 340, p.13)

10

Fl-4 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 513/2013 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew li jiġu kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2013 li jagħmel dawn l-importazzjonijiet li joriġinaw fi jew li huma kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina suġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 152, p. 5).

11

Permezz ta’ ittra indirizzata lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Lulju 2013, iċ-China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products (CCCME) [kamra tal-kummerċ Ċiniża għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ makkinarju u prodotti elettroniċi (CCCME), iċ-Ċina] ippreżentat, fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping, offerta ta’ impenn konġunt ta’ numru ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi. Essenzjalment, din kienet tipproponi, f’isem dawn tal-aħħar u f’isimha stess, l-applikazzjoni ta’ prezzijiet minimi għall-importazzjoni ta’ moduli fotovoltajċi u għal kull komponent essenzjali tagħhom (ċelloli u wejfers) sa ċertu livell ta’ importazzjoni annwali (iktar ’il quddiem il-“PMI”).

12

Fit-2 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2013/423/UE, li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 209, p. 26), minn grupp ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi li kkooperaw, flimkien mas-CCCME, u li huma elenkati fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni.

13

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2013, tat-2 ta’ Awwissu 2013, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 513/2013, (ĠU L 209, p. 1), ġie adottat bil-għan li tittieħed inkunsiderazzjoni d-Deċiżjoni 2013/423. Fost emendi oħra, huwa introduċa l-Artikolu 6 fir-Regolament Nru 513/2013, li jipprevedi, sakemm jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, li l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ddikjarati għar-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera li l-fattura tagħhom tinħareġ minn kumpanniji li l-impenji tagħhom ġew aċċettati mill-Kummissjoni u li huma elenkati fl-anness tad-Deċiżjoni 2013/423 ikunu eżenti mid-dazju antidumping provviżorju stabbilit mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 513/2013.

14

Permezz tal-ittra tal-25 ta’ Settembru 2013, qabel xejn, is-CCCME, f’isimha proprju bħala rappreżentant tal-produtturi-esportaturi li l-offerta ta’ impenn tagħhom kienet ġiet inizjalment aċċettata, talbet lill-Kummissjoni taċċetta it-termini ta’ dan l-impenn bil-għan li jiġu eliminati wkoll l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet suġġetti għas-sussidji.

15

Fl-4 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2013/707.

16

Fit-2 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta r-regolament kontenzjuż.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellata

17

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentaw rikors intiża għall-annullament tal-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż.

18

Insostenn ta’ dan ir-rikors, huma invokaw tliet motivi. L-ewwel u t-tieni wieħed kienu bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż jirriżulta minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u jikser l-Artiklolu 13 tar-regolament bażiku sa fejn dan l-Artikolu 2 jeżenta minn miżuri ta’ kontra s-sussidji lill-produtturi Ċiniżi li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni aċċettat impenn konġunt illegali, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, tad-dritt tagħhom għal smigħ xieraq u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll tal-Artikolu 13(4) u tal-Artikolu 29(2) tar-regolament bażiku. It-tielet motiv kien ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Artikolu 2 jikser l-Artikolu 101(1) TFUE sa fejn dan ikkonċeda lil ċerti produtturi ċiniżi eżenzjoni minn miżuri ta’ kontra s-sussidji abbażi ta’ offerta ta’ impenn, aċċettata u kkonfermata mir-regolament kontenzjuż, fatt li jikkostitwixxi akkordju orizzontali fuq il-prezzijiet.

19

Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tar-rikorrenti fl-ewwel istanza peress li l-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż, l-unika dispożizzjoni kkontestata, ma kinitx separabbli minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament.

It-talbiet tal-partijiet

20

Permezz tal-appell tagħha, SolarWorld titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;

tannulla d-digriet appellat;

tagħti deċiżjoni fuq il-mertu u tannulla l-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż, jew li tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tagħti deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors għal annullament, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

21

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż marbuta mal-appell u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

22

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala infondat fid-dritt u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

23

Insostenn tal-appell tagħha, SolarWorld tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali billi kkonstatat li l-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż ma kienx separabbli mill-kumplament tar-Regolament. It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 20 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)

Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq in-natura separabbli tal-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż

Fuq l-ammissibbiltà

24

Il-Kunsill jinvoka l-inammissibbiltà tal-ewwel aggravju peress li, minn naħa, SolarWorld sempliċement tirrepeti l-ilment marbut man-natura separabbli tal-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż li hija fformulat quddiem il-Qorti Ġenerali u li, min-naħa l-oħra, l-eżami li jikkonċerna n-natura separabbli ta’ din id-dispożizzjoni taqa’ taħt evalwazzjoni fattwali.

25

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi matul il-proċedura tal-appell. Fil-fatt, jekk dan iwassal sabiex appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (sentenza tad-19 ta’ Jannar 2017, Il-Kummissjoni vs Total u Elf Aquitaine, C‑351/15 P, EU:C:2017:27, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Issa, f’dan il-każ, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, SolarWorld ma tixtieqx tikseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda tintendi, preċiżament, li tikkontesta r-raġunament li wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tqis li l-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż ma kienx separabbli mill-kumpalment tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament kif ukoll il-konsegwenza li l-Qorti Ġenerali siltet minn din il-konklużjoni, jiġifieri li r-rikors ta’ SolarWorld ma kienx ammissibbli. Għal dan l-għan, SolarWorld indikat sal-grad rikjest mil-liġi, barra minn hekk, il-partijiet tad-digriet appellata li hija tqis li huma vvizzjati bi żball ta’ liġi kif ukoll l-argumenti legali invokati insostenn tat-talba tagħha, li jippermettu għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ tagħha.

27

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li żball possibbli mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tan-natura separabbli ta’ dispożizzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni jikkostitwixxi żball ta’ liġi suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (għal tali stħarriġ, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, L-Estonja, C-505/09 P, EU:C:2012:179, punti 110 sa 122).

28

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

– L-argumenti tal-partijiet

29

SolarWorld tqis li l-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż huwa ta’ natura separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1(2) ta’ dan tal-aħħar u li, konsegwentement, l-annullament eventwali tiegħu ma jwassalx għal tibdil fil-portata tal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali inkluż fil-punti 55 u 59 tad-digriet appellat huwa bbażat fuq komprensjoni żbaljata tal-kunċetti ta’ “miżuri kumpensatorji” u ta’ “dazji kumpensatorji”.

30

SolarWorld tirrileva li l-miżuri kumpensatorji jistgħu jkunu f’diversi forom differenti (dazji ad valorem, ammonti fissi f’euro jew PMI). Fir-rigward, b’mod iktar partikolari tal-PMI, l-Artikolu 13 tar-regolament bażiku jippermetti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li jaċċettaw, mingħand produtturi-esportaturi individwali, impenji ta’ PMI jekk il-prezzijiet proposti jeliminaw l-effetti negattivi tas-sussidju. Sussegwentement, dawn il-produtturi jiġu eżentati mid-dazju ad valorem minħabba li jkunu suġġetti għal forma oħra ta’ miżuri, jiġifieri l-PMI fil-kuntest tal-impenn tagħhom. B’hekk, l-għan tal-miżuri kumpensatorji, tkun xi tkun il-forma tagħhom, huma kkaratterizzati mill-adattezza tagħhom li jeliminaw il-preġudizzju kkawżat lill-produtturi tal-Unjoni tal-istess prodott, u f’dan ir-rigward għandhom rwol korrettiv.

31

Konsegwentement, skont SolarWorld, il-fatt li tinbidel il-forma tal-miżuri kumpensatorji ma jbiddilx il-portata tar-regolament li jimponihom, peress li dawn il-miżuri jirrigwardaw l-importazzjonijiet kollha li jipprovjenu mill-produtturi-esportaturi li fi-rigward tagħhom ġie kkonstatat li jibbenefikaw minn sussidji dannużi.

32

Barra minn hekk, SolarWorld tikkonferma li, skont l-Artikolu 13(9) tar-regolament bażiku, li skontu, f’każ ta’ ksur jew ta’ irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn ta’ PMI, għandhom japplikaw id-dazji ad valorem, il-Kummissjoni tgawdi minn flessibbiltà bil-għan li tbiddel il-forma tal-miżuri kumpensatorji, mingħajr ma tbiddel il-portata ta’ dawn il-miżuri. F’dan il-każ, l-Artikolu 2(2)(b) tar-regolament kontenzjuż kien jagħmel riferiment speċifikament għall-imsemmi Artikolu 13(9), u, sa mill-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni rtirat l-aċċettazzjoni tal-impenn tal-PMI ta’ diversi produtturi-esportaturi Ċiniżi, billi imponiet fuqhom dazji ad valorem. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda mument, sa mid-dħul fis-seħħ tar-regolament kontenzjuż, li fih dawn il-produtturi-esportaturi ma kinux suġġetti għal miżuri kumpensatorji.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm il-Qorti Ġenerali kienet laqgħet ir-rikors fl-ewwel istanza u kienet annullat l-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż peress li l-PMI ma jeliminax il-preġudizzju kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, xejn ma kien jipprekludi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni milli jistabbilixxi PMI f’livell adegwat sabiex jiġi eliminat dan il-preġudizzju, b’mod konformi tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku. F’dan ir-rigward, SolarWorld tindika li tali dikjarazzjoni ta’ nullità ma kinitx neċessarjament twassal għal tibdil tal-portata tal-miżuri, fatt li huwa fil-qalba tal-istess raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punt 55 tad-digriet appellat. L-unika konsegwenza legali ta’ din id-dikjarazzjoni kienet tkun li l-Kunsill u l-Kummissjoni kien ikollhom jew jaċċettaw impenji ġodda li jinkludu PMI ġodda li jeliminaw l-effetti dannużi tas-sussidju, jew jiddeċiedu li japplikaw dazjiu ad valorem għall-produtturi-esportaturi Ċiniżi kollha.

34

Barra minn hekk, SolarWorld issostni li l-ġurisprudenza invokata mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 57 tad-digriet appellat, ma tistax isservi bħala bażi għall-konklużjoni li l-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż ma huwiex ta’ natura separabbli.

35

Fl-aħħar, fir-rigward tal-aħħar parti tal-punt 55 tad-digriet appellata, li jistabbilixxi li “l-importazzjonijiet provenjenti minn esportaturi Ċiniżi li ma osservawx l-impenn aċċettat mill-Kummissjoni [jikkorrispondi] għal 30 % tal-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], SolarWorld tfakkar li l-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku jeżiġi li l-PMI għandhom jiġu stabbiliti f’livell adegwat sabiex jiġi eliminat il-preġudizzju, ikun xi jkun il-perċentwal ta’ importazzjonijiet suġġetti għall-miżuri kumpensatorji fil-forma ta’ PMI. Bl-istess mod, skont SolarWorld, numru kbir ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi suġġetti għall-PMI ma jbiddilx il-fatt li r-regolament kontenzjuż jimponi miżuri kumpensatorji u li l-forma ta’ dawn il-miżuri hija kwistjoni li la tikkonċerna l-portata u lanqas is-suġġett tagħhom.

36

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, issostni li l-ewwel aggravju ta’ SolarWorld għandu jiġi miċħud bħala infondat. Dawn l-istituzzjonijiet iqisu li l-annullament parzjali tar-regolament kontenzjuż huwa eskluż peress li dan ikollu l-effett li jissostitwixxi dan ir-regolament b’att li għandu kontenut distint, li ma jikkorrispondix mal-intenzjonijiet tal-awtur tal-imsemmi regolament u li, konsegwentement, jaffettwa s-sustanza ta’ dan tal-aħħar.

– Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, SolarWorld tikkontesta, essenzjalment, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, inkluża fil-punti 55 u 59 tad-digriet appellat, li permezz tagħha din tal-aħħar qieset l-annullament tal-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż kien jaffettwa s-sustanza ta’ dan ir-regolament u li, konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma hijiex separabbli mill-kumplament tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

38

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrriżulta li l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss dment li l-elementi li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu separabbli mill-kumplament tal-att. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li ma jkunx issodisfatt dan ir-rekwiżit ta’ separazzjoni meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jbiddel is-sustanza tiegħu (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-121/14, EU:C:2015:749, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Barra minn hekk, il-verifika tan-natura separabbli tal-elementi ta’ att tal-Unjoni jippreżupponi l-eżami tal-portata tagħhom sabiex jiġi evalwat jekk annullament ta’ dawn l-elementi jibdilx l-ispirtu u s-sustanza ta’ dan l-att (sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, L-Estonja, C-505/09 P, EU:C:2012:179, punt 112 kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2015, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-121/14, EU:C:2015:749, punt 21).

40

F’dan il-każ, skont l-Artikolu 1 tar-regolament kontenzjuż, ġie stabbilit dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u ta’ ċelloli tat-tip użat fil-oduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin li huma koperti minn ċerti kodiċijiet tan-NM, li joriġinaw jew li jipprovjenu miċ-Ċina, fejn ir-rata ta’ dan id-dazju kumpensatorju tvarja skont il-kumpanniji li jimmanifatturaw dawn il-prodotti.

41

Skont l-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż, li japplika għal ċerti prodotti li r-referenzi għalihom huma speċifikati b’riferiment għan-NM u li huma ffatturati minn kumpanniji li mingħandhom il-Kummissjoni aċċettat impenji, l-importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni libera huma eżentati mid-dazju kumpensatorju stabbilit fl-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament dment li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet, u din l-eżenzjoni tintemm ladarba jiġi stabbilit li waħda jew iktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx ġiet issodisfatta jew ladarba l-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tagħha tal-impenn. Kif tfakkar fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, il-PMI għall-pannelli u l-moduli fotovoltajċi kkonċerntati u għal kull wieħed mill-elementi essenzjali tagħhom (ċelluli u wejfers) japplika biss sa ċertu livell annwali ta’ importazzjoni.

42

B’hekk mid-dispożizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 1 u 2 tar-regolament kontenzjuż jirriżulta li dan l-aħħar imsemmi artikolu jistabbilixxi, permezz tal-impenn marbut ma’ PMI, eżenzjoni mill-ħlas tad-dazji kumpensatorji stabbiliti bis-saħħa tal-imsemmi Artikolu 1, fil-limiti ta’ ċertu volum annwali ta’ importazzjonijiet.

43

Huwa f’dan il-kuntest regolatorju li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 55 tad-digriet appellat, li l-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż “jikkonċedi, f’ċertu limitu kwantitattiv, eżenzjoni mid-dazji kumpensatorji lil operaturi ekonomiċi innominati b’isimhom, dment li jiġu osservati l-kundizzjonijiet previsti minnu. L-annullament ta’ [din id-dispożizzjoni] ikollu l-konsegwenza, billi jelimina l-eżenzjoni mid-dazji applikabbli f’dan il-limitu kwantitattiv, li jagħti portata iktar wiesgħa lid-dazji kumpensatorji meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regolament kontenzjuż kif adottat mill-Kunsill, peress li f’din l-ipoteżi, l-imsemmija dazji jkunu jolqtu l-importazzjonijiet kollha tal-prodott ikkonċernat li jipprovjenu miċ-Ċina, filwaqt li, skont l-imsemmi regolament fit-totalità tiegħu, dawn id-dazji għandhom jolqtu biss l-importazzjonijiet li jipprovjenu minn esportaturi Ċiniżi li ma jkunux osservaw l-impenn aċċettat mill-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/707, fejn dawn l-importazzjonijiet jikkorrispondu, skont il-partijiet, għal 30 % tal-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat. Tali riżultat kien jikkostitwixxi tibdil tas-sustanza tal-att li fih taqa’ d-dispożizzjoni li tagħha qiegħed jintalab l-annullament, f’dan il-każ ir-regolament [kontenzjuż]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

44

Fil-punt 59 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, fid-dawl tat-tibdil tas-sustanza tar-regolament kontenzjuż li jkun iwassal għalih l-annullament tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, li jħassar l-eżenzjoni mid-dazji kumpensatorji li jibbenefikaw minnhom l-importazzjonijiet tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi li jkunu osservaw l-impenn aċċettat mill-Kummissjoni, tali dispożizzjoni ma hijiex separabbli mill-kumplament tal-imsemmi regolament.

45

Għall-kuntrarju ta’ dak li tallega SolarWorld fil-kuntest tal-ewwel aggravju, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 59 tad-digriet appellat, ma hijiex ivvizzjata minn żball ta’ liġi.

46

Fl-ewwel lok, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 u 2 tar-regolament kontenzjuż li, kif ġie kkonfermat mill-partijiet kollha f’din il-proċedura, il-leġiżlatur tal-Unjoni, waqt l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, adotta miżuri ta’ difiża kummerċjali li jikkostitwixxu assjem jew “pakkett”. Fil-fatt, l-imsemmi regolament jimponi żewġ miżuri distinti u kumplementari, intiżi sabiex jilħqu riżultat komuni, jiġifieri l-eliminazzjoni tal-effett dannuż fuq l-industrija tal-Unjoni tas-sussidju Ċinniż marbut mal-prodotti kkonċernati filwaqt li jippreżervaw l-interess ta’ din l-industrija.

47

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jsir riferiment għall-premessa 753 tar-regolament kontenzjuż, li, fil-kuntest tal-analiżi tal-impatt tal-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali fuq l-interess tal-industrija tal-Unjoni, issemmi l-effetti li, skont il-Kunsill, ikollu l-impenn marbut mal-PMI fuq id-domanda u fuq l-offerta tal-prodotti kkonċernati. Mill-eżami ta’ din il-premessa joħorġu żewġ konstatazzjonijiet. Minn naħa, tali impenn ikollu effett ekonomiku pożittiv fuq is-suq Ewropew tal-imsemmija prodotti, fis-sens li l-PMI, billi jipprovdi għal prezz inferjuri għal dak osservat waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni, jippermetti ż-żamma fl-Unjoni ta’ domanda suffiċjenti tal-prodotti kkonċernati. B’hekk din il-miżura tidher li għandha jkollha effett kbir u distint minn dik tal-impożizzjoni ta’ dazju ad valorem.

48

Min-naħa l-oħra, l-impenn marbut mal-PMI jidher bħala miżura li ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kunsill fil-kuntest tal-eżami tal-effett tal-miżuri kollha ta’ difiża kummerċjali fuq l-għan tar-regolament kontenzjuż, konsistenti fl-eliminazzjoni tal-effett dannuż fuq l-industrija tal-Unjoni tas-sussidju Ċiniż marbut mal-prodotti kkonċernati filwaqt li jiġi ppreżervat l-interess ta’ din l-industrija.

49

Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies l-impenn marbut mal-PMI, bl-istess mod bħall-impożizzjoni ta’ dazju ad valorem, bħala mezz essenzjali sabiex jintlaħaq l-għan segwit minn dan ir-regolament.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni ta’ SolarWorld li l-annullament tal-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż, minkejja li jwassal, għall-kumpanniji li osservaw impenn marbut mal-PMI, għall-eliminazzjoni tal-benefiċċju ta’ dan l-impenn u l-impożizzjoni ta’ dazju ad valorem, ma jinċidix fuq il-portata tar-regolament kontenzjuż, sa fejn l-impożizzjoni ta’ dazju ad valorem tippermetti waħdiha li jintlaħaq l-istess għan bħal dak previst minn dan l-impenn, ma tistax tintlaqa’.

51

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-miżuri ta’ difiża kummerċjali, previsti mir-regolament kontenzjuż, jinkludu differenzi oġġettivi fir-rigward tan-natura tagħhom. Kif indikat ġustament il-Kummissjoni fin-nota ta’ intervent tagħha, waqt l-impożizzjoni tad-dazju ad valorem, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-regolament kontenzjuż, il-produtturi-esportaturi Ċiniżi huma liberi li jistabbilixxu l-prezz tal-bejgħ tagħhom għall-Unjoni, u sussegwentement jiġi impost dazju fuq dan il-prezz ladarba l-prodott ikkonċernat jiġi importat fl-Unjoni. Id-dħul naxxenti minn dan id-dazju jiddaħħal fil-baġit tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, meta jiġi applikat PMI, dawn il-produtturi-esportaturi ma jkunux iktar jistgħu jistabbilixxu liberament il-prezz tagħhom, peress li dan tal-aħħar ikollu jiżdied sal-livell ta’ dak il-PMI għall-importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni libera tal-prodott ikkonċernat. Fir-rigward tad-dħul addizzjonali naxxenti minn din iż-żieda, dan imur lura għand il-produtturi-esportaturi inkwistjoni.

52

Għaldaqstant, ir-regolament kontenzjuż huwa bbażat fuq il-possibbiltà li jiġu applikati alternattivament dawn iż-żewġ miżuri ta’ natura distinta li tippermetti lill-produtturi-esportaturi Ċiniżi li jużaw l-impenn tal-PMI aċċettat mill-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż, u b’hekk li jevitaw li jiġi applikat fuq il-prodotti tagħhom dazju kumpensatorju ad valorem, kif previst fl-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament. Issa, l-annullament ta’ dan l-Artikolu 2 jelimina tali possibbiltà u l-alternattiva li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried joffri lill-produtturi-esportaturi Ċiniżi waqt l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż. B’kont meħud tad-differenzi marbuta mal-konsegwenzi ekonomiċi marbuta ma’ dawn iż-żewġ tipi ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, tali annullament b’hekk jaffettwa s-sustanza tal-istess regolament kontenzjuż.

53

Minn dan isegwi li l-allegazzjoni ta’ SolarWorld, li, fl-ipoteżi ta’ annullament eventwali tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, il-produtturi-esportaturi Ċiniżi kienu jkunu, f’kull mument, suġġetti għal miżura kumpensatorja, bl-ebda mod ma tbiddel il-konklużjoni li l-produtturi-esportaturi Ċiniżi huma pprivati mill-għażla mogħtija lilhom mil-leġiżlatur tal-Unjoni waqt l-adozzjoni tal-imsemmi regolament.

54

Fit-tielet lok, kif jirriżulta mill-punt 55 tad-digriet appellat, 70% tal-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati li jipprovjenu miċ-Ċina huma suġġetti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż.

55

B’hekk, jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni implementa assjem ta’ miżuri li fil-kuntest tagħhom, ċertament, l-impożizzjoni ta’ dazji ad valorem tidher formalment bħala r-regola u l-applikazzjoni ta’ impenn marbut mal-PMI bħala l-eċċezzjoni għal din ir-regola, iżda, fil-fatt, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni kienet tikkonċerna l-maġġoranza kbira tal-każijiet mill-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż. Għaldaqstant, dan l-impenn jidher bħala li huwa maħsub li japplika prinċipalment fil-kuntest ta’ importazzjonijiet li jipprovjenu miċ-Ċina kkonċernati mir-regolament kontenzjuż. F’tali ċirkustanzi, l-annullament tal-imsemmi impenn kien neċessarjament jaffettwa s-sustanza ta’ dan ir-regolament.

56

Fl-aħħar, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ SolarWorld li l-annullament, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż, ma kienx jipprekludi lil-leġiżlatur tal-Unjoni milli jistabbilixxi PMI ġdid f’livell adegwat sabiex jelimina l-preġudizzju kkawżat lill-industrja tal-Unjoni, skont l-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-analiżi marbuta mal-effett fuq is-sustanza ta’ att legali tal-Unjoni tiddependi unikament mill-konsegwenzi naxxenti awtomatikament minn annullament eventwali tad-dispożizzjoni kkonċernata ta’ dan l-att. B’hekk, il-miżuri differenti li l-awtur tal-imsemmi att jista’ jadotta wara tali annullament ma jistax jaffettwa tali analiżi.

57

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż ma kienx separabbli mill-kumplament tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

58

L-ewwel aggravju mressaq minn SolarWorld għandu għalhekk jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 20 u 47 tal-Karta

L-argumenti tal-partijiet

59

SolarWorld tallega li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tagħha għal rimedju effettiv li jirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll id-dritt tagħha għall-ugwaljanza quddiem il-liġi, fis-sens tal-Artikolu 20 ta’ din tal-aħħar.

60

Fil-fatt, jekk id-digriet appellat ma jiġix ikkunsidrat bħala invalidu għar-raġunijiet spjegati fil-kuntest tal-ewwel aggravju, dan ikollu l-konsegwenza inaċċettabbli li r-rikorrenti, bħala lanjanti tal-Unjoni f’kawża ta’ difiża kummerċjali, tkun de jure mċaħħda minn rimedju effettiv u li din tirċievi trattament żvantaġġuż meta mqabbla mal-produtturi-esportaturi Ċiniżi li jitolbu l-annullament tar-regolament kontenzjuż kollu quddiem il-qrati tal-Unjoni.

61

Peress li l-għan stess tar-regolament bażiku huwa li jiġu protetti l-industriji tal-Unjoni minn preġudizzju kkawżat minn sussidju, SolarWorld qieset li, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jikkonstataw l-eżistenza ta’ sussidju dannuż, iżda ma jimponu l-ebda miżura kumpensatorja, tkun xi tkun il-forma, f’livell adegwat sabiex jiġi eliminat il-preġudizzju subit mill-produtturi tal-Unjoni, id-drittijiet tal-industrija tal-Unjoni jiġu miksura. Issa, SolarWorld tqis li, jekk id-digriet appellat ma jiġix ikkunsidrat bħala invalidu, l-industrija fotovoltajka fil-kawża odjerna ma jkollha l-ebda rimedju għad-dispożizzjoni tagħha meta l-Kunsill u l-Kummissjon jimponu b’mod illegali miżuri kumpensatorji f’ammont li ma huwiex adatt sabiex jelimina l-preġudizzju subit mill-produtturi tal-Unjoni.

62

Barra minn hekk, il-fatt li produtturi-esportaturi Ċiniżi, li kkawżaw il-preġudizzju lill-industrija tal-Unjoni, għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw rikors kontra regolament li jadotta miżuri ta’ difiża kummerċjali, meta produttur Ewropew ma għandux din il-possibbiltà, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta. Fil-fatt, produttur Ewropew, bħar-rikorrenti fil-kawża odjerna, bħala prinċipju, ikollu interess li jannulla mhux it-totalità ta’ regolament li jimponi miżuri ta’ difiża kummerċjali, iżda biss il-partijiet illegali ta’ dan tal-aħħar.

63

Il-Kunsill iqis li t-tieni aggravju, sa fejn dan iqajjem, għall-ewwel darba, fil-kuntest tal-appell, il-ksur tal-Artikolu 20 tal-Karta għandu jitqies bħala inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill iqis, kif tindika wkoll il-Kummissjoni, li dan it-tieni aggravju huwa infondat fl-intier tiegħu.

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

64

Qabel xejn, għandu jitfakkar li fil-kuntest ta’ appell, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat lill-motivi diskussi quddiem il-qrati fil-mertu (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il-Kummissjoni, C-597/13 P, Ġabra EU:C:2015:613, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Issa, f’dan il-każ, il-ksur tal-Artikolu 20 tal-Karta ġie invokat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, meta SolarWorld kellha l-okkażjoni li ssostni l-ksur ta’ dan l-artikolu fil-kuntest taż-żewġ motivi ta’ inammissibbiltà tar-rikors ppreżentati mill-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, it-tieni aggravju ta’ SolarWorld huwa inammissibbli sa fejn dan jikkonċerna ksur tal-Artikolu 20 tal-Karta.

66

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, SolarWorld tikkonferma li jekk hija ma tinsabx f’pożizzjoni li tattakka parzjalment ir-regolament kontenzjuż, hija ma għandha l-ebda rimedju għad-dispożizzjoni tagħha meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’mod illegali jimponu miżuri kumpensatorji f’ammont li ma jkunx adatt sabiex jelimina l-preġudizzju subit mill-produtturi tal-Unjoni.

67

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar, fl-ewwel lok, li dan l-artikolu ma għandux l-għan li jbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi magħmula direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 97, kif ukoll tal-24 ta’ Novembru 2016, Ackermann Saatzucht et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-408/15 P u C-409/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:893, punt 49).

68

Fit-tieni lok, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 47 tal-Karta ma tirrikjedix li l-persuna tista’, b’mod inkundizzjonali, tippreżenta kawża għal annullament, direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, kontra tali att leġiżlattiv tal-Unjoni (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlement u Il-kunsill, C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 105).

69

Fit-tielet lok, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE, mhux biss mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll mill-qrati tal-Istati Membri. Għal dan l-għan, it-Trattat FUE, permezz tal-Artikoli 263 u 277 TFUE tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 TFUE tiegħu, min-naħa l-oħra, stabbilixxa sistema sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri maħsuba sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, filwaqt li ħalla dan l-istħarriġ fir-responsabbiltà tal-qorti tal-Unjoni (sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-583/11 P, EU:C:2013:625, punti 9092, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni, C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 57).

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li SolarWorld ma tistax tippreżenta kawża unikament kontra parti mhux separabbli mir-regolament kontenzjuż ma huwiex ta’ natura li jikser id-drittijiet tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta sa fejn din il-kumpannija setgħet tattakka r-regolament kontenzjuż fl-intier tiegħu. Fil-fatt, hija setgħet, dment li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-locus standi previsti fl-Artikolu 263(4) TFUE, tattakka r-regolament kontenzjuż direttament quddiem il-Qorti Ġenerali filwaqt li titlob is-sospensjoni tal-effetti ta’ dan l-annullament sal-adozzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tal-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, jew tikkontesta l-validità tar-regolament kontenzjuż quddiem il-qrati nazzjonali u twassal lil dawn tal-aħħar sabiex jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari.

71

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-digriet appellat, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fih li, l-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż ma huwiex ta’ natura separabbli mill-kumplament ta’ dan ir-regolament, ir-rikors ta’ SolarWorld kien inammissibbli, ma jiksirx l-Artikolu 47 tal-Karta.

72

Għaldaqstant, jeħtieġ li t-tieni aggravju ta’ SolarWorld jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

73

Minn dan isegwi li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

74

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

75

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 184, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

76

Peress li l-Kunsill talab li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li l-aggravji ta’ din tal-aħħar ġew miċħuda, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn din l-istituzzjoni.

77

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

78

F’dan il-każ, il-Kummissjoni, li kellha l-kwalità ta’ parti intervenjenti fl-ewwel istanza, għandha tbati l-ispejjeż proprji tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

SolarWorld AG hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż proprji tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.