Kawża C‑191/16

Romano Pisciotti

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Berlin)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 18 u 21 TFUE – Estradizzjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerika ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu – Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u dan l-Istat terz – Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata biss għaċ-ċittadini nazzjonali – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità – Informazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-10 ta’ April 2018

  1. Ċittadinanza tal-Unjoni–Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri–Talba indirizzata lil Stat Membru minn Stat terz intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu fl-ewwel Stat Membru–Talba għal estradizzjoni li saret fil-kuntest tal-Ftehim UE-USA fil-qasam tal-estradizzjoni–Sitwazzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni

    (Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE)

  2. Ċittadinanza tal-Unjoni–Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri–Talba indirizzata lil Stat Membru minn Stat terz intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu fl-ewwel Stat Membru–Talba għal estradizzjoni li saret fil-kuntest tal-Ftehim UE-USA fil-qasam tal-estradizzjoni–Projbizzjoni ta’ estradizzjoni prevista mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru adit bit-talba, applikata biss għaċ-ċittadini nazzjonali–Ammissibbiltà–Kundizzjonijiet

    (Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE)

  1.  Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ċittadin tal-Unjoni li jkun is-suġġett ta’ talba għall-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti jkun ġie arrestat, bil-ħsieb tal-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ din it-talba, fi Stat Membru li ma jkunx dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt peress li l-imsemmi ċittadin ikun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-Unjoni Ewropea u l-imsemmija talba għall-estradizzjoni tkun saret fil-kuntest tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika tal-25 ta’ Ġunju 2003.

    (ara l-punt 35 u d-dispożittiv 1)

  2.  Fil-każ, bħal dak fil-kawża prinċipali, fejn ċittadin tal-Unjoni li jkun is-suġġett ta’ talba għall-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerika, fil-kuntest tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika tal-25 ta’ Ġunju 2003, ikun ġie arrestat fi Stat Membru li ma jkunx dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, bil-ħsieb tal-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ din it-talba, l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux lill-Istat Membru mitlub milli jistabbilixxi distinzjoni fuq il-bażi ta’ regola tad-dritt kostituzzjonali bejn iċ-ċittadini tiegħu u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u milli jawtorizza din l-estradizzjoni meta huwa ma jkunx jippermetti l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess, sakemm huwa jkun qiegħed minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin ikollu n-nazzjonalità f’pożizzjoni li jitolbu l-konsenja ta’ dan iċ-ċittadin fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u dan l-Istat Membru tal-aħħar ma jkun ħa ebda miżura f’dan is-sens.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa importanti li tingħata prijorità lill-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità bil-għan, jekk ikun il-każ, li l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jingħataw l-opportunità li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni. Għalhekk, meta Stat Membru li lejh ikun iċċaqlaq ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, jiġi indirizzat b’talba għall-estradizzjoni minn Stat terz li miegħu l-ewwel Stat Membru kkonkluda ftehim ta’ estradizzjoni, dan ikun obbligat jinforma lill-Istat Membru li tiegħu l-imsemmi ċittadin għandu n-nazzjonalità u, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, jikkonsenjalu lil dan iċ-ċittadin, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sakemm dan l-Istat Membru jkollu l-ġurisdizzjoni, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, sabiex jiftaħ proċeduri kriminali kontra din il-persuna għal fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C-182/15, EU:C:2016:630, punti 4850). Għalkemm din is-soluzzjoni ġiet stabbilita, kif jirriżulta mill-punt 46 tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C-182/15, EU:C:2016:630), f’kuntest ikkaratterizzat mill-assenza ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam tal-estradizzjoni bejn l-Unjoni u l-Istat terz ikkonċernat, din hija intiża sabiex tapplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-Ftehim UE-Stati Uniti jagħti lill-Istat Membru mitlub is-setgħa li ma jestradixxix liċ-ċittadini tiegħu stess. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata bl-argument imressaq minn ċerti gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, fis-sens li, essenzjalment, il-prijorità mogħtija lil talba għal konsenja fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ talba għall-estradizzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika tneħħi l-effett tar-regola, li tinsab fl-Artikolu 10(2) u (3) tal-Ftehim UE-USA, li permezz tagħha l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub, fil-preżenza ta’ tali talbiet f’kompetizzjoni bejniethom, tiddetermina l-Istat li lilu l-persuna għandha tiġi kkonsenjata fuq il-bażi tal-elementi rilevanti kollha. Għalhekk, sabiex jitħares l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuna kkonċernata għall-fatti li hija akkużata bihom fit-talba għall-estradizzjoni, jeħtieġ li l-mandat ta’ arrest Ewropew eventwalment maħruġ minn Stat Membru għajr l-Istat Membru mitlub ikun jirrigwarda tal-inqas dawn l-istess fatti u li, kif jirriżulta mill-punt 50 tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C-182/15, EU:C:2016:630), l-Istat Membru emittenti jkollu l-ġurisdizzjoni, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, sabiex jiftaħ proċeduri kriminali kontra din il-persuna għal tali fatti anki meta dawn jitwettqu barra mit-territorju tiegħu.

    (ara l-punti 51 sa 54, 56 u d-dispożittiv 2)