SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
20 ta’ Settembru 2017 ( *1 )
“Appell – Agrikoltura – Laħam tat-tjur – Tiġieġ iffriżati – Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni – Regolament ta’ implementazzjoni (UE) Nru 689/2013 li jistabbilixxi l-ħlas lura f’EUR 0 – Legalità – Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Artikoli 162 u 164 – Għan u natura tal-ħlasijiet lura – Kriterji għall-fissazzjoni tal-ammonti tagħhom – Kompetenza tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DG) tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali biex jiffirma r-regolament ikkontestat – Użu ħażin ta’ poter – ‘Komitoloġija’ – Regolament (UE) Nru 182/2011 – Artikolu 3(3) – Konsultazzjoni tal-kumitat ta’ ġestjoni [ta’ Tmexxija] tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli – Abbozz tar-regolament ta’ implementazzjoni ingħata matul il-laqgħa ta’ dan il-kumitat – Osservanza tat-termini – Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali – Annullament biż-żamma tal-effetti”
Fil-Kawża C‑183/16 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2016,
Tilly-Sabco SAS, stabbilita fi Guerlesquin (Franza), irrappreżentata minn R. Milchior, F. Le Roquais u S. Charbonnel, avukati,
rikorrenti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Lewis u K. Skelly, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Doux SA, stabbilita f’Châteaulin (Franza),
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), C.G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Marzu 2017,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Mejju 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Tilly-Sabco SAS titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-14 ta’ Jannar 2016, Tilly-Sabco vs Il‑Kummissjoni (T‑397/13, EU:T:2016:8, iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 689/2013, tat-18 ta’ Lulju 2013, li jiffissa r-rifużjonijiet [ħlasijiet lura] tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU 2013, L 196, p. 13, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007
2 |
Skont il-premessi 65 u 77 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament “Waħdieni dwar l-OKS”) (ĠU 2007, L 299, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013, tat-13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1234/2007”):
[…]
|
3 |
L-Artikolu 162 tar-Regolament Nru 1234/2007 kien jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, b’mod partikolari: “Safejn ikun meħtieġ sabiex l-esportazzjonijiet ikunu jistgħu jseħħu abbażi ta’ kwotazzjonijiet jew prezzijiet fis-suq dinji u fi ħdan il-limiti li jirriżultaw minn ftehim konklużi skond l-Artikolu [218 TFUE], id-differenza bejn dawk il-kwotazzjonijiet jew prezzijiet u prezzijiet [fl-Unjoni] jistgħu jkunu koperti minn rifużjonijiet ta’ esportazzjoni [ħlas lura fuq l-esportazzjoni] għal:
|
4 |
L-Artikolu 164 tar-Regolament Nru 1234/2007 intitolat “L-iffissar tar-rifużjoni ta’ esportazzjoni [ħlas lura fuq l-esportazzjoni]”, kien jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu: “1. Ir-rifużjonijiet ta’ esportazzjoni għandhom ikunu l-istess għall-[Unjoni] kollha. Jistgħu jvarjaw skond id-destinazzjoni, speċjalment fejn dan ikun meħtieġ minħabba fis-sitwazzjoni tas-suq dinji, il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ċerti swieq, jew obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi skond [l-Artikolu 218 TFUE]. 2. Ir-rifużjonijiet għandhom ikunu ffisati mill-Kummissjoni. Ir-rifużjonijiet jistgħu jkunu ffissati:
Ħlief fejn iffisati b’appalt, il-lista ta’ prodotti li għalihom tingħata rifużjoni ta’ l-esportazzjoni u l-ammont ta’ rifużjonijiet ta’ esportazzjoni għandha tkun stabbilita ta’ l-inqas darba kull tliet xhur. L-ammont tar-rifużjoni jista’, madankollu, jibqa’ fl-istess livell għal aktar minn tliet xhur u jista’, fejn meħtieġ, ikun aġġustat mill-Kummissjoni fil-perijodu ta’ intervent, mingħajr l-assistenza tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 195(1), fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess. 3. Wieħed jew aktar mill-aspetti li ġejjin għandu jittieħed in konsiderazzjoni meta jkunu qed jiġu ffissati rifużjonijiet għal ċertu prodott:
|
5 |
L-Artikolu 195 tar-Regolament Nru 1234/2007 intitolat “Kumitat”, kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tat-Tmexxija għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat ta’ Tmexxija”). 2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Il-perijodu mniżżel fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar wieħed.” |
6 |
L-Artikolu 196 tar-Regolament Nru 1234/2007 intitolat “Organizzazzjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija”, kien hekk redatt: “L-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija msemmi fl-Artikolu 195(1), għandha tqis, b’mod partikolari, l-ambitu tar-responsabbiltajiet tagħha, l-ispeċifiċitajiet tas-suġġett li għandu jiġi ttrattat, u l-ħtieġa li jkun involut għarfien espert adattat.” |
7 |
Ir-Regolament Nru 1234 tħassar mir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671). |
Ir-Regolament (KE) Nru 182/2011
8 |
L-ewwel kunsiderazzjoni legali tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13) huwa hekk redatt: “Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 291(3) tiegħu”. |
9 |
Skont il-premessi 4 sa 9 tar-Regolament Nru 182/2011:
|
10 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 182/2011 intitolat “Għażla tal-proċeduri”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Att bażiku jista’ jipprovdi għall-applikazzjoni tal-proċedura konsultattiva jew tal-proċedura ta’ eżami, b’kont meħud tan-natura jew l-impatt tal-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa. 2. Il-proċedura ta’ eżami tapplika b’mod partikolari, għall-adozzjoni ta’:
|
11 |
Ir-Regolament Nru 182/2011 jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 4 u 7 tal-Artikolu 3 tiegħu, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni”: “1. Id-dipożizzjonijiet komuni f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-proċeduri kollha msemmija fl-Artikoli 4 sa 8. 2. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Il-kumitat għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-president m’għandux jieħu sehem fil-votazzjoni fil-kumitat. 3. Il-president għandu jippreżenta lill-Kumitat l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni. Ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, il-president għandu jsejjaħ laqgħa mhux inqas minn 14-il ġurnata mill-preżentazzjoni tal-abbozz tal-atti ta’ implimentazzjoni u tal-abbozz tal-aġenda lill-kumitat. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni f’limitu ta’ żmien li l-president jista’ jistabbilixxi skont l-urġenza tal-każ. Il-limiti ta’ żmien għandhom ikunu proporzjonati u għandhom jippermettu lill-membri tal-kumitati opportunitajiet bikrija u effikaċi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom. 4. Sa meta l-kumitat jagħti opinjoni, kwalunkwe membru tal-kumitat jista’ jissuġġerixxi emendi u l-president jista’ jippreżenta verżjonijiet emendati tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni. Il-president għandu jagħmel ħiltu biex isib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fi ħdan il-kumitat. Il-president għandu jinforma lill-kumitat dwar il-mod kif ittieħed kont tad-diskussjonijiet u s-suġġerimenti għal emendi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk is-suġġerimenti li ngħataw appoġġ kbir fil-kumitat. […] 7. Fejn applikabbli, il-modalità ta’ kontroll għandha tinkludi rinviju lil kumitat ta’ appell. Il-kumitat ta’ appell għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess b’maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Meta kwistjoni tiġi quddiem kumitat ta’ appell, dan għandu jiltaqa’ mhux qabel 14-il ġurnata mid-data tar-rinviju, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara dik id-data. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, il-kumitat ta’ appell għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien xahrejn mid-data tar-rinviju. Il-kumitat ta’ appell għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-president għandu jistabbilixxi d-data tal-laqgħa tal-kumitat ta’ appell f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tal-kumitat, biex jippermetti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw livell xieraq ta’ rappreżentanza. Sal-1 ta’ April 2011, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ l-ewwel laqgħa tal-kumitat ta’ appell biex jiġu adottati r-regoli ta’ proċedura tiegħu.” |
12 |
L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 182/2011 intitolat “Proċedura ta’ eżami”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu: “1. Fejn tapplika l-proċedura ta’ eżami, il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu permezz tal-maġġoranza stipulata fl-Artikolu 16(4) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, fejn applikabbli, l-Artikolu 238(3) tat-TFUE, għal atti li għandhom jiġu adottati fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom ikunu ppeżati bil-mod stipulat f’dawk l-Artikoli. 2. Fejn il-kumitat jagħti opinjoni pożittiva, il-Kummissjoni għandha tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni. 3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, jekk il-kumitat jagħti opinjoni negattiva, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta dak l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni. Fejn att ta’ implimentazzjoni jitqies meħtieġ, il-president jista’ jew jippreżenta verżjoni emendata tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-istess kumitat fi żmien xahrejn mill-għoti tal-opinjoni negattiva, jew jippreżenta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni fi żmien xahar minn tali għoti lill-kumitat ta’ appell għal aktar deliberazzjoni. 4. Fejn ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, ħlief fil-każijiet previsti fit-tieni subparagrafu. Fejn il-Kummissjoni ma tadottax l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, il-president jista’ jippreżenta lill-kumitati verżjoni emendata tiegħu. […]” |
13 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament intitolat “Atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu: “1. B’deroga mill-Artikoli 4 u 5, att bażiku jista’ jipprovdi li, għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati, għandu japplika dan l-Artikolu. 2. Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li għandu japplika immedjatament, mingħajr il-preżentazzjoni tiegħu minn qabel lil xi kumitat, u li għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perjodu li ma jaqbiżx is-sitt xhur sakemm l-att bażiku ma jipprevedix mod ieħor. 3. Mhux aktar tard minn 14-il ġurnata wara l-adozzjoni tiegħu, il-president għandu jippreżenta l-att imsemmi fil-paragrafu 2 lill-kumitat rilevanti sabiex jikseb l-opinjoni tegħu. 4. Fejn tkun tapplika l-proċedura ta’ eżami, fil-każ li li l-kumitat jagħti opinjoni negattiva, il-Kummissjoni għandha minnufih tħassar l-att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 2.” |
14 |
L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 182/2011 intitolat “Regoli ta’ proċedura”, jippreċiża, fil-paragrafi 1 tiegħu: “Kull kumitat għandu jadotta b’maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu r-regoli ta’ proċedura tiegħu fuq proposta tal-president tiegħu, abbażi ta’ regoli standard li għandhom jitfasslu mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Istati Membri. Dawn ir-regoli standard għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Safejn jista’ jkun meħtieġ, il-kumitati eżistenti għandhom jadattaw ir-regoli ta’ proċedura tagħhom għar-regoli standard.” |
Id-deċiżjonijiet tal-komitoloġija
15 |
It-tieni paragrafu u l-ewwel żewġ sentenzi tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/373/KEE, tat-13 ta’ Lulju 1987, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU 1987, L 197, p. 33), kif ukoll l-Artikolu 3(2), u l-ewwel żewġ sentenzi tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124), li ħassret id-Deċiżjoni 87/373 (iktar ’il quddiem flimkien id-“deċiżjonijiet tal-komitoloġija”), kienu, b’mod identiku, redatti f’dawn il-kliem: “Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jibgħat lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, f’limitu ta’ żmien li l-President jista’ jistabbilixxi skont l-urġenza tal-każ.” |
16 |
Id-Deċiżjoni 1999/468 tħassret mir-Regolament Nru 182/2011. |
Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Ġestjoni [Kumitat ta’ Tmexxija]
17 |
L-Artikolu 3 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Tmexxija huwa redatt bil-mod li ġej: “1. Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-President jitrażmetti lill-membri tal-bord l-invit, l-abbozz tal-aġenda u l-abbozz tal-att ta’ implementazzjoni li għalih tintalab opinjoni lill-bord suffiċjentement kmieni qabel id-data tal-laqgħa, fid-dawl tal-urġenza u tal-kumplessità tal-proċess, u mhux iktar tard minn erbatax-il jum kalendarju qabel din id-data. Id-dokumenti l-oħra utli għal-laqgħa, b’mod partikolari d-dokumenti li jakkumpanjaw l-abbozz tal-att ta’ implementazzjoni, huma trażmessi, sa fejn possibbli, fl-istess terminu. Madankollu, fil-każ fejn tintalab azzjoni ta’ malajr b’mod regolari, jew fejn l-att bażiku jipprovdi termini għall-azzjoni speċifiċi u obligatorji, jistgħu jiġu applikati termini iqsar. […] 2. Fil-każijiet debitament iġġustifikati, il-President jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ membru tal-kumitat, iqassar it-terminu tat-trażmissjoni tad-dokumenti indikat fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1. Ħlief f’każijiet ta’ urġenza estrema, b’mod partikolari sabiex jiġi evitat disturb kunsiderevoli tas-swieq fil-qasam tal-agrikoltura jew sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 325 […] TFUE, dan it-terminu ma jistax ikun inqas minn ħamest ijiem kalendarji.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
18 |
Tilly-Sabco hija kumpannija Franċiża attiva fl-esportazzjoni ta’ tiġieġ sħaħ iffriżati lejn il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani. |
19 |
Konformement, b’mod partikolari għall-Artikoli 162 u 164 tar-Regolament Nru 1234/2007, il-Kummissjoni ffissat b’mod perjodiku, permezz ta’ regolamenti ta’ implementazzjoni, l-ammont tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur. |
20 |
Mill-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 525/2010, tas-17 ta’ Ġunju 2010, li jistabbilixxi r-rifużjonijiet [ħlasijiet lura] fuq l-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU 2010, L 152, p. 5), l-ammont ta’ dawn il-ħlasijiet lura kien is-suġġett ta’ tnaqqis progressiv, fir-rigward tat-tliet kategoriji ta’ tiġieġ iffriżati. L-ewwel nett tnaqqas minn EUR 40/100 kg għal EUR 32.50/100 kg. Dan l-ammont tal-aħħar, wara li nżamm għal tmien regolamenti ta’ implementazzjoni suċċessivi, sussegwentement tnaqqas għal EUR 21.70/100 kg bis-saħħa tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 962/2012, tat-18 ta’ Ottubru 2012, li jiffissa r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU 2012, L 288, p. 6). |
21 |
Tnaqqis ġdid, li ġab l-ammont tal-ħlasijiet lura għal EUR 10.85/100 kg għat-tliet kategoriji ta’ tiġieġ iffriżati inkwistjoni sar mir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 33/2013, tas-17 ta’ Jannar 2013, li jiffissa r-rifużjonijiet [ħlasijiet lura] tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU 2013, L 14, p. 15). Sussegwentement dan l-ammont inżamm mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2013, tat-18 ta’ April 2013, li jiffissa r-rifużjonijiet [ħlasijiet lura] tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU 2013, L 109, p. 27). |
22 |
Permezz tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ħassret ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 360/2013 u stabbilixxiet b’rata ta’ żero euro l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni għal tliet kategoriji ta’ tiġieġ sħaħ iffriżati, li l-kodiċijiet tagħhom huma 0207 12 10 9900, 0207 12 90 9190 u 0207 12 90 9990. L-ammont tal-ħlasijiet lura għas-sitt prodotti l-oħra, essenzjalment flieles, riprodotti fl-anness tar-regolament ikkontestat, li kien ġie ffissat għal żero mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1056/2011, tal-20 ta’ Ottubru 2011, li jistabbilixxi r-rifużjonijiet [ħlasijiet lura] fuq l-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU 2011, L 276, p. 31), ma ġiex emendat. Skont l-anness tar-regolament ikkontestat, id-destinazzjonijiet affettwati bil-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni huma, b’mod partikolari, pajjiżi fil-Lvant Nofsani. |
23 |
L-abbozz tar-regolament ikkontestat ġie ppreżentat u sottomess għall-vot matul il-laqgħa tat-18 ta’ Lulju 2013 tal-Kumitat ta’ Tmexxija. |
24 |
Fir-rigward tal-proċedura segwita f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat quddiem il-Qorti Ġenerali dan li ġej. |
25 |
Fis-16 ta’ Lulju 2013, jiġifieri jumejn qabel il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija, il-Kummissjoni bagħtet permezz ta’ posta elettronika lill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija dokument intitolat “EU Market situation for poultry” (is-sitwazzjoni tas-suq tat-tjur tal-Unjoni). |
26 |
Filgħodu meta nżammet il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija fit-18 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni ppreżentat is-sitwazzjoni tas-suq tat-tjur. Waranofsinhar meta din il-laqgħa tkompliet, wara 13-il siegħa, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kumitat ta’ Tmexxija l-abbozz tar-regolament ikkontestat. Kien jirrigwarda regolament standard li fih il-figuri biss kienu ġew aġġornati. B’mod iktar partikolari, kien jirrigwarda fotokopja tar-regolament preċedenti li jiffissa l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni li fih ir-referenzi dwar l-ammonti tal-ħlasijiet lura kienu ġew maqtugħa bil-lapes. |
27 |
L-abbozz tar-regolament ikkontestat sussegwentement tqiegħed għal vot. Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali lesta l-formalitajiet għal awtoċertifikazzjoni fl-istess jum, fit-tlieta u sitta u erbgħin minuta ta’ wara nofsinhar, biex ir-regolament ikkontestat seta’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-jum tal-għada, bi dħul fis-seħħ u b’applikazzjoni minnufih. |
28 |
Il-premessi 1 sa 3, 6 u 7 tar-regolament ikkontestat huma redatti kif ġej:
[…]
|
29 |
L-Artikolu 1(1) tar-regolament ikkontestat jipprovdi: “Ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni kif provduti fl-Artikolu 164 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom jingħataw għall-prodotti u l-ammonti speċifikati fl-Anness għal dan ir-Regolament […]” |
30 |
Fl-imsemmi anness, l-ammonti tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni huma ffissati għal EUR 0 għall-prodotti kollha msemmija. |
31 |
Ir-regolament ikkontestat li ġie ffirmat mid-Direttur Ġenerali tad-DG tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali, ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-19 ta’ Lulju 2013 u daħal fis-seħħ fl-istess jum. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
32 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Awwissu 2013, Tilly-Sabco ippreżentat rikors intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat. |
33 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fuq użu ħażin ta’ proċedura, it-tieni, fuq vizzju ta’ proċedura u nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, it-tielet, fuq assenza ta’ motivazzjoni, ir-raba’, fuq ksur tal-liġi jew fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u, il-ħames, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
34 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, iddikjarat ir-rikors ammissibbli, billi kkunsidrat li r-regolament ikkontestat jaqa’ taħt atti leġiżlattivi li ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sussegwentement, ċaħdet ir-rikors fuq il-mertu u, finalment, ikkundannat lil Tilly-Sabco biex tbati l-ispejjeż tagħha stess. |
It-talbiet tal-partijiet
35 |
Tilly-Sabco titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
36 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
37 |
Insostenn tal-appell tagħha, Tilly-Sabco tinvoka erba’ aggravji. L-ewwel wieħed, imqassam f’ħames partijiet, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata kemm tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 kif ukoll tal-Artikoli 162 u 164 tar-Regolament Nru 1234/2007, it-tieni, fuq l-inkompetenza tad-direttur ġenerali tad-DG tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali biex jiffirma r-regolament ikkontestat, it-tielet, imqassam f’ħames partijiet, fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, fuq diversi kontradizzjonijiet ta’ motivi kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007 u, ir-raba’, imqassam fi tliet partijiet, fuq kontradizzjoni tal-motivi, fuq ksur tal-Artikolu 164(3)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007 u fuq żnaturament tal-provi. |
38 |
Għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, flimkien l-ewwel aggravju meħud fil-ħames parti tiegħu, it-tieni aggravju, it-tielet aggravju meħud fit-tielet parti tiegħu kif ukoll ir-raba’ aggravju meħud fil-ewwel u t-tieni partijiet tiegħu, ibbażati, essenzjalment, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 162 u 164 tar-Regolament Nru 1234/2007, kif ukoll, fit-tieni lok, l-ewwel aggravju meħud fl-ewwel u r-raba’ partijiet kollha tiegħu, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011. |
Fuq l-ewwel aggravju meħud fil-ħames parti tiegħu, it-tieni aggravju, it-tielet aggravju meħud fit-tielet parti tiegħu kif ukoll ir-raba’ aggravju meħud fil-ewwel u t-tieni partijiet tiegħu, ibbażati, essenzjalment, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 162 u 164 tar-Regolament Nru 1234/2007
L-argumenti tal-partijiet
39 |
Permezz tal-ħames parti tal-ewwel aggravju, Tilly-Sabco tinvoka kontradizzjoni tal-motivi li biha l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza kkontestata billi ċaħdet it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors. |
40 |
F’dan ir-rigward, Tilly-Sabco hija tal-opinjoni li l-espost mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 149 u 255 tas-sentenza appellata, tal-argumentazzjoni tal-Kummissjoni tenfasizza użu ħażin ta’ poter, sa fejn il-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 164 tar-Regolament Nru 1234/2007, billi instrumentalizzat il-Kumitat ta’ Tmexxija, għall-finijiet li tieħu d-deċiżjoni politika li tħassar il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, deċiżjoni li missha ttieħdet fuq l-uniku bażi tal-Artikolu 162 tal-imsemmi regolament. |
41 |
B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kienet kisret, fil-punti 162 sa 164 tas-sentenza kkontestata, l-effett tal-ommissjoni, mill-Kummissjoni, fix-xahar ta’ Ottubru tas-sena 2013, tal-adozzjoni ta’ regolament ġdid perjodiku li jżomm, jekk ikun il-każ, għal EUR 0 l-ammont tal-ħlasijiet lura, minħabba s-sitwazzjoni tas-suq, kif kienet għamlet qabel f’każ taż-żamma tar-rata ta’ ħlas lura. |
42 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Tilly-Sabco tilmenta lill-Qorti Ġenerali talli kisret l-Artikolu 164(2) tar-Regolament Nru 1234/2007 u vvizzjat is-sentenza appellata b’kontradizzjoni tal-motivi billi ċaħdet it-tieni motiv tar-rikors tagħha, ibbażat fuq l-inkompetenza tad-direttur ġenerali tad-DG tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali biex jiffirma r-regolament ikkontestat, billi ċaħdet, fil-punt 200 tas-sentenza appellata, l-argument tagħha bbażat fuq il-fatt li r-regolament ikkontestat ma jistax jiġi kklassifikat bħala strument agrikolu perjodiku. |
43 |
F’dan ir-rigward, Tilly Sabco tirrileva li huwa paċifiku li r-regolament ikkontestat ma ġġeddidx u għandu jiġi dedott li ma jistax jiġi kklassifikat bħala strument agrikolu perjodiku. Hija tfakkar li l-prassi tal-Kummissjoni kienet li tadotta t-tliet xhur kollha tar-regolamenti fuq il-ħlasijiet lura u li hija ddeċidiet li ma tlaqqax il-kumitat tat-tmexxija biex jevalwa mill-ġdid, fix-xahar ta’ Ottubru tas-sena 2013, ir-rata tal-ħlasijiet lura. Issa, jekk kien jirrigwarda strument agrikolu perjodiku, il-Kummissjoni kienet tkun obbligata li twettaq din il-valutazzjoni mill-ġdid. |
44 |
Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju, Tilly-Sabco ssostni li l-punti 253 sa 259 tas-sentenza appellata huma vvizzjati minn kontradizzjoni tal-motivi sa fejn jindikaw li l-iffissar għal żero tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni kien jidħol fi tnaqqis gradwali tal-ammont ta’ dawn il-ħlasijiet lura u li dan l-aħħar tnaqqis ma kienx strutturalment differenti mit-tnaqqis preċedenti. Fil-fatt, skont Tilly-Sabco, l-imsemmi tnaqqis gradwali kien deċiżjoni politika u mhux applikazzjoni tal-kriterji magħmulin fl-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, kif kienet irrikonoxxiet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha fl-ewwel istanza, billi rreferiet għal impenn internazzjonali meħud f’dan ir-rigward. |
45 |
Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, Tilly-Sabco tilmenta lill-Qorti Ġenerali talli vvizzjat is-sentenza appellata b’kontradizzjoni tal-motivi u kisret l-Artikolu 164(3)(a) tar-Regolament Nru 1234/2007 billi żammet, fil-punti 301 u 302 tas-sentenza appellata, perijodi ta’ riferiment differenti u li kien mifrux fuq diversi snin għall-evalwazzjoni meħtieġa mill-imsemmija dispożizzjoni tas-“sitwazzjoni attwali” tas-swieq dinji u domestiċi. |
46 |
Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, Tilly-Sabco ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 164(3)(b) tar-Regolament Nru1234/2007 billi approvat żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni. Tilly-Sabco tirrileva li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 289 tas-sentenza appellata, li d-differenzjali tal-prezzijiet mat-tiġieġ li joriġinaw fil-Brażil kien tqis għal EUR 44.73 għal kull 100 kilo. Hija tosserva li dan id-differenzjal huwa konsegwenza u jimponi l-għoti ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-uniku suq dinji u mhux, ukoll, is-suq domestiku, kif kienet teħtieġ din id-dispożizzjoni. |
47 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumentazzjoni ta’ Tilly-Sabco u targumenta, b’mod partikolari, li din l-argumentazzjoni ġejja minn komprensjoni ħażina tal-għanijiet segwiti fil-kuntest tal-politika agrikola komuni mill-għoti ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
48 |
Għandu jiġi rrilevat mill-bidu li, permezz tal-argumentazzjoni tagħha bbażata fuq kontradizzjonijiet tal-motivi li bihom il-Qorti Ġenerali kienet ivvizzjat is-sentenza appellata, Tilly-Sabco tikkontesta, fir-realtà, l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-legalità tar-regolament ikkontestat fid-dawl tal-Artikoli 162 u 164 tar-Regolament Nru 1234/2007, peress li din il-qorti ċaħdet il-motivi u l-argumenti kollha ta’ din il-kumpannija intiżi li jikkontestaw l-imsemmija legalità. |
49 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikoli 39 u 40 TFUE, tal-premessi 65 u 77 tar-Regolament Nru 1234/2007 kif ukoll tal-Artikolu 164(3)(b) ta’ dan ir-regolament li l-għan ewlieni li għandu jintlaħaq mill-għoti, jekk ikun il-każ, tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni huwa dak li jistabbilizza s-suq domestiku, kif argumentat korrettament il-Kummissjoni. |
50 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 162 tar-Regolament Nru 1234/2007 jagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi jew le ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni kif ukoll, għaldaqstant, biex tneħħi kull ħlas lura stabbilit. |
51 |
Konformement mal-Artikolu 164(2) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tiffissa l-ħlasijiet lura, b’mod partikolari, b’mod perjodiku mill-inqas darba kull tliet xhur, dawn il-ħlasijiet lura li jistgħu, madankollu, jinżammu fl-istess livell matul iktar minn tliet xhur jew, f’każ ta’ neċessità, jiġu mibdula fl-intervall. |
52 |
L-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007 jippreċiża l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura, filwaqt li jiġi permess lill-Kummissjoni li żżomm wieħed jew diversi minn dawn l-elementi. |
53 |
B’hekk, skont l-Artikolu 164(3)(a) tal-imsemmi regolament, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni attwali u l-perspettivi ta’ evoluzzjoni fir-rigward tal-prezzijiet tal-prodott ikkunsidrat u d-disponibbiltà tiegħu fis-suq domestiku, kif ukoll il-prezzijiet tal-prodott meqjus fis-suq dinji. Skont dan l-artikolu, paragrafu 3(b), jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq li huma li jkun żgurat l-ekwilibriju u l-iżvilupp naturali ta’ prezzijiet u kummerċ f’dan is-suq. |
54 |
Qabelxejn, minn dan jirriżulta li, peress li ebda ammont speċifiku u lanqas ebda metodu ta’ kalkolu partikolari ma kien impost minn, b’mod partikolari, l-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, xejn ma jipprekludi li l-eżami mill-Kummissjoni tal-elementi intiżi minn din id-dispożizzjoni jista’ jwassal għall-iffissar temporanju ta’ ammont null. |
55 |
Sussegwentement, l-Artikolu 164(2) ta’ dan ir-regolament li jippermetti lill-Kummissjoni jew li żżomm il-ħlasijiet lura fl-istess livell matul iktar minn tliet xhur, jew inkella li tibdilhom matul l-intervall, ma jistax jitqies li din id-dispożizzjoni timponilha li tlaqqa’ sistematikament, kull tliet xhur, laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija, bl-uniku għan li tiddokumenta t-tiġdid tal-ħlasijiet lura preċedentement stabbiliti. Fil-fatt, tali interpretazzjoni, li tobbliga l-Kummissjoni u l-Kumitat ta’ Tmexxija li jżommu inutilment laqgħat, huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. |
56 |
Finalment, fid-dawl tal-fatt li, skont il-kelmiet stess tal-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, il-Kummissjoni tista’ tiffissa l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fuq il-bażi ta’ wieħed jew diversi elementi stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li regolament adottat fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, jekk din l-evalwazzjoni setgħet tkun ibbażata validament fuq mill-inqas wieħed minn dawn l-elementi. |
57 |
F’dan il-każ, l-ewwel nett, jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-regolament ikkontestat kif ukoll mill-premessi 2 u 3 tiegħu li, billi adottat dan ir-regolament, il-Kummissjoni ma għaddietx għat-tneħħija, skont l-Artikolu 162 tar-Regolament Nru 1234/2007, ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni preċedentement mogħtija u ffissati għal ammont pożittiv, iżda ffissat ammont null, bis-saħħa tal-Artikolu 164 tar-Regolament Nru 1234/2007, il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni kkontestata. |
58 |
It-tieni nett, huwa paċifiku li dan l-iffissar kien ibbażat, b’mod partikolari, fuq il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 164(3)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007. |
59 |
Issa, l-ilment magħmul minn Tilly-Sabco lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, matul l-evalwazzjoni tagħha, is-suq domestiku u li injorat li d-differenzjal tal-prezz mat-tiġieġ li joriġinaw mill-Brażil kien jimponi l-għoti tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, ġej minn qari żbaljat tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat fid-dettall fil-punti 282 sa 294 tas-sentenza appellata, is-sitwazzjoni prevalenti fis-suq domestiku fid-data tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. |
60 |
Din l-argumentazzjoni tipproċedi, barra minn hekk, kif targumenta korrettament il-Kummissjoni, minn komprensjoni żbaljata tal-għanijiet tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni in ġenerali u tal-Artikolu 164(3)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007 b’mod partikolari, differenzjal tal-prezzijiet bl-ebda mod ma timponi l-għotja ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni waħedha. |
61 |
Minn dan isegwi li l-argumentazzjoni ta’ Tilly-Sabco bbażata fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 164(3)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007 hija mingħajr ebda bażi. |
62 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi u konformement ma’ dak li ġie rrilevat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, l-argumentazzjoni li biha Tilly-Sabco tikkontesta l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-legalità tar-regolament ikkontestat fid-dawl tal-Artikolu 164(3)(a) tar-Regolament Nru 1234/2007 għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. |
63 |
It-tielet nett, l-argumentazzjoni ta’ Tilly-Sabco dwar l-ommissjoni mill-Kummissjoni, tal-adozzjoni, fix-xahar ta’ Ottubru tas-sena 2013, ta’ regolament ġdid, anki jekk wieħed jassumi li dan ikun ammissibbli, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jintlaqa’, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punt 55 ta’ din is-sentenza. Minn dan isegwi, barra minn hekk, li l-kompetenza tad-Direttorat Ġenerali tad-DG tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali biex jiffirma r-regolament ikkontestat bl-ebda mod ma jitqiegħed fid-dubju minn din l-argumentazzjoni. |
64 |
Ir-raba’ nett, sa fejn Tilly-Sabco tqis li l-elementi li hija tinvoka quddiem il-Qorti Ġenerali huma ta’ natura li jistabbilixxu użu ħażin ta’ poter, għandu jitfakkar li att huwa biss ivvizzjat minn użu ħażin ta’ poter jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħdu esklużivament, jew mill-inqas b’mod determinanti, għall-finijiet oħrajn minn dawk li għalihom kien eċċepit jew sabiex tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-Trattat sabiex jiġu affrontati ċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑117/10, EU:C:2013:786, punt 96). |
65 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li Tilly-Sabco ma ppreżentatx tali indizji. |
66 |
Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-fini msemmija mill-Kummissjoni matul l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, ebda element mill-proċess ma jippermetti li jiġi ddikjarat li din l-istituzzjoni kienet issegwi għan esklużiv, jew mill-inqas determinanti, minbarra dak stabbilit fil-premessi 2 u 3 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri jiġu ffissati l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni konformement mal-Artikolu 164 tar-Regolament Nru 1234/2007. |
67 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Kummissjoni u li l-ommissjoni minn din l-istituzzjoni li tadotta, fix-xahar ta’ Ottubru tas-sena 2013, regolament ġdid kif ukoll l-allegat riferiment tagħhom lill-impenji internazzjonali meħudin qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti ta’ natura li jistabbilixxu li l-imsemmija istituzzjoni kienet issegwi għanijiet oħrajn minn dawk stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 164(3)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007. |
68 |
Min-naħa l-oħra, Tilly-Sabco ma tallegax li l-Kummissjoni fittxet li tevita proċedura prevista mil-liġi primarja. |
69 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jirriżulta ebda żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali li jkun jista’ jiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata. |
70 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju meħud fil-ħames parti tiegħu, it-tieni aggravju, it-tielet aggravju meħud fit-tielet parti tiegħu kif ukoll ir-raba’ aggravju meħud fil-ewwel u t-tieni partijiet tiegħu, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
Fuq l-ewwel aggravju meħud fl-ewwel sar-raba’ parti tiegħu bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011
L-argumenti tal-partijiet
71 |
Tilly-Sabco targumenta, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell, li l-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni żbaljata, fil-punti 89 u 90 tas-sentenza kkontestata, tal-kunċett ta’ “limiti ta’ żmien proporzjonati” li jidher fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011. |
72 |
Din id-dispożizzjoni, sa fejn tipprovdi li “Il-limiti ta’ żmien għandhom ikunu proporzjonati u għandhom jippermettu lill-membri tal-kumitati [ta’ Tmexxija] opportunitajiet bikrija u effikaċi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom”, intiż li jiżgura lil dan il-kumitat limitu ta’ żmien ta’ riflessjoni u ta’ analiżi suffiċjenti. |
73 |
Issa, it-tqegħid mill-ġdid lill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija, wara s-siegħa ta’ waranofsinhar, tal-abbozz tar-regolament ikkontestat li fih kienu jidhru ċ-ċifri tal-ħlasijiet lura, minkejja li l-laqgħa ta’ dan il-kumitat ntemmet fit-tlieta u sitta u erbgħin minuta ta’ waranofsinhar, ma kienx joffrilhom “opportunitajiet bikrija u effikaċi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom” u ma jikkostitwixxix għalhekk “limiti ta’ żmien proporzjonati” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
74 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell, Tilly-Sabco ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-istess dispożizzjoni billi kkunsidrat li s-sitwazzjoni inkwistjoni kienet ikkaratterizzata mill-urġenza tagħha minkejja li ebda urġenza ma kienet ġiet invokata mill-Kummissjoni. |
75 |
Tilly-Sabco tirrileva li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 jippermetti li wieħed ma josservax il-limitu ta’ żmien previst f’“każijiet debitament ġustifikati”, peress li dan il-limitu ta’ żmien jista’ għalhekk jitnaqqas “skont l-urġenza tal-każ”. Hija targumenta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 111 u 112 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx semmiet l-eżistenza ta’ urġenza f’dan il-każ u li l-Qorti Ġenerali madankollu ikkunsidrat, fil-punti 113 sa 119 tas-sentenza appellata, li s-sitwazzjoni inkwistjoni kienet ikkaratterizzata mill-urġenza tagħha, li kienet tiġġustifika li l-imsemmi limitu ta’ żmien ma jkunx osservat. |
76 |
Billi adottat tali motivi, il-Qorti Ġenerali kienet mhux biss żammet ġustifikazzjoni li fuqha l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha, iżda wkoll ivvizzjat is-sentenza appellata b’kontradizzjoni tal-motivi. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tnixxija tal-valuri proposti ma kienx ġie stabbilit, ma huwiex imsemmi fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 u għalhekk ma jistax jiġġustifika l-assenza ta’ limitu ta’ żmien għall-eżami tal-abbozz ikkunsidrat. Fil-fatt, it-tip ta’ regolament domestiku jindika li hemm urġenza estrema “b’mod partikolari meta s-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali hija mhedda” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
77 |
Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, Tilly-Sabco tallega li l-Qorti Ġenerali injorat l-għan tal-limitu taż-żmien imsemmi mill-imsemmija dispożizzjoni. |
78 |
Tilly-Sabco tirrileva, minn naħa, li l-istess dispożizzjoni teħtieġ li l-abbozz tal-att ta’ implementazzjoni, li fih jidher l-ammont tal-ħlasijiet lura proposti, ikun tqiegħed fil-limitu ta’ żmien previst u li, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li elementi fuq is-sitwazzjoni tas-suq meqjusa li kienu ntbagħtu fi żmien tajjeb lill-membri tal-Kumitat tat-Tmexxija. Issa, id-dispaċċ ta’ tali dokumenti ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas ta’ osservanza tal-limitu taż-żmien għas-sottomissjoni tal-abbozz tar-regolament ikkontestat. |
79 |
B’mod kuntrarju għal dak li tissuġġerixxi il-Qorti Ġenerali fil-punt 95 tas-sentenza appellata, is-sottomissjoni ta’ dawn id-dokumenti ma ppermettietx lill-imsemmija membri li jinterrogaw l-operaturi kkonċernati, fosthom ir-rikorrenti, fuq l-ammont intiż tal-ħlasijiet lura. Barra minn hekk, l-imsemmija dokumenti ma kinux f’ebda każ suffiċjenti biex jippermettu lill-membri tal-Kumitat tat-Tmexxija li jagħtu opinjoni informata, fid-dawl tal-fatt li l-ammont propost kien nieqes. |
80 |
Konsegwentement, dibattitu reali bejn l-Istati Membri, qabel il-laqgħa tal-Kumitat tat-Tmexxija, jew bejn il-membri ta’ dan il-kumitat matul il-laqgħa li żvolġiet filgħodu tat-18 ta’ Lulju 2013 ma setgħetx isseħħ, bi ksur tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011, li jeħtieġ espressament li jingħataw “opportunitajiet bikrija u effikaċi” lill-membri tal-imsemmi kumitat li jeżaminaw l-abbozz tal-att ta’ implementazzjoni u li jesprimu l-opinjoni tagħhom. |
81 |
Permezz tar-raba’ parti, Tilly-Sabco tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kisret din id-dispożizzjoni billi vvalidat prassi illegali tal-Kummissjoni, deskritta bħala kostanti mill-1962, billi ċaħdet kull obbligu li tiġi ġġustifikata l-fondatezza tar-rikors għal limitu taż-żmien imnaqqas. Hija tirrileva li, għalkemm din il-prassi kienet effettivament kostanti u neċessarja, xejn ma kien jostakola lill-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni tiegħu, wara 39 sena ta’ prassi, matul l-adozzjoni tar-Regolament Nru 182/2011. |
82 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ewwel sar-raba’ partijiet tal-ewwel aggravju intiżi biss li jikkritikaw is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-konsultazzjoni mill-Kummissjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija kienet regolari. Issa, is-sentenza appellata ma tkunx, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 u tal-Artikolu 3 tar-regolament domestiku tal-Kumitat tat-Tmexxija, ivvizzjata b’ebda żball. |
83 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat, b’mod sovran, li l-membri tal-Kumitat tat-Tmexxija, ġew f’pożizzjoni, grazzi għall-informazzjoni fuq is-sitwazzjoni tas-suq ipprovduta mill-Kummissjoni, li jiddeliberaw fuq l-abbozz tar-regolament ikkontestat filgħodu li ppreċeda l-adozzjoni tiegħu u li huma ma pprotestawx kontra kif taġixxi l-Kummissjoni. |
84 |
Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali kienet irrilevat korrettament, fil-punti 123 u 124 tas-sentenza appellata, li r-regoli ta’ konsultazzjoni ta’ kumitat intiżi li jiżguraw l-osservanza tal-prerogattivi tal-membri tiegħu u mhux intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-operaturi ekonomiċi. Konsegwentement, dawn ma jistgħux jinvokaw possibbli ksur ta’ dawn ir-regoli. |
85 |
Il-Kummissjoni żżid li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, ulterjorment, fil-punti 125 sa 129 tas-sentenza appellata, li Tilly-Sabco ma wrietx, kif teħtieġ il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, fl-assenza tal-ksur allegat, ir-riżultat tal-proċedura kien ikun differenti. Issa, l-appell ma fih ebda element ta’ natura li jdgħajjef din il-konstatazzjoni, minkejja li ebda ostakolu legali jew materjali ma jipprekludi li tali prova tista’, f’dan il-każ, tiġi annullata. Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-riżultat tad-deliberazzjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija kien ikun simili jekk dak kellu limitu ta’ żmien ta’ xi għaxart ijiem supplimentari biex jeżamina l-abbozz tar-regolament ikkontestat peress li d-data kollha kienet wasslet għal iffissar tal-ħlasijiet lura għal żero. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
86 |
Fil-punti 83 għal 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġġudikat skont il-ħtiġijiet magħmula mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 il-prassi kkontestata tal-Kummissjoni deskritta fil-punti 76 sa 78 ta’ din is-sentenza u li tikkonsisti, essenzjalment, li wieħed jissottometti biss matul il-laqgħat tal-Kumitat tat-Tmexxija l-abbozzi tar-regolamenti, ikklassifikati bħala “standards”, li huma differenti minn dawk li jissostitwixxu permezz tat-tibdil biss taċ-ċifri li jwaqqfu. |
87 |
Filwaqt li Tilly-Sabco tikkontesta l-konformità ta’ din il-prassi għall-imsemmija ħtiġijiet, il-Kummissjoni ssostni li l-motivi adottati mill-Qorti Ġenerali huma fondati u targumenta, barra minn hekk, li Tilly-Sabco ma tistax, fi kwalunkwe każ, tinvoka ksur ta’ din id-dispożizzjoni, li tassumiha stabbilita. |
88 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, għalkemm il-kunċett ta’ “regolament” jissodisfa, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, definizzjoni unika, it-Trattat FUE jiddistingwi l-“atti leġislattivi” adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali u msemmija fl-Artikolu 289 TFUE, l-“atti delegati” adottati mill-Kummissjoni u intiżi li jikkompletaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-atti leġiżlattivi, previsti fl-Artikolu 290 TFUE, u, finalment, l-“atti ta’ l-implementazzjoni” definiti fl-Artikolu 291 TFUE. |
89 |
Skont l-Artikolu 291(1) TFUE fil-prinċipju huma l-Istati Membri li għandhom is-setgħa li jadottaw il-miżuri kollha tad-dritt nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-atti tal-l-Unjoni legalment vinkolanti. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, ħlief f’każijiet speċifiċi, huwa biss meta jkun hemm bżonn ta’ kondizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, u li dawn l-atti għandhom jagħtu setgħat ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni li din l-istituzzjoni tista’ tadotta atti ta’ implementazzjoni. |
90 |
F’dan l-aħħar rigward, l-Artikolu 291(3) TFUE jistabbilixxi kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni ta’ dawn is-setgħat ta’ implementazzjoni u jippreċiża li huma l-Parlament u l-Kunsill li għandhom jistabbilixxu minn qabel permezz ta’ “att leġislattiv” ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ dan il-kontroll. |
91 |
Jirriżulta mill-ewwel kunsiderazzjoni legali u mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 182/2011 li jirreferu għall-Artikolu 291(3) TFUE u jirriproduċu l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, tal-premessa 7 tal-imsemmi regolament u tal-Artikolu 3(7) tiegħu, li jippreċiżaw li l-istess regolament jistabbilixxi l-modalità ta’ kontroll meħtieġ mill-Artikolu 291(3) TFUE, kif ukoll tal-premessa 5 tar-Regolament Nru 182/2011, li tipprovdi li dan ir-regolament huwa intiż li jirrifletti r-rekwiżiti istituzzjonali tat-Trattat FUE, li l-imsemmi regolament jikkostitwixxi dan l-“att leġislattiv”. |
92 |
Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 182/2011 li ssostitwixxa d-Deċiżjoni 1999/468, jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet tal-imsemmi kontroll. |
93 |
Skont il-premessi 8 u 9 tar-Regolament Nru 182/2011, għall-finijiet tas-simplifikazzjoni, in-numru tal-proċeduri tnaqqas għal tnejn, b’tali mod li jinżammu biss il-proċedura konsultattiva u il-proċedura ta’ eżami, u regoli proċedurali komuni għall-kumitati ġew stabbiliti, inklużi d-dispożizzjonijiet prinċipali relattivi għall-funzjonament tagħhom. |
94 |
Fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami, imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 182/2011 u applikabbli f’dan il-każ, il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu permezz tal-maġġoranza stipulata skont il-każ, fl-Artikolu 16(4) u (5) TUE jew fl-Artikolu 238(3) TFUE. Bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 182/2011, tali opinjoni twaqqaf, jekk hija negattiva, l-adozzjoni tal-abbozz tal-att ta’ implementazzjoni. |
95 |
Id-dispożizzjonijiet essenzjali li jirregolaw il-proċeduri konsultattivi u ta’ eżami jidhru fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 182/2011. |
96 |
Fir-rigward tal-kontenut tar-regoli stabbiliti permezz tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011, għandhom jiġu pparagunati mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-deċiżjonijiet tal-komitoloġija li ġew fis-seħħ fil-perijodu li matulu l-prassi kkontestata tal-Kummissjoni ġiet stabbilita. |
97 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li d-deċiżjonijiet tal-komitoloġija kienu jipprevedu li abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu għandu jiġi sottomess lill-Kumitat, ir-Regolament Nru 182/2011 jeħtieġ, fl-Artikolu 3(3) tiegħu li l-abbozz ta’ att ta’ implementazzjoni li għandu jiġi adottat jiġi sottomess lil dan il-kumitat. |
98 |
It-tieni nett, filwaqt li d-deċiżjonijiet tal-komitoloġija ma kinux jimponu ebda limitu ta’ żmien bejn is-sottomissjoni tal-abbozz tal-miżuri, id-dispaċċ tal-abbozz tal-aġenda u ż-żamma tal-laqgħa korrispondenti tal-Kumitat tat-Tmexxija, ir-Regolament Nru 182/2011 jiffissa limitu taż-żmien ta’ mill-inqas erbatax-il jum, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, bejn is-sottomissjoni lill-Kumitat tat-Tmexxija tal-abbozz tal-att ta’ implementazzjoni u tal-abbozz tal-aġenda u s-sejħa ta’ laqgħa ta’ dan il-kumitat. |
99 |
It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tar-Regolament Nru 182/2011 dwar l-iffissar tal-limitu taż-żmien li fih il-kumitat joħroġ l-opinjoni tiegħu huma identiċi bħal dawk użati mid-deċiżjonijiet tal-komitoloġija. Dan it-tieni limitu ta’ żmien jista’ b’hekk jiġi ffissat mill-President tal-kumitat skont l-urġenza tal-każ inkwistjoni. |
100 |
Ir-raba’ nett, l-istabbiliment, mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011, ta’ żewġ limiti ta’ żmien distinti li għandhom jiġu osservati hija kkorroborata mill-użu fil-plural, fil-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, tal-kliem “[i]l-limiti ta’ żmien għandhom ikunu proporzjonati u għandhom jippermettu”, kif ukoll mill-fatt li t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi żewġ limiti ta’ żmien simili fil-kuntest tal-proċedura ġdida tal-appell. |
101 |
Il-ħames nett, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ limiti taż-żmien jista’ jiġi mnaqqas “f’każijiet debitament ġustifikati” u t-tieni stabbilit “skont l-urġenza tal-każ”, it-tnejn li huma għandhom ikunu “proporzjonati u għandhom jippermettu lill-membri tal-kumitati opportunitajiet bikrija u effikaċi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom”. |
102 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel limitu ta’ żmien intiż li jippermetti eżaminazzjoni trankwilla, qabel kull laqgħa, mill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija, tal-abbozz tal-att ta’ implementazzjoni u li t-tieni għandu jippermettilhom li jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq dan l-abbozz. Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 182/2011 li jippreċiża li, sa “meta l-kumitat jagħti opinjoni, kwalunkwe membru tal-kumitat jista’ jissuġġerixxi emendi”. |
103 |
Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 291(3) TFUE jipprovdi espressament kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implementazzjoni li ngħataw lilha bis-saħħa tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel limitu ta’ żmien huwa intiż ukoll li jiggarantixxi l-informazzjoni tal-gvernijiet tal-Istati Membri, permezz tal-intermedjarju tal-membri tagħhom tal-Kumitat tat-Tmexxija, fuq il-proposti tal-Kummissjoni, sabiex dawn il-gvernijiet ikunu jistgħu, permezz tal-konsultazzjonijiet interni u esterni, jiddefinixxu pożizzjoni li hija intiża li tippreżerva, fi ħdan il-Kumitat tat-Tmexxija, l-interessi proprji lill kull wieħed minnhom. |
104 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 182/2011, il-membri tal-Kumitat tat-Tmexxija huma r-rappreżentanti tal-imsemmija gvernijiet li għalihom għandhom jiddeċiedu l-livell xieraq ta’ rappreżentanza tagħhom għall-istadji differenti tal-proċedura. |
105 |
Issa, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li prassi li tikkonsisti f’li jiġi sottomess biss l-abbozz ta’ att ta’ implementazzjoni lill-Kumitat tat-Tmexxija matul il-laqgħa msejħa għall-eżami tiegħu hija inkompatibbli kemm mal-kliem kif ukoll mal-għanijiet segwiti mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011. Fil-fatt, billi tipproċedi hekk, il-Kummissjoni ma tosservax l-ewwel limitu ta’ żmien ta’ erbatax-il jum. |
106 |
Barra minn hekk, tali prassi tkun f’kunflitt mal-istruttura tar-Regolament Nru 182/2011 li tiegħu l-Artikolu 8 jippermetti lill-Kummissjoni li tadotta, f’każ ta’ bżonn, regolamenti direttament applikabbli mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-Kumitat tat-Tmexxija. |
107 |
Finalment, l-imsemmija prassi, li tpoġġi l-membri tal-Kumitat tat-Tmexxija fl-impossibbiltà li jesprimu l-opinjoni tagħhom u li jipproponu xi emendi barra mil-laqgħa korrispondenti, imur kontra l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-regolament, li jgħid li dawn il-membri għandhom ikunu f’pożizzjoni li jagħmlu dan f’kull mument qabel l-adozzjoni tal-att. |
108 |
Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza tal-ewwel limitu ta’ żmien ta’ 14-il jum invokat mill-Kummissjoni, jiġifieri r-riskju ta’ kxif, għandu jiġi rrilevat li jekk wieħed jammetti din il-ġustifikazzjoni iwassal għal dispensa, b’mod sistematiku, lill-Kummissjoni mill-osservanza ta’ dan l-ewwel limitu ta’ żmien, ta’ tali riskji li jeżistu, fil-prinċipju, dejjem, kif tiddikjara l-Kummissjoni stess. Bl-istess mod, li wieħed jikkunsidra, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 113 sa 115 tas-sentenza appellata, li urġenza tinħoloq f’daqqa, kull darba li regolament ta’ implementazzjoni għandu jiġi adottat, iwassal li jagħti natura sistematika lill-eċċezzjoni prevista. |
109 |
Barra minn hekk, ebda konklużjoni oħra ma tista’ tiġi dedotta mir-riferiment, magħmul fil-premessa 5 tar-Regolament Nru 182/2011, tal-għan tal-effikaċja tal-proċeduri, kif ukoll l-esperjenzi miksuba u l-prattika [prassi] komuni segwita fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 1999/468 fir-rigward iktar partikolarment l-adozzjoni tar-regolamenti ta’ implementazzjoni standard li huma differenti minn dawk li jissostitwixxu mill-unika emenda tad-data biċ-ċifri aġġornata u mhux kontinwa wara kull laqgħa tal-Kumitat tat-Tmexxija. |
110 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 ma jipperpetwax prassi komuni iżda jemenda sostanzjalment, b’mod partikolari, billi jintroduċi l-ewwel limitu ta’ żmien ta’ erbatax-il jum u billi jiddistingwi l-għan ta’ dan il-limitu ta’ żmien minn dak tal-limitu ta’ żmien li jippreċedi l-ħruġ tal-opinjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija, u jipprojbixxi li jitnaqqsu dawn il-limiti ta’ żmien b’mod disproporzjonata jew il-mod li jarahom mill-għan tagħhom. |
111 |
Għandu wkoll jitfakkar li l-Parlament u l-Kunsill naqsu n-numru ta’ proċeduri ta’ kontroll għal tnejn u li dawn il-proċeduri huma rregolati minn diversi dispożizzjonijiet komuni għall-finijiet tas-simplifikazzjoni. Issa, li wieħed isegwi prassi differenti għall-adozzjoni tar-regolamenti ta’ implementazzjoni l-iktar komuni twassal, essenzjalment, li toħloq subkategorija ġdida ta’ proċeduri li tobdi regoli distinti. |
112 |
L-għażla ta’ tali opzjoni mhux biss ma ssib l-ebda bażi fir-Regolament Nru 182/2011, iżda tmur ukoll kontra l-għanijiet iddikjarati mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
113 |
Minn dan isegwi li, għalkemm il-prassi stabbilita tal-Kummissjoni setgħet titniżżel fil-kuntest legali qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament, jiġifieri dak definit mid-deċiżjonijiet tal-komitoloġija, l-emendi tal-liġi primarja, li jirriżultaw mill-adozzjoni tat-Trattat FUE, kif ukoll, wara dan, dawk tal-liġi derivata, li tirriżulta mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 182/2011, jipprekludu li hija tista’ tkompli li tiġi segwita. |
114 |
Fit-tieni lok, fid-dawl b’mod partikolari tal-konstatazzjonijiet li twettqu fil-punti 90, 91, 94, 95 u 102 sa 104 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li r-rekwiżiti magħmula mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 jikkostitwixxu regoli tal-proċedura essenzjali mixtieqa mit-Trattat FUE, li jaqgħu taħt forom proċedurali sostanzjali tar-regolarità tal-proċedura u li l-ksur tagħhom iwassal għall-annullament tal-att ikkonċernat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, sentenzi tal-10 ta’ Frar 1998, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑263/95, EU:C:1998:47, punt 32; tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 80, u tat-23 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑595/14, EU:C:2015:847, punt 35). |
115 |
B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat b’mod stabbilit li n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli proċedurali dwar l-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u li, għalkemm il-qorti tal-Unjoni tikkonstata, fl-eżaminazzjoni tal-att inkwistjoni, li dan ma ġiex regolarment adottat, huwa l-obbligu tiegħu li jislet il-konsegwenzi tal-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali u, għaldaqstant, jannulla l-att ivvizzjat minn tali vizzju (sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punt 103, u tal-24 ta’ Ġunju 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑263/13 P, EU:C:2015:415, punt 56). |
116 |
Issa, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-argument tal-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà ta’ Tilly-Sabco li tieħu vantaġġ minn ksur tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li huwa l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni, meta tikkonstata tali nuqqas ta’ osservazzjoni, li teżamina ex officio (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑263/13 P, EU:C:2015:415, punt 56). |
117 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi ddikjarat fondat l-ewwel aggravju, meħud fl-ewwel sar-raba’ parti tiegħu. |
118 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħrajn, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata. |
Fuq ir-rikors fl-ewwel istanza
119 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ għalhekk jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. |
120 |
F’dan il-każ, il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża. |
121 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 86 sa 118 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi annullat ir-regolament ikkontestat għal ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. |
Fuq iż-żamma tal-effetti tar-regolament ikkontestat sas-sostituzzjoni tiegħu minn regolament ġdid
122 |
Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tikkunsidra dan meħtieġ, tindika liema mill-effetti ta’ att li ġie ddikjarat null għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi. |
123 |
F’dan il-każ, għalkemm din il-proċedura tal-appell żvelat li r-regolament ikkontestat ittieħed bi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, min-naħa l-oħra ma żvelat ebda żball li jaffettwa l-konformità ta’ dan l-att, li tinkludi miżuri neċessarji għall-finijiet tal-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1234/2007, għal dan l-aħħar regolament. |
124 |
Għaldaqstant, li jiġi deċiż l-annullament tar-regolament ikkontestat mingħajr ma tiġi prevista ż-żamma tal-effetti tiegħu sakemm ikun sostitwit minn att ġdid ikun ta’ natura mhux biss li jippreġudika din l-implementazzjoni iżda wkoll li jaffettwa ċ-ċertezza legali. |
125 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jinżammu l-effetti tar-regolament ikkontestat sad-dħul fis-seħħ ta’ att ġdid imsejjaħ biex jissostitwixxieh. |
Fuq l-ispejjeż
126 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
127 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
128 |
Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub minn Tilly-Sabco. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.