SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
5 ta’ Lulju 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport bl-ajru — Regolament (UE) Nru 1178/2011 — Anness I, punt FCL.065(b) — Projbizzjoni għad-detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena li jaġixxu bħala pilota ta’ inġenju tal-ajru involut fit-trasport kummerċjali — Validità — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 15 — Libertà professjonali — Artikolu 21 — Ugwaljanza fit-trattament — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Trasport kummerċjali bl-ajru — Kunċett”
Fil-Kawża C-190/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, ippreżentata mill-Bundesarbeitsgericht (qorti industrijali federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ April 2016, fil-proċedura
Werner Fries
vs
Lufthansa CityLine GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, E. Regan, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal W. Fries, minn M. Mensching, Rechtsanwalt, |
|
— |
għal Lufthansa CityLine GmbH, minn C. Schalast, Rechtsanwalt, |
|
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin, W. Mölls u F. Wilman, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità u, sussidjarjament l-interpretazzjoni tal-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011, tat-3 ta’ Novembru 2011, li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 311, p. 1). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Werner Fries u Lufthansa CityLine GmbH (iktar ’il quddiem “Lufthansa”), kumpannija tal-ajru stabbilita fil-Ġermanja, dwar il-ħlas tar-remunerazzjoni allegatament dovuta minn Lufhansa lil W. Fries, għax-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2013. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
Il-Konvenzjoni ta’ Chicago
|
3 |
Il-konvenzjoni dwar l-avjazzjoni ċivili internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”), ġiet irrattifikata mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, anki jekk hija stess ma hijiex parti kontraenti għall-imsemmija konvenzjoni. Din il-konvenzjoni waqqfet l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), liema organizzazzjoni, skont l-Artikolu 44 ta’ din l-istess konvenzjoni, għandha bħala għan l-iżvilupp tal-prinċipji u tat-teknika tan-navigazzjoni tal-ajru internazzjonali kif ukoll li tiffavorixxi l-istabbiliment u l-inċentivazzjoni tal-iżvilupp tat-trasport tal-ajru internazzjonali. |
|
4 |
Taħt it-titolu “Liċenzji tal-persunal”, l-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, adottata mill-Kunsill tal-ICAO, tiġbor flimkien ir-regoli u l-prattika rrakkomandati li jirregolaw l-għoti tal-liċenzji lill-membri tal-ekwipaġġ ta’ sewqan (piloti, inġiniera tat-titjira u navigaturi tat-titjira), lill-kontrolluri taċ-ċirkulazzjoni fl-ajru, lir-radjuoperaturi ta’ stazzjoni aeronawtiku, lit-tekniċi ta’ manutenzjoni u lill-aġenti tekniċi tal-operat. B’mod partikolari, l-imsemmi anness jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
|
Il-JAR-FCL 1
|
5 |
Il-leġiżlazzjoni internazzjonali dwar il-qasam tal-piloti privati, professjonali jew tal-linji tal-ajru hija żviluppata minn istituzzjoni internazzjonali, il-Joint Aviation Authorities, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tipparteċipa fiha. Waħda minn dawn il-leġiżlazzjonijiet, il-Joint Aviation Requirements – Flight Crew Licensing 1 (iktar ’il quddiem il-“JAR-FCL 1”), ġiet adottata fil-15 ta’ April 2003. Il-JAR-FCL 1 ġiet ippubblikata mill-Ministeru Federali għat-Trasport, il-Kostruzzjoni u l-Akkomodazzjoni, fil-Bundesanzeiger Nru 80a, tad-29 ta’ April 2003. |
|
6 |
Il-punt 1.060 tal-JAR-FCL 1 jippreċiża: “Restrizzjonijiet li jikkonċernaw id-detenturi ta’ liċenzja li għandhom iktar minn 60 sena:
|
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008
|
7 |
Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU 2008, L 79, p. 1), jipprovdi, fl-Artikolu 2(1) tiegħu: “L-objettiv prinċipali ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi stabbilit u miżmum livell uniformi għoli ta’ sikurezza ta’ l-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa.” |
Ir-Regolament Nru 1178/2011
|
8 |
Il-premessi 1 u 11 tar-Regolament Nru 1178/2011 huma fformulati kif ġej:
[…]
|
|
9 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1178/2011, intitolat “Il-liċenzjar u ċ-ċertifikazzjoni medika tal-bdoti”, jipprovdi: “Mingħajr ħsara għall-Artikolu 7, il-bdoti tal-inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) u (c) u l-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi stabbiliti fl-Anness I u l-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.” |
|
10 |
Taħt it-Titolu “Definizzjonijiet”, il-punt FCL.010 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din il-Parti, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […] ‘Trasport kummerċjali bl-ajru’ tfisser it-trasport ta’ passiġġieri, merkanzija jew posta b’remunerazzjoni jew kiri. […]” |
|
11 |
Taħt it-titolu “Tnaqqis tal-privileġġi tad-detenturi tal-liċenzja li jkolllhom 60 sena jew aktar fit-trasport kummerċjali bl-ajru”, il-punt FCL.065 tal-Anness I tal-imsemmi regolament jipprovdi dan li ġej:
|
Id-dritt Ġermaniż
|
12 |
Taħt it-titolu “Obbligi li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ obbligazzjoni”, l-Artikolu 241 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili) (iktar ’il quddiem il-“BGB”) jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Ir-relazzjoni ta’ obbligazzjoni tista’, skont il-kontenut tagħha, tobbliga lil kull parti tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet, il-beni u l-interessi tal-parti l-oħra.” |
|
13 |
Skont it-termini tal-Artikolu 280(1) tal-BGB, “[m]età d-debitur jikser obbligu li jkun jirriżulta mir-relazzjoni ta’ obbligazzjoni, il-kreditur jista’ jitlob il-kumpens għad-dannu li jirriżulta minn dan.” |
|
14 |
Skont it-titolu, “Mora fl-aċċettazzjoni”, l-Artikolu 293 tal-BGB jipprovdi: “Il-kreditur jaqa’ f’mora jekk ma jaċċettax il-prestazzjoni li tkunlu offerta.” |
|
15 |
L-Artikolu 297 tal-BGB, intitolat, “Impossibbiltà għad-debitur li jeżegwixxi”, jipprovdi dan li ġej: “Il-kreditur ma jaqax f’mora meta fil-mument tal-offerta […] id-debitur ma jkunx f’pożizzjoni li jeżegwixxi l-prestazzjoni.” |
|
16 |
Taħt it-titolu “Remunerazzjoni f’każ ta’ mora fl-aċċettazzjoni u ta’ riskju kummerċjali”, l-Artikolu 615 tal-BGB jistabbilixxi: “Jekk il-kreditur ta’ prestazzjoni ta’ servizzi jdum ma jaċċetta s-servizzi, il-prestatarju jista’ jeżiġi r-remunerazzjoni miftiehma għas-servizzi mhux eżegwiti minħabba l-mora mingħajr ma jkun obbligat jeżegwihom iktar tard. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
17 |
W. Fries, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ġie impjegat bħala kaptan minn Lufthansa matul il-perijodu bejn l-1986 sal-31 ta’ Diċembru 2013. Barra minn hekk, huwa kien involut fit-taħriġ ta’ piloti oħra abbażi ta’ ftehim addizzjonali għall-kuntratt ta’ impjieg tiegħu. |
|
18 |
Matul ix-xahar ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali laħaq l-età ta’ 65 sena. Fil-31 ta’ Diċembru 2013, il-kuntratt ta’ impjieg tiegħu skada minħabba li kien laħaq l-età ta’ ammissibbiltà għal pensjoni ta’ rtirar statutorja fil-kuntest tal-iskema pubblika ta’ rtirar, skont il-ftehim kollettiv applikabbli. |
|
19 |
Sa mill-31 ta’ Ottubru 2013, Lufthansa ma baqgħetx timpjega lil W. Fries filwaqt li sostniet li, b’applikazzjoni tal-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, dan ma kienx għad għandu, sa mill-imsemmija data, id-dritt li jopera bħala pilota fit-trasport kummerċjali bl-ajru. |
|
20 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul il-perijodu bejn il-31 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Diċembru 2013, W. Fries kien għad għandu l-liċenzja tiegħu ta’ pilota ta’ inġenju tal-ajru kummerċjali (ATPL), inkluż il-kwalifika għall-ajruplani tat-tip Embraer, il-kwalifika ta’ istruttur għall-klassifikazzjoni tat-tip (TRI) għat-taħriġ ta’ piloti ta’ ajruplani tat-tip Embraer fuq inġenji u fuq simulatur, il-kwalifika ta’ eżaminatur għall-klassifikazzjoni tat-tip (TRE) għall-organizzazzjoni ta’ eżamijiet fuq inġenji u fuq simulatur għall-ksib jew għall-estensjoni tal-liċenzji għall-ajruplani tat-tip Embraer, kif ukoll tal-approvazzjoni bħala eżaminatur prinċipali (SEN) għall-organizzazzjoni tal-eżamijiet għall-klassifikazzjoni tat-tip (TREs), ikun liema jkun il-mudell tal-ajruplan. |
|
21 |
W. Fries jinvoka, quddiem il-Bundesarbeitsgericht (qorti industrijali federali, il-Ġermanja), l-illegalità tar-rifjut ta’ Lufthansa li timpjegah bħala pilota u talba li din tiġi kkundannata tħallsu r-remunerazzjonijiet għax-xhur ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2013. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-persuna li timpjega tkun “f’mora” meta ma taċċettax il-prestazzjoni ta’ xogħol li debitament tingħatalha mill-impjegat f’relazzjoni ta’ impjieg eżegwibbli. F’tali każ, għalkemm l-impjegat ma jkunx jaħdem, huwa jista’ jeżiġi mingħand il-persuna li tħaddem ir-remunerazzjoni li kieku kien jirċievi kieku din kienet aċċettat il-prestazzjoni ta’ xogħol tal-impjegat matul il-perijodu ta’ mora. Id-dewmien fl-aċċettazzjoni mill-persuna li tħaddem tal-offerta ta’ xogħol hija madankollu eskluża meta l-impjegat ma jkunx f’pożizzjoni li jagħmel dan. F’każ ta’ impossibbilta għall-ħaddiem li joffri, kompletament jew parzjalment, il-prestazzjoni miftiehma fil-kuntest tal-kuntratt ta’ xogħol, il-persuna li timpjega għandha tagħti lill-impjegat ikkonċernat responsabbiltajiet oħra li dan tal-aħħar ikun jista’ jwettaq. Fin-nuqqas li tiġi osservata din l-obbligazzjoni, il-persuna li tħaddem tista’ tiġi obbligata tagħti kumpens għad-danni. |
|
23 |
Lufthansa tikkunsidra li l-ebda dewmien fl-aċċettazzjoni tal-offerta ta’ xogħol ta’ W. Fries ma tista’ tiġi imputata lilha, matul ix-xahar ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2013, peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx għad għandu d-dritt, mill-età ta’ 65 sena, li jaħdem bħala pilota ta’ linja tal-ajru fit-trasport kummerċjali bl-ajru, abbażi tal-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, b’mod li kien impossibbli li jeżegwixxi l-prestazzjoni miftiehma mill-1 ta’ Novembru 2013 sat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg. |
|
24 |
Il-qorti tar-rinviju madankollu għandha dubji fir-rigward tal-validità tal-punt FCL.065(b) tal-Anness I tal-imsemmi regolament fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta” u, b’mod partikolari, tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età prevista fl-Artikolu 21(1) tal-Karta u tad-dritt għax-xogħol u li tiġi eżerċitata professjoni magħżula jew aċċettata liberament stabbilit fl-Artikolu 15(1) ta’ din. |
|
25 |
Barra minn hekk, għalkemm il-punt FCL.065(b) tal-Anness I tal-istess regolament huwa konformi mal-Karta, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li W. Fries jista’ jsostni l-kreditu tiegħu għal kumpens għad-danni, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jekk jirriżulta li ladarba kien laħaq l-età ta’ 65 sena, huwa kien għadu jista’ jwettaq titjiriet vojta u/jew jaħdem fuq ajruplan bħala istruttur u eżaminatur. Tali kreditu jiddependi mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “trasport kummenrċjali bl-ajru”, fis-sens tal-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, moqri flimkien mal-punt FLC.010 ta’ dan l-anness. |
|
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (qorti industrijali federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
|
27 |
Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 huwiex validu fid-dawl tal-Artikolu 15(1) jew tal-Artikolu 21(1) tal-Karta. |
|
28 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kisirx il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, li fit-termini tiegħu, “[k]ull diskriminazzjoni bbażata fuq […] l-età […] għandha tkun projbita”, meta pprojbixxa lid-detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena milli jaġixxu bħala piloti ta’ inġenji tal-ajru użati għat-trasport kummerċjali bl-ajru. It-tieni nett, għandu jiġi vverifikat jekk, billi impona tali projbizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kisirx id-dritt għax-xogħol u d-dritt għall-eżerċitar ta’ professjoni magħżula jew aċċettata liberament, stabbilit fl-Artikolu 15(1) tal-Karta, f’dak li jikkonċerna d-detenturi tal-liċenzji kkonċernati mill-imsemmija projbizzjoni. |
Fuq l-Artikolu 21(1) tal-Karta
|
29 |
Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, li tiegħu l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta huwa espressjoni partikolari. |
|
30 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2011, Association belge des Consommateurs Test-Achats et, C-236/09, EU:C:2011:100, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk il-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 joħloqx differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età. |
|
32 |
Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, id-detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota ma għandhomx id-dritt li jaġixxu bħala pilota ta’ inġenju tal-ajru użat għat-trasport kummerċjali bl-ajru wara li jilħqu l-età ta’ 65 sena. |
|
33 |
Il-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 jagħti, għalhekk, trattament inqas favorevoli lid-detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena milli lil dawk li jkollhom inqas minn 65 sena. |
|
34 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni toħloq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età. |
|
35 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex madankollu konformi mal-Artikolu 21(1) tal-Karta, sa fejn tirrispondi għall-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tagħha. |
|
36 |
F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minnha għandha tkun ipprovduta mil-liġi u tirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. |
|
37 |
Issa, huwa paċifiku li l-projbizzjoni magħmula għad-detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena li jaġixxu bħala pilota ta’ inġenju tal-ajru użat għat-trasport kummerċjali bl-ajru għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija prevista mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, peress li tirriżulta mill-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011. |
|
38 |
Barra minn hekk, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-limitazzjoni tosserva l-kontenut essenzjali tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Fil-fatt, l-imsemmija limitazzjoni ma tqiegħedx inkwistjoni dan il-prinċipju fih innifsu inkwantu hija tirrigwarda biss il-kwistjoni, ta’ portata limitata, tar-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ pilota sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fl-ajru (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ April 2015, Léger, C-528/13, EU:C:2015:288, punt 54). |
|
39 |
Madankollu, hemm ulterjorment lok li jiġi vverifikat jekk l-istess limitazzjoni tissodisfax għan ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, u, fil-każ li dan huwa minnu, jekk hija tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
40 |
F’dak li jikkonċerna l-għan intiż mill-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mit-titolu ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar jiddetermina r-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi applikabbli għall-persunal li jaħdem fl-avjazzjoni ċivili, skont ir-Regolament Nru 216/2008. Ir-Regolament Nru 1178/2011, b’hekk, ġie adottat sabiex jimplementa d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 216/2008. |
|
41 |
Peress li l-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 jikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 216/2008, għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża ssegwi l-istess għan bħal dan l-aħħar regolament, jiġifieri l-istabbiliment u ż-żamma ta’ livell uniformi għoli ta’ sigurtà fl-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa, kif jirriżulta kemm mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 216/2008 kif ukoll mill-premessi 1 u 11 tar-Regolament Nru 1178/2011. |
|
42 |
Issa, għandu jiġi rrelevat li, fir-rigward tas-sigurtà fl-ajru, meta interpretat l-Artikolu 2(5) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU 2000, L 303, p. 16), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan li tiġi ggarantita s-sigurtà tat-traffiku fl-ajru jikkostitwixxi għan leġittimu, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C-447/09, EU:C:2011:573, punti 58 u 69). |
|
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-għan intiż għall-istabbiliment u għaż-żamma ta’ livell uniformi għoli ta’ sigurtà fl-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali. |
|
44 |
Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, billi jipprojbixxi lid-detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena milli jaġixxu bħala pilota ta’ inġejnu tal-ajru użat għat-trasport kummerċjali bl-ajru, il-punt FLC.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 jimponix rekwiżit proporzjonat, jiġifieri jekk tali miżura hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan intiż u jekk din tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan il-għan. |
|
45 |
F’dak li jikkonċerna, qabel xejn, in-natura xierqa ta’ tali dispożizzjoni fid-dawl tal-għan intiż, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rigward tas-sigurtà fl-ajru, il-miżuri intiżi sabiex jiġu evitati l-inċidenti aeronawtiċi permezz tal-kontroll tal-kapaċità u tal-abbiltajiet fiżiċi tal-piloti sabiex dawn in-nuqqasijiet umani ma jkunux il-kawża ta’ dawn l-inċidenti, bla dubju jikkostitwixxu miżuri ta’ natura li jiżguraw is-sigurtà tat-traffiku fl-ajru (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C-447/09, EU:C:2011:573, punt 58). |
|
46 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, wara li rrelevat li huwa essenzjali li l-piloti tal-linji tal-ajru jkollhom kapaċitajiet fiżiċi adegwati, sa fejn in-nuqqasijiet fiżiċi għal din il-professjoni jista’ jkollhom konsegwenzi serji, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ma hemmx dubju li dawn il-kapaċitajiet jonqsu bl-età (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C-447/09, EU:C:2011:573, punt 67). |
|
47 |
B’hekk, sa fejn jippermettu li jiġi eskluż li tnaqqis tal-imsemmija kapaċitajiet fiżiċi wara 65 sena jikkawża inċidenti, id-dispożizzjonijiet tal-punt FLC.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 huma adegwati sabiex jintlaħaq l-interess ġenerali mfittex. |
|
48 |
B’hekk, għandu jitfakkar, skont ġurisprudenza stabbilita, li leġiżlazzjoni tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan invokat biss jekk tkun verament intiża li dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku, u li eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet ta’ liġi jistgħu, f’ċerti każijiet, jippreġudikaw il-koerenza tagħha b’mod partikolari meta, minħabba l-portata tagħhom, iwasslu għal riżultat li jkun kuntrarju għall-għan imfittex mil-liġi msemmija (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C-159/10 u C-160/10, EU:C:2011:508, punti 85 u 86). |
|
49 |
F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 jirriżulta li l-limitu ta’ età ta’ 65 sena ma huwiex applikabbli fil-qasam tat-trasport mhux kummerċjali bl-ajru. Skont W. Fries, tali esklużjoni taffettwa l-koerenza ta’ dan il-punt fid-dawl tal-għan intiż, li b’hekk irendi l-limitazzjoni inkwistjoni sproporzjonata. |
|
50 |
Madankollu, billi jimponi tali limitu ta’ età fil-kuntest tat-trasport kummerċjali bl-ajru biss, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn dan it-tip ta’ trasport u t-trasport mhux kummerċjali bl-ajru, jiġifieri, b’mod partikolari, il-kumplessità teknika ikbar tal-inġenji tal-ajru użati fuq kuntest tat-trasport kummerċjali bl-ajru u n-numru ikbar ta’ persuni kkonċernati f’dan il-qasam, peress li tali differenzi jiġġustifikaw li jiġu stabbiliti regoli differenti sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tat-traffiku fl-ajru għaż-żewġ tiġi ta’ trasport. |
|
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-limitu ta’ età ta’ 65 sena japplika biss għall-qasam tat-trasport kummerċjali bl-ajru jidher ta’ natura li jsaħħaħ iktar milli jdgħajjef in-natura proporzjonata tal-miżura kkunsidrata. |
|
52 |
Għaldaqstant, il-projbizzjoni magħmula għad-detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena li jaġixxu bħala pilota ta’ inġenju tal-ajru użat għat-trasport kummerċjali bl-ajru tikkostitwixxi mezz xieraq sabiex jinżamm livell adegwat ta’ sigurtà fl-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa. |
|
53 |
Sussegwentement, sabiex jiġi eżaminat jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa u jekk tippreġudikax eċċessivament l-interessi tal-piloti li jilħqu l-età ta’ 65 sena, din il-miżura għandha titqiegħed fil-kuntest leġiżlattiv li tinsab fih u jittieħed inkunsiderazzjoni kemm id-dannu li hija tista’ tikkawża lill-persuni kkonċernati kif ukoll il-benefiċċji li jiksbu minnha s-soċjetà inġenerali u l-individwi li jagħmlu parti minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Hörnfeldt, C-141/11, EU:C:2012:421, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 jagħmel parti mir-regoli stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddefinixxu r-rekwiżiti applikabbli għall-persunal li jaħdem fl-avjazzjoni ċivili sabiex jiġi żgurat li dan il-persunal ikun ikkwalifikat, attent u kompetenti sabiex jiżvolġi bl-aħjar mod il-karigi li jiġu fdati lilu, bil-ħsieb li titjieb is-sigurtà aeronawtika. |
|
55 |
Peress li, fil-katina tal-atturi fin-navigazzjoni fl-ajru, il-piloti tal-inġenji tal-ajru jikkostitwixxu ħolqa essenzjali, il-kompetenza ta’ dawn l-ispeċjalisti tibqa’ waħda mill-garanziji prinċipali tal-affidabbilta u tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. F’dan il-kuntest, l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu li l-persuni li għandhom kapaċitajiet fiżiċi meħtieġa biss ikunu awtorizzati jsuqu l-inġenji tal-ajru hija indispensabbli fid-dawl tat-tnaqqis għall-minimu tar-riskju ta’ nuqqasijiet dovuti għal żball uman. |
|
56 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li huwa raġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni, billi ħa inkunsiderazzjoni l-importanza tal-fatturi umani fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili kif ukoll it-tnaqqis progressiv tal-kapaċitajiet fiżiċi meħtieġa għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pilota matul is-snin, iqis neċessarju li jiġi stabbilit limitu ta’ età sabiex wieħed jeżerċita bħala pilota fil-kuntest tat-trasport kummerċjali bl-ajru, sabiex jinżamm livell adegwat ta’ sigurtà tal-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa. |
|
57 |
Fir-rigward tal-iffissar tal-limitu ta’ età speċifikament għal 65 sena, W. Fries jikkontesta tali limitu, billi jsostni b’mod partikolari li, minn naħa, ebda data medika miġbura b’mod xjentifiku ma ssib li hemm periklu ikbar marbut mal-użu, fit-trasport kummerċjali bl-ajru, ta’ piloti ta’ 65 sena jew iktar, u li, min-naħa l-oħra, id-deterjorazzjoni tal-kapaċitajiet fiżiċi u psikiċi ma tibdiex f’età determinata, iżda tiddependi minn fatturi partikolari għal kull individwu, fosthom, b’mod partikolari, l-istorja tal-ħajja tiegħu. |
|
58 |
Madankollu, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu. |
|
59 |
Fil-fatt, qabel xejn, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa rigward il-kwistjonijiet ta’ natura medika kumplessa, bħal dik dwar jekk il-kapaċitajiet fiżiċi partikolari meħtieġa għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pilota ta’ linja tal-ajru ma jkunux issodisfatti mill-persuni li jkollhom iktar minn ċerta età, u li, meta jkunu jeżistu inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza jew il-portata tar-riskji għas-saħħa tal-persuni, l-imsemmi leġiżlatur jista’ jieħu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollu jistenna li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jkunu murija b’mod sħiħ (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C-356/12, EU:C:2014:350, punti 64 u 65). |
|
60 |
Minħabba r-rabta stretta li teżisti bejn is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u l-protezzjoni tal-membri tal-ekwipaġġ, tal-passiġġieri u tar-residenti taż-żoni li jsir it-titjir fuqhom, meta l-leġiżlatur jiddeċiedi li jistabbilixxi limitu ta’ età bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, huwa preferibbli, fi preżenza ta’ inċertezza xjentifika, li jiġu pprivileġġati miżuri li jkun ċert li jiggarantixxu livell għoli ta’ sigurtà, bil-kundizzjoni li dawn ikunu bbażati fuq data oġġettiva. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li l-limitu ta’ età ta’ 65 sena jista’ jiġi kkunsidrat bħala suffiċjentement avvanzat sabiex iservi ta’ terminu ta’ awtorizzazzjoni għall-prattika bħala pilota fil-qasam tat-trasport kummerċjali bl-ajru (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C-341/08, EU:C:2010:4, punt 52). |
|
62 |
Sussegwenetment, għandu jiġi kkonstatat li l-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 jirrifletti r-regoli internazzjonali fil-qasam tat-trasport kummerċjali bl-ajru internazzjonali, li espliċitament tirreferi għalihom il-premessa 11 ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxu l-istess limitu ta’ età. |
|
63 |
Issa, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li tali regoli huma bbażati fuq dibattitu u konoxxenza fil-fond, huma jikkostitwixxu, bħala riferimenti oġġettivi u raġonevoli għall-persuni li jiddeċiedu, element partikolarment rilevanti għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni f’din il-kawża. |
|
64 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan tal-aħħar għandu l-obbligu li jipprevedi, minflok limitu ta’ età, eżami individwali tal-kapaċitajiet fiżiċi u psikiċi ta’ kull detentur ta’ liċenzja ta’ pilota li jkun qabeż il-65 sena. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, kif irreleva l-Avukat Ġenerali b’mod partikolari fil-punti 60 u 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-leġiżlatur għażel li jikkombina approċċ individwalizzat għall-grupp ta’ età bejn is-60 u l-64 sena bil-limitu ta’ età ta’ 65 sena, li tirrappreżenta, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għażla ampjament ibbażata fuq ir-regoli internazzjonali rilevanti li huma huma stess ibbażati fuq l-istat attwali tal-konoxxenza medika fil-qasam. |
|
66 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmi limitu ta’ età ma għandux l-effett awtomatiku li jġiegħel lill-persuni msemmija jirtiraw definittivament mis-suq tax-xogħol, peress li dan il-limitu ma jistabbilixxi la sistema imperattiva ta’ rtirar obbligatorju u lanqas ma jimplika neċessarjament li jintemm il-kuntratt ta’ impjieg ta’ impjegat minħabba li dan ikun laħaq l-età ta’ 65 sena (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Hörnfeldt, C-141/11, EU:C:2012:421, punt 40). |
|
67 |
Fil-fatt, il-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 ma jeskludix id-detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena mill-attività kollha fil-qasam tat-trasport bl-ajru iżda jipprojbixxi biss lill-imsemmija detenturi milli jipprattikaw bħala pilota fil-kuntest tat-trasport kummerċjali bl-ajru. |
|
68 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni magħmula għad-detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena li jipprattikaw bħala pilota ta’ inġenju tal-ajru użat għat-trasport kummerċjali bl-ajru ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali mfittex. |
|
69 |
Minn dak li jippreċedi jirriżulta li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita mill-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 hija konformi mal-Artikolu 21(1) tal-Karta. |
Fuq l-Artikolu 15(1) tal-Karta
|
70 |
L-Artikolu 15(1) tal-Karta jistabbilixxi d-dritt ta’ kull persuna li taħdem u teżerċita professjoni magħżula liberament. |
|
71 |
F’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 twassal għal restrizzjoni tal-libertà professjonali tad-detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena, sa fejn dawn tal-aħħar ma jistgħux, mid-data tal-għeluq tal-65 sena tagħhom, jibqgħu jeżerċitaw il-professjoni ta’ pilota fil-qasam tat-trasport kummerċjali bl-ajru. |
|
72 |
Madankollu, kif diġà ġie rrelevat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din, sakemm dawn il-limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u, fir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma meħtieġa u jissodisfaw effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor. |
|
73 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-libertajiet professjonali u tal-impriża, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżerċizzju liberu ta’ attività professjonali, l-istess bħad-dritt għall-proprjetà, ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’relazzjoni mal-funzjoni tagħhom fis-soċjeta. Konsegwentement, jistgħu jsiru restrizzjonijiet għall-użu tad-dritt għal proprjetà sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali li l-Unjoni tfittex li tilħaq u ma jammontawx, fir-rigward tal-għan mixtieq, għal intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess ta’ dan id-dritt (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor, C-544/10, EU:C:2012:526, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
74 |
Kif ġie rrilevat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-projbizzjoni magħmula għad-detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena li jipprattikaw bħala pilota ta’ inġenji tal-ajru użati għat-trasport kummerċjali bl-ajru għandha tiġi kkunsidrata li hija prevista mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
|
75 |
Barra minn hekk, il-projbizzjoni kkunsidrata ma taffettwax l-essenza stess tal-libertà professjonali peress li din sempliċement timponi ċerti restrizzjonijiet għall-attività professjonali tad-detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena. |
|
76 |
F’dak li jikkonċerna l-għan intiż mill-miżura inkwistjoni, mill-punti 40 sa 43 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 huwa intiż sabiex jistabbilixxi u jżomm livell uniformi u għoli ta’ sigurtà fl-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa, li jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali. |
|
77 |
Fir-rigward tal-osservanza tal-proporzjonalità, mill-punti 45 sa 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-miżura inkwistjoni f’din is-sentenza hija tali li tiggarantixxi l-għan ta’ interess ġenerali mfittex. |
|
78 |
Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet kollha invokati fil-punti 53 sa 68 ta’ din is-sentenza jippermettu li jiġi konkluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni, billi adotta d-dispożizzjoni li l-validità tagħha hija kkontestata, ibbilanċja, minn naħa, il-vinkoli tas-sigurtà fl-ajru u, min-naħa l-oħra, id-dritt individwali tad-detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota ta’ iktar minn 65 sena li jaħdmu u jeżerċitaw professjoni magħżula, b’mod li ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa sproporzjonat fil-konfront tal-għan intiż. |
|
79 |
Għaldaqstant, il-projbizzjoni magħmula għad-detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena li jipprattikaw bħala pilota ta’ inġenju tal-ajru użat għat-trasport kummerċjali bl-ajru, imsemmija fil-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 hija konformi għall-Artikolu 15(1) tal-Karta. |
|
80 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-ewwel u tat-tieni domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 fid-dawl tal-Artikolu 15(1) jew tal-Artikolu 21(1) tal-Karta. |
Fuq it-tielet domanda
|
81 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lid-detentur ta’ liċenzja ta’ pilota li jkun laħaq l-età ta’ 65 sena milli jopera bħala pilota f’titjiriet vojta, operati fil-kuntest tal-attività kummerċjali ta’ trasportatur, mingħajr trasport ta’ passiġġieri, ta’ merkanzija jew ta’ posta, kif ukoll milli jeżerċita bħala istruttur u/jew eżaminatur fuq inġenju tal-ajru, mingħajr ma jkun parti mill-ekwipaġġ ta’ tmexxija tat-titjira. |
|
82 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont it-termini tal-punt FCL.065(b) tal-Anness I tal-imsemmi regolament, id-detentur ta’ liċenzja ta’ pilota li jkun laħaq l-età ta’ 65 sena ma jistax jipprattika bħala pilota ta’ inġenju tal-ajru użat għat-trasport kummerċjali bl-ajru. |
|
83 |
Għaldaqstant, mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li huma biss il-każijiet li jkunu jissodisfaw kumulattivament tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li d-detentur ta’ liċenzja ta’ pilota kkonċernat ikun laħaq l-età ta’ 65 sena, li dan jipprattika bħala pilota ta’ inġenju tal-ajru, u li l-imsemmi inġenju tal-ajru jkun użat għat-trasport kummerċjali bl-ajru, li jaqgħu taħt ir-restrizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni. |
|
84 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-punt FCL.010 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 jiddefinixxi b’mod espliċitu l-kunċett ta’ “trasport kummerċjali bl-ajru” bħala t-trasport ta’ passiġġieri, ta’ merkanzija jew ta’ posta b’remunerazzjoni jew kiri. |
|
85 |
Issa, fir-rigward ta’ titjiriet vojta, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-formulazzjoni tat-tielet domanda, dawn ma jservux għat-trasport ta’ passiġġieri, ta’ merkanzija jew ta’ posta. |
|
86 |
Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet assoċjati mal-formazzjoni u mal-eżami ta’ pilota, huwa paċifiku li, minkejja li jkun jinsab fil-cockpit tal-ajruplan, id-detentur ta’ liċenzja ta’ pilota li jopera bħala istruttur u/jew eżaminutur ma jippilotax huwa. |
|
87 |
Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li la t-titjiriet vojta u lanqas l-attivitajiet relatati mat-taħriġ u mal-eżami ta’ pilota ma jaqgħu taħt il-miżura msemmija fil-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011. |
|
88 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprojbixxi lid-detentur ta’ liċenzja ta’ pilota li jkun laħaq l-età ta’ 65 sena la milli jipprattika bħala pilota fit-titjiriet vojta, magħmula fil-kuntest tal-attività kummerċjali ta’ trsportatur, mingħajr trasport ta’ passiġġieri, ta’ merkanzija jew ta’ posta, u lanqas milli jeżerċita bħala istruttur u/jew eżaminatur fuq inġenju tal-ajru, mingħajr ma jkun jagħmel parti mill-ekwipaġġ ta’ sewqan tat-titjira. |
Fuq l-ispejjeż
|
89 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.