Kawża C‑187/16

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Stamperija tal-Istat – Produzzjoni ta’ dokumenti tal-identità u dokumenti uffiċjali oħrajn – Ikkummissjonar ta’ impriża tad-dritt privat mingħajr proċedura preċedenti ta’ sejħa għal offerti – Miżuri tas-sigurtà speċjali – Ħarsien tal-interessi vitali tal-Istati Membri”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ Marzu 2018

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi–Direttivi 92/50 u 2004/18–Kamp ta’ applikazzjoni–Kuntratti li jeħtieġu miżuri speċjali ta’ sigurtà–Esklużjoni–Obbligu li juri l-ħtieġa li ma ssirx kompetizzjoni għall-għoti tal-kuntratt–Portata

    (Artikolu 346(1)(a) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 14; Direttiva tal-Kunsill 92/50, Artikolu 4(2))

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi–Direttivi 92/50 u 2004/18–Kamp ta’ applikazzjoni–Derogi–Interpretazzjoni stretta

    (Artikolu 346(1)(a) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 14; Direttiva tal-Kunsill 92/50, Artikolu 4(2))

  3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi–Direttivi 92/50 u 2004/18–Kuntratti ta’ produzzjoni ta’ identità u dokumenti uffiċjali oħra–Għoti mingħajr proċedura ta’ kompetizzjoni għall-finijiet li jiġu protetti l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat–Assenza ta’ ġustifikazzjoni valida ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni–Inammissibbiltà–Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

    (Artikolu 346(1)(a) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikoli 14, 20 u 23 sa 55; Direttiva tal-Kunsill 92/50, Artikoli 4(2), 8 u 11 sa 37)

  4. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi–Direttivi 92/50 u 2004/18–Kamp ta’ applikazzjoni–Kuntratt ta’ valur inqas mil-limitu stabbilit mid-Direttiva–Esklużjoni–Applikazzjoni tar-regoli fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE–Kundizzjoni–Kuntratt li għandu interess transkonfinali ċert–Kriterji ta’ evalwazzjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 7; Direttiva tal-Kunsill 92/50, Artikolu 7)

  1.  Skont l-Artikolu 346(1)(a) TFUE, ebda Stat Membru ma għandu jkun obbligat li jipprovdi informazzjoni li l-iżvelar tagħha jkun iqisha kuntrarju għall-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu. Din id-dispożizzjoni, minħabba l-ġeneralità tal-kliem tagħha, hija intiża sabiex tapplika, b’mod partikolari, fil-qasam ta’kuntratti pubbliċi mhux militari bħall-kuntratti għall-produzzjoni ta’ dokumenti tal-identità u dokumenti uffiċjali oħra. Madankollu, il-miżuri li l-Istati Membri jadottaw fil-kuntest tal-ħtiġijiet leġittimi ta’ interess nazzjonali ma humiex esklużi kompletament mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt biss li huma jiġu adottati b’mod partikolari fl-interess tas-sigurtà pubblika.

    B’hekk, għalkemm l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal servizzi] u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], iħallu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedu miżuri meqjusa neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tagħhom, dawn l-artikoli ma jistgħux madankollu jiġu interpretati b’mod li jagħtu lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE bis-sempliċi invokazzjoni ta’ dawn l-interessi. Fil-fatt, l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju ta’ dawn id-derogi għandu jipprova l-ħtieġa li jirrikorri għal dawn, bil-għan li jiġu protetti l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu. Din il-ħtieġa timponi wkoll sa fejn dan l-Istat Membru jinvoka barra minn hekk l-Artikolu 346(1)(a) TFUE. Għaldaqstant, l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju ta’ dawn id-derogi għandu jistabbilixxi li l-bżonn li jiġu protetti tali interessi ma setax jintlaħaq fil-kuntest ta’ sejħa għall-kompetizzjoni kif previst mid-Direttivi 92/50 u 2004/18.

    (ara l-punti 72, 76, 78, 79)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 77)

  3.  Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] moqri flimkien mal-Artikoli 11 sa 37 ta’ din id-direttiva, kif ukoll mal-Artikolu 14 l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/18, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], moqri flimkien mal-Artikoli 23 sa 55 ta’ din id-direttiva, Stat Membru li, minn naħa, jagħti direttament lil kumpanija privata, mingħajr ma wettaq sejħa għal offerti fil-livell tal-Unjoni Ewropea, f’kuntratti għal servizzi għall-produzzjoni ta’ passaporti, permessi ta’ residenza, karti ta’ identità, liċenzji tas-sewqan u ċertifikati ta’ reġistrazzjoni u li, min-naħa l-oħra, iżżomm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet nazzjonali li timponi obbligu fuq l-awtoritajiet kontraenti li jagħtu direttament kuntratti ta’ servizzi bħal dawn lil din il-kumpannija.

    Fil-fatt, nuqqas ta’ konformità mal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt previsti minn dawn id-direttivi jidher sproporzjonat fid-dawl tal-għan segwit mill-Istat Membru kkonċernat li jikkonsisti fl-impediment tal-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva relatata mal-produzzjoni tad-dokumenti uffiċjali. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 346(1)(a) TFUE, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50 u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18 ma jistgħux jiġu invokati utilment sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ osservanza tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratt previsti minn dawn iż-żewġ direttivi. Fl-ewwel lok, jekk jiġi aċċettat li ċ-ċentralizzazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala mezz ta’ protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali, l-osservanza tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt previsti rispettivament fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, moqri flimkien mal-Artikoli 11 sa 37 ta’ din id-direttiva, u l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikoli 23 sa 55 ta’ din id-direttiva, ma tipprekludix li jiġi fdat lil operatur uniku l-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni. Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ħtieġa li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jiżguraw, fil-qafas tal-prerogattivi mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali, kontrolli amministrattivi effettivi fir-rigward ta’ offerent uniku li għandu l-postijiet ta’ produzzjoni u l-ħażna tiegħu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, ċertament, l-operatur li ġie fdat bit-twettiq tal-kuntratti tal-istampar inkwistjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti fil-qasam ta’ sigurtà biex jiżgura l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li trid tiġi protetta, għandu jintwera li huma biss il-kontrolli amministrattivi li jistgħu jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali, huma ta’ natura li jiggarantixxu din il-kunfidenzjalità u li għandha, għal dan il-għan, tiġi injorata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratt previsti mid-Direttivi 92/50 u 2004/18.

    Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-offerent rebbieħ, filwaqt li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiżguraw li, fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-impriżi affidabbli biss jingħataw tali kuntratti fil-kuntest ta’ sistema li tiżgura l-osservanza ta’ standards ta’ kunfidenzjalità u ta’ sigurtà speċifiċi fir-rigward tal-istampar tad-dokumenti, għad għandu jiġi stabbilit li n-natura kunfidenzjali tad-data kkomunikata ma tkunx tista’ tiġi suffiċjentement iggarantita jekk l-istampar ta’ dawn id-dokumenti kien fdat lil impriża oħra minbarra l-offerent rebbieħ, maħtura wara proċedura ta’ sejħa għal offerti. F’dan ir-rigward, in-neċessità li jiġi stipulat obbligu ta’ kunfidenzjalità ma tostakolax li tintuża l-proċedura ta’ sejħa għal kompetizzjoni għall-għoti ta’ kuntratt. Barra minn hekk, il-kunfidenzjalità tad-data tista’ tiġi żgurata b’obbligu ta’ segretezza, mingħajr ma jkun neċessarju li tmur kontra l-proċeduri fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    (ara l-punti 82, 84, 88-90, 94-96, 111)

  4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 104-107)