SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu f’soġġorn irregolari – Direttiva 2008/115/KE – Il-punt 2 tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘soġġorn irregolari’ – Artikolu 6 – Adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn qabel l-eżitu tal-azzjoni kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtorità responsabbli – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 18, Artikolu 19(2) u Artikolu 47 – Prinċipju ta’ non-refoulement – Dritt għal rimedju effettiv – Awtorizzazzjoni li jibqa’ fi Stat Membru”

Fil-Kawża C‑181/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

Sadikou Gnandi

vs

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz (Relatur), J. L. da Cruz Vilaça, C. G. Fernlund u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, E. Jarašiūnas, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal S. Gnandi, minn D. Andrien, avocat,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn C. Piront, S. Matray u D. Matray, avocats,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2017,

wara li rat id-digriet tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali tal-25 ta’ Ottubru 2017 u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal S. Gnandi, minn D. Andrien, avocat,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, M. Jacobs u C. Van Lul, bħala aġenti, assistiti minn C. Piront, S. Matray u D. Matray, avocats,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Kanitz, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier, E. Armoët u D. Colas, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman, P. Huurnink u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga, M. Heller u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet supplimentari tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2005, L 326, p. 13), kif ukoll tal-prinċipju ta’ non-refoulement u tad-dritt għal rimedju effettiv, stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 18 u fl-Artikolu 19(2), kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Sadikou Gnandi, minn naħa, u l-État belge (l-Istat Belġjan), min-naħa l-oħra, dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li tordna lill-ewwel wieħed jitlaq mit-territorju Belġjan.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta’ Genève

3

L-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), kif issupplimentata bil-protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li min-naħa tiegħu daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), intitolat “Projbizzjoni ta’ tkeċċija u ta’ refoulement”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-ebda Stat Kontraenti ma għandu jkeċċi jew jissuġġetta għal refoulement, bi kwalunkwe mod, refuġjat fuq il-fruntieri ta’ territorji fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali, jew minħabba l-fehmiet politiċi tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttivi 2003/9/KE u 2013/33/UE

4

L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “applikant” jew ta’ “applikant għall-ażil”, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, bħala “ċittadin ta’ pajjiż terz [jew bla Stat] li għamel applikazzjoni għal ażil li fir-rigward tagħha deċizjoni finali tkun għadha ma tteħdittx”.

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Skop”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni bla stat [Stat] kollha li jagħmlu applikazzjoni għal ażil fil-konfini jew fit-territorju ta’ Stat Membru għaż-żmien kollu li huma permessi joqgħodu fit-territorju bħala min ifittex ażil, […]”

6

L-Artikolu 2(ċ) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/9 ġew issostitwiti, f’termini essenzjalment identiċi, mill-Artikolu 2(b) u mill-Artikolu 3(1), rispettivament, tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).

Id-Direttivi 2005/85 u 2013/32/UE

7

Il-premessi 2 u 8 tad-Direttiva 2005/85 jipprovdu:

“(2)

Il-Kunsill Ewropew […] qabel li jaħdem sabiex tiġi stabbilita Sistema Ewropea Komuni ta’ Ażil, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-[Konvenzjoni ta’ Genève], u b’hekk ikun affermat il-prinċipju ta’ non-refoulement u jkun żgurat li ħadd ma jintbagħat lura lejn il-persekuzzjoni.

[…]

(8)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta].”

8

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ l-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru matul iż-żmien li fih tiġi eżaminata l-applikazzjoni” jipprevedi:

“1.   L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet id-deċiżjoni skond il-proċeduri fl-istadju ta’ prim’istanza stabbiliti fil-Kapitolu III. Dan id-dritt ta’ l-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru ma jikkostitwixxix jedd għal permess ta’ residenza [soġġorn].

2.   L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni biss fejn, skond l-Artikoli 32 u 34, ma tkunx sejra tiġi eżaminata aktar xi applikazzjoni sussegwenti jew fejn dawn iċedu jew jestradixxu, skond il-każ, persuna lejn Stat Membru ieħor konformament ma’ obbligi taħt il-Mandat ta’ Arrest Ewropew […] jew diversament, jew lejn pajjiż terz, jew lejn qrati jew tribunali kriminali internazzjonali.”

9

L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv”, jobbliga, fil-paragrafu 1 tiegħu, lill-Istati Membri jiżguraw lill-applikanti għall-ażil id-dritt għal rimedju effettiv. L-Artikolu 39(3) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom, fejn ikun il-każ, jistabbilixxu regoli konformement ma’ l-obbligi internazzjonali tagħhom relatati ma’ dawn li ġejjin:

(a)

il-kwistjoni jekk ir-rimedju skond il-paragrafu 1 għandux ikollu l-effett li l-applikanti jkunu permessi jibqgħu fl-Istat Membru konċernat sa l-eżitu tiegħu;

(b)

il-possibbiltà ta’ rimedju legali jew ta’ miżuri protettivi fejn ir-rimedju skond il-paragrafu 1 ma jkollux l-effett li l-applikanti jkunu permessi jibqgħu fl-Istat Membru konċernat sa l-eżitu tiegħu. […]

[…]”

10

L-Artikoli 7 u 39 tad-Direttiva 2005/85 ġew issostitwiti, rispettivament, mill-Artikoli 9 u 46 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

11

Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Id-dritt li wieħed jibqa’ fl-Istat Membru matul l-eżami tal-applikazzjoni”:

“1.   L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet deċiżjoni fl-ewwel istanza skont il-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III. Dak id-dritt li jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru m’għandux jikkostitwixxi intitolament għall-permess ta’ residenza.

2.   L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni biss fejn persuna tagħmel applikazzjoni sussegwenti kif imsemmi fl-Artikolu 41 jew fejn dawn iċedu jew jestradixxu, skont il-każ, persuna lejn Stat Membru ieħor skont obbligi f’konformità ma’ mandat ta’ arrest Ewropew […] jew diversament, jew lejn pajjiż terz jew lejn qrati jew tribunali kriminali internazzjonali.

[…]”

12

L-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv”, jipprevedi fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikanti li jibqgħu fit-territorju tagħhom sakemm jiskadi ż-żmien li fih ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv jew, meta tali dritt ġie eżerċitat fil-limitu ta’ żmien, sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju.”

Id-Direttiva 2008/115

13

Il-premessi 2, 4, 6, 8, 9, 12 u 24 tad-Direttiva 2008/115 jgħidu:

“(2)

Il-Kunsill Ewropew […] sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[…]

(4)

Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.

[…]

(6)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmiem ta’ soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. […]

[…]

(8)

Huwa rikonoxxut li huwa leġittimu għall-Istati Membri li jirritornaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment sakemm dawn ikollhom fis-seħħ sistemi ta’ asil ġusti u effiċjenti li jirrispettaw b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ non-refoulement.

(9)

Skond id-Direttiva tal-Kunsill [2005/85/KE], ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun applika għal asil fi Stat Membru ma għandux ikun meqjus bħala li qiegħed illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva fir-rigward ta’ l-applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta’ soġġorn tiegħu jew tagħha biex ifittex asil.”

[…]

(12)

Għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li għadhom ma jistgħux jiġu mneħħija. […]

[…]

(24)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta].”

14

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jispeċifika li din tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma f’soġġorn irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru.

15

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)

‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 (tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1)) jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

[…]

(4)

‘deċiżjoni ta’ ritorn’: tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

(5)

‘tneħħija’: tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

[…]”

16

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Non-refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat tas-saħħa”, huwa fformulat kif ġej:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

(a)

l-aħjar interessi tat-tfal,

(b)

il-ħajja familjari,

(c)

l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

17

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn”, jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ritorn għal ċittadin ta’pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

[…]

4.   L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn.

[…]

6.   Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn u/jew deċiżjoni dwar tneħħija u/jew projbizzjoni fuq id-dħul f’deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali disponibbli taħt il-Kapitolu III u taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ liġi Komunitarja u nazzjonali.”

18

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tluq volontarju”, jipprevedi li:

“1.   Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perjodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. L-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-leġislazzjoni nazzjonali li tali perijodu għandu jingħata biss wara applikazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi konċernati dwar il-possibbiltà li jippreżentaw tali applikazzjoni.

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom, fejn neċessarju, jestendu l-perijodu għat-tluq volontarju għal perijodu adegwat, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali, bħat-tul tas-soġġorn, l-eżistenza ta’ tfal li jattendu l-iskola u l-eżistenza ta’ rabtiet familjari u soċjali oħrajn.

[…]”

19

L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Tneħħija”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.

[…]

3.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju separat li jordna t-tneħħija.

[…]”

20

Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/115:

“L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:

(a)

meta hija tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement jew

(b)

sakemm jingħata effett sospensiv skond l-Artikolu 13(2).”

21

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rimedji”, li jinsab fil-Kapitolu III tagħha, dwar il-“Salvagwardji [Garanziji] Proċedurali”, jipprevedi, fil-paragafu 1 tiegħu:

“Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza.”

22

L-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

(a)

jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

(b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.”

Id-dritt Belġjan

23

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 39/70, tal-loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (Il-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, dwar l-Aċċess għat-Territorju, l-Istabbiliment, ir-Residenza u t-Tneħħija tal-Barranin (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”), jipprevedi:

“Ħlief bil-kunsens tal-persuna kkonċernata, ebda miżura ta’ tneħħija mit-territorju jew ta’ refoulement ma tista’ tiġi eżegwita b’mod forzat fil-konfront tagħha matul il-perjodu ffissat għall-preżentata ta’ appell u matul l-eżami tiegħu.”

24

L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52/3 ta’ din il-liġi jipprevedu:

“Meta l-Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (il-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat) ma jiħux inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għall-ażil jew jiċħad li jirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat jew li jagħti l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja lill-barrani u meta dan jirrissjedi b’mod irregolari fir-Renju, il-ministru jew id-delegat tiegħu għandu jagħti mingħajr dewmien, ordni ta’ tluq mit-territorju mmotivata minn waħda mir-raġunijiet previsti fil-punti 1 sa 12 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7. Din id-deciżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata skont l-Artikolu 51/2.

Meta l-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) jiċħad l-azzjoni ta’ barrani kontra deċiżjoni meħuda mill-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat bl-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 39/2(1) u meta dan jirrisjedi b’mod irregolari fir-Renju, il-ministru jew id-delegat tiegħu għandu jiddeċiedi mingħajr dewmien sabiex jissospendi l-ordni ta’ tluq mit-territorju prevista fl-ewwel subparagrafu. Din id-deciżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata skont l-Artikolu 51/2.”

25

L-Artikolu 75(2) tal-arrêté royal du 8 octobre 1981 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (id-Digriet Irjali tat-8 ta’ Ottubru 1981 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tneħħija tal-barranin (Moniteur belge tas-27 ta’ Ottubru 1981, p. 13740), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali jipprevedi:

“Jekk il-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat jiċħad li jirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja għal barrani jew ma jiħux inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għall-ażil, il-ministru jew id-delegat tiegħu għandu jagħti lill-parti interessata ordni ta’ tluq mit-territorju, konformement mal-Artikolu 52/3(2) tal-Liġi [tal-15 ta’ Diċembru 1980].”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

26

Fl-14 ta’ April 2011, S. Gnandi, ċittadin Togoliż, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-awtoritajiet Belġjani, li ġiet miċħuda, fit-23 ta’ Mejju 2014, mill-Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (il-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat (iktar ’il quddiem il-“KĠRPS”). Fit-3 ta’ Ġunju 2014, l-Istat Belġjan, permezz tal-Office des étrangers (il-Belġju) (l-Uffiċċju għall-Barranin) ordna lil S. Gnandi sabiex jitlaq mit-territorju.

27

Fit-23 ta’ Ġunju 2014. S. Gnandi ppreżenta rikors quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) kontra d-deċiżjoni taċ-CGRA tat-23 ta’ Mejju 2014. Fl-istess data, huwa talab quddiem din il-qorti l-annullament kif ukoll is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ tluq mit-territorju tat-3 ta’ Ġunju 2014.

28

Il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) ċaħad, permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Ottubru 2014, ir-rikors ippreżentat mid-deċiżjoni taċ-CGRA tat-23 ta’ Mejju 2014, kif ukoll, permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Mejju 2015, ir-rikors kontra l-ordni ta’ tluq mit-territorju tat-3 ta’ Ġunju 2014. Adit b’appell ippreżentat minn S. Gnandi minn dawn iż-żewġ sentenzi, fl-10 ta’ Novembru 2015, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) annulla s-sentenza tal-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) tal-31 ta’ Ottubru 2014 u rrinvija l-kawża quddiemu. Il-proċedura fil-kawża prinċipali tikkonċerna biss l-appell fil-kassazzjoni ppreżentat minn S. Gnandi kontra s-sentenza tal-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) tad-19 ta’ Mejju 2015.

29

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5 tad-Direttiva [2008/115/KE], li jobbliga lill-Istati Membri josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement fl-implementazzjoni ta’ din id-direttiva, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv, previst mill-Artikolu 13(1) tal-istess direttiva u mill-Artikolu 47 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, bħal dik prevista mill-Artikolu 6 tad-Direttiva [2008/115] kif ukoll mill-Artikolu 52/3, [(1)] tal-[Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980] u mill-Artikolu 75 [(2)] tad-Digriet Irjali tat-8 ta’ Ottubru 1981 [dwar l-Aċċess għat-Territorju, l-Istabbiliment, ir-Residenza u t-Tneħħija tal-Barranin], maċ-ċħid tat-talba għal ażil [miċ-CGRA] u għaldaqstant qabel ma l-azzjonijiet ġudizzjarji kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda jkunu jistgħu jiġu eżawriti u qabel ma l-proċedura ta’ ażil tingħalaq b’mod definittiv?”

Fuq il-persistenza tat-tilwima fil-kawża prinċipali

30

Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Belġjan sostna li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq id-domanda preliminari, minħabba li l-ordni ta’ tluq mit-territorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet saret mingħajr effett wara l-għoti lil S. Gnandi ta’ awtorizzazzjoni ta’ soġġorn temporanju u minħabba l-għoti, fil-11 ta’ Marzu 2016, ta’ sentenza mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) li tannulla d-deċiżjoni taċ-CGRA tat-23 ta’ Mejju 2014.

31

F’dan ir-rigward, kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi li effettivament ikun hemm tilwima pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jkunu msejħa jagħtu deċiżjoni li fiha jieħdu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika, anki ex officio, il-persistenza tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan il-każ, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, wara t-tressiq ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, S. Gnandi ġie awtorizzat, b’deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Barranin tat-8 ta’ Frar 2016, jissoġġorna fit-territorju Belġjan sal-1 ta’ Marzu 2017 u li, wara s-s-sentenza tal-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) tal-11 ta’ Marzu 2016, l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali reġgħet ġiet miċħuda miċ-CGRA fit-30 ta’ Ġunju 2016.

33

Meta mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tindikalha jekk hija kkunsidratx li risposta għad-domanda tagħha kienet għada neċessarja sabiex tiddeċiedi, il-qorti tar-rinviju wieġbet li hija xtaqet iżżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha. Hija speċifikat, essenzjalment, li l-annullament tad-deċiżjoni taċ-CGRA tat-23 ta’ Mejju 2014 permezz tas-sentenza tal-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) tal-11 ta’ Marzu 2016 ma kellu, fih innifsu, l-ebda effett legali fuq l-ordni ta’ tluq mit-territorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li l-għoti lil S. Gnandi ta’ awtorizzazzjoni ta’ soġġorn temporanju ma kienx wassal għall-irtirar impliċitu ta’ din l-ordni. Hija żiedet li din tal-aħħar kienet tipproduċi effetti mill-ġdid mit-30 ta’ Ġunju 2016, data li fiha ġiet deċiża ċ-ċaħda l-ġdida tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ S. Gnandi miċ-CGRA.

34

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, tiddeċiedi fuq l-interpretazzoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Tall, C‑239/14, EU:C:2015:824, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat li t-tilwima fil-kawża prinċipali għadha pendenti quddiem din il-qorti u li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula tibqa’ utli għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. Għaldaqstant, għandha tittieħed deċiżjoni fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id-domanda preliminari

35

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mad-Direttiva 2005/85 u fid-dawl tal-prinċipju ta’ non-refoulement u tad-dritt għal rimedju effettiv, stabbiliti fl-Artikolu 18, fl-Artikolu 19(2) u fl-Artikolu 47 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, miċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni mill-awtorità responsabbli u, għaldaqstant, qabel l-eżitu tal-azzjoni ġudizzjarja kontra din iċ-ċaħda.

36

Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, li l-ordni ta’ tluq mit-territorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi deċiżjoni li tordna r-ritorn fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2008/115. Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi, fil-fatt, il-kunċett ta’ “deċiżjoni li tordna r-ritorn” bħala deċiżjoni jew att ta’ natura amministrattiva jew ġudizzjarja li jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz huwa illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn.

37

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, hija tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jinsabu f’soġġorn irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru. Fir-rigward b’mod partikolari tad-deċiżjonijiet li jordnaw ir-ritorn, l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, jieħdu tali deċiżjoni fil-konfront ta’ kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab f’soġġorn irregolari fit-territorju tagħhom.

38

Sabiex jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni li tordna r-ritorn tistax tiġi adottata fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz miċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali mill-awtorità responsabbli, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk tali ċittadin ikunx jinsab, minn din iċ-ċaħda, f’soġġorn irregolari, fis-sens tad-Direttiva 2008/115.

39

F’dan ir-rigward, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “soġġorn irregolari”, li jinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza fih ikun, minħabba dan il-fatt biss, jinsab f’soġġorn irregolari (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 48).

40

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/85, applikant għal protezzjoni internazzjonali huwa awtorizzat jibqa’ fl-Istat Membru, għall-finijiet biss tal-proċedura, sal-adozzjoni tad-deciżjoni tal-ewwel istanza li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għalkemm dan id-dritt li jibqa’ ma jikkostitwixxix, skont it-termini espliċiti ta’ din id-dispożizzjoni, dritt għal permess ta’ residenza, madankollu, b’mod partikolari, mill-premessa 9 tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li l-imsemmi dritt li jibqa’ jipprekludi li s-soġġorn ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali jiġi kklassifikat bħala “irregolari”, fis-sens ta’ din id-direttiva, matul il-perijodu bejn il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali sal-adozzjoni tad-deciżjoni tal-ewwel istanza li tiddeċiedi dwarha.

41

Kif jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/85, id-dritt li jibqa’ previst f’din id-dispożizzjoni jispiċċa bl-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mill-awtorità responsabbli. Fl-assenza ta’ dritt jew ta’ permess ta’ soġġorn mogħti lill-persuna kkonċernata fuq bażi legali oħra, b’mod partikolari skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115, li jippermetti lill-applikant li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat, din id-deċiżjoni ta’ ċaħda għandha bħala konsegwenza li, mill-adozzjoni tagħha, dan l-applikant ma jkunx jissodisfa iktar dawn il-kundizzjonijiet, b’tali mod li s-soġġorn tiegħu jsir irregolari.

42

Ċertament, l-Artikolu 39(3)(a) tad-Direttiva 2005/85 jiftaħ għall-Istati Membri l-fakultà li jipprevedu regoli li jippermettu lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jibqgħu fit-territorju tagħhom sal-eżitu ta’ azzjoni kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’dan il-każ, l-Artikolu 39/70 tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 deher li jinkludi regola ta’ din in-natura, peress li jagħti lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali d-dritt li jibqgħu fit-territorju Belġjan matul it-terminu għall-preżentata ta’ tali azzjoni u matul l-eżami tagħha, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

43

Huwa wkoll minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 47 u 49 tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343), li awtorizzazzjoni li jibqa’ għall-finijiet tal-eżerċizzju effettiv ta’ azzjoni kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tipprekludi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta din l-applikazzjoni sal-eżitu tal-azzjoni kontra ċ-ċaħda tagħha.

44

Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn din is-sentenza li tali awtorizzazzjoni li tibqa’ tipprojbixxi li jiġi kkunsidrat li, miċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u bla ħsara għall-eżistenza ta’ dritt jew ta’ permess ta’ soġġorn kif indikat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, is-soġġorn tal-persuna kkonċernata jsir irregolari, fis-sens tad-Direttiva 2008/115.

45

Fil-fatt, l-ewwel nett, fid-dawl tal-portata tad-domandi preliminari magħmula fil-kawża li waslet għall-imsemmija sentenza kif ukoll tal-kuntest tagħha, għandu jiġi speċifikat li l-interpretazzjoni mwettqa f’din l-istess sentenza ingħatat biss sabiex jiġi żgurat li l-proċedura ta’ ritorn ma titkompliex sakemm l-applikant li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda jkun awtorizzat jibqa’ sal-eżitu tal-azzjoni tiegħu u li, b’mod partikolari, matul dan il-perijodu, l-istess applikant ma jistax jitqiegħed f’detenzjoni, skont l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, għall-finijiet ta’ tneħħija.

46

It-tieni nett, la l-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tagħha ma jissuġġettaw l-irregolarità tas-soġġorn fuq l-eżitu ta’ azzjoni kontra deċiżjoni amministrattiva li tirrigwarda t-tmiem tas-soġġorn regolari jew fuq l-assenza ta’ awtorizzazzjoni li jibqa’ sal-eżitu ta’ tali azzjoni. Għall-kuntrarju, filwaqt li, kif ġie enfasizzat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, minn qari flimkien tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/85 u tal-premessa 9 tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li d-dritt tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat matul il-perijodu bejn il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni sal-adozzjoni tad-deċiżjoni fl-ewwel istanza li tagħti deċiżjoni fir-rigward tagħha jipprekludi l-klassifikazzjoni tas-soġġorn tal-persuna kkonċernata bħala “irregolari”, fis-sens ta-Direttiva 2008/115, matul dan il-perijodu, l-ebda dispożizzjoni u l-ebda premessa tad-Direttiva 2005/85 jew tad-Direttiva 2008/115 ma tipprevedi, min-naħa l-oħra, li awtorizzazzjoni li jibqa’ fuq l-imsemmi territorju sal-eżitu tal-azzjoni kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tkun, fiha nnifisha, tipprekludi tali klassifikazzjoni.

47

It-tielet nett, id-Direttiva 2008/115 ma hijiex ibbażata fuq l-idea li l-irregolarità tas-soġġorn u, għalhekk, l-applikabbiltà tal-imsemmija direttiva jippreżupponu l-assenza ta’ kwalunkwe possibbiltà legali, għal ċittadin ta’ pajjiż terz, li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari sal-eżitu tal-azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni li tirrigwarda t-tmiem tas-soġġorn regolari. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-premessa 12 tagħha, din id-direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, għalkemm jinsabu f’soġġorn irregolari, huma awtorizzati jibqgħu legalment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn huma għad ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ tneħħija. B’mod partikolari, l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprevedi l-istabbiliment ta’ terminu xieraq għat-tluq volontarju tal-persuni kkonċernati li matulu dawn il-persuni, minkejja li jkunu jinsabu f’soġġorn irregolari, ikunu għadhom awtorizzati jibqgħu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5 u l-Artikolu 9(1) tal-istess direttiva, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu f’soġġorn irregolari u għandhom jipposponu t-tneħħija tagħhom fil-każ fejn din tkun tikser dan il-prinċipju.

48

Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li l-għan prinċipali tad-Direttiva 2008/115 jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 4 tagħha, fl-istabbiliment ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni fl-osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tad-dinjità tal-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2014, Pham, C‑474/13, EU:C:2014:2096, punt 20, u tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Dan l-għan huwa speċifikament indikat fl-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115, li jagħti espliċitament lill-Istati Membri l-fakultà li jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem tas-soġġorn regolari fl-istess ħin ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn fil-kuntest tal-istess att ta’ natura amministrattiva. Fil-fatt, din il-possibbiltà ta’ kumulu ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet f’att wieħed ta’ natura amministrattiva tippermetti lill-Istati Membri jiżguraw il-konkomitanza, saħansitra r-raggruppament, tal-proċeduri amministrattivi li jwasslu għall-imsemmija deċiżjonijiet kif ukoll proċeduri ta’ appell ippreżentati kontra dawn tal-aħħar. Kif osservat, b’mod partikolari, mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern Olandiż, tali possibbiltà ta’ kumulu tippermetti wkoll li jintgħelbu diffikultajiet prattiċi relatati man-notifika tad-deċiżjonijiet li jordnaw ir-ritorn.

50

Issa, interpretazzjoni ta’ din id-direttiva li l-irregolarità tas-soġġorn hija eskluża minħabba l-eżistenza biss ta’ awtorizzazzjoni li jibqa’ sal-eżitu tal-azzjoni kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali twassal sabiex iċċaħħad mill-effett utli tagħha l-possibbiltà ta’ tali kumulu u tmur għalhekk kontra l-għan ta’ stabbiliment ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni. Fil-fatt, skont tali interpretazzjoni, deċiżjoni li tordna r-ritorn tista’ tiġi adottata biss wara l-eżitu tal-azzjoni, bir-riskju li ddewwem b’mod kunsiderevoli l-bidu tal-proċedura ta’ ritorn u li tagħmilha iktar kumplessa.

51

Il-ħames nett, fir-rigward tal-osservanza neċessarja tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju effettiv u mill-prinċipju ta’ non-refoulement, imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115, bħal dik tad-Direttiva 2005/85, għandha titwettaq, kif jirriżulta mill-premessa 24 tal-ewwel waħda u mill-premessa 8 tat-tieni waħda, bir-rispett tad-drittijiet fundamentali u bl-osservanza tal-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Tall, C‑239/14, EU:C:2015:824, punt 50).

52

F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari r-rimedji previsti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115 kontra d-deċiżjonijiet marbuta mar-ritorn, kif ukoll dawk previsti fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-karatteristiċi tagħhom għandhom jiġu ddeterminati skont l-Artikolu 47 tal-Karta, li abbażi tiegħu kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 45, u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Tall, C‑239/14, EU:C:2015:824, punt 51).

53

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-prinċipju ta’ non-refoulement huwa żgurat kemm bħala dritt fundamentali fl-Artikolu 18 u fl-Artikolu 19(2) tal-Karta (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, H. T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 65), u huwa affermat mill-ġdid, b’mod partikolari, fil-premessa 2 tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll fil-premessa 8 u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115. L-Artikolu 18 tal-Karta jipprevedi, barra minn hekk, bħall-Artikolu 78(1) TFUE, l-osservanza tar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Genève (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 75).

54

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta Stat jiddeċiedi li jibgħat lura persuna barranija lejn pajjiż fejn hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li dan ser ikun espost għal riskju reali ta’ trattamenti kuntrarji għall-Artikolu 18 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jew għall-Artikolu 19(2) tal-Karta, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, previst fl-Artikolu 47 tagħha, jeżiġi li dan l-applikant jkollu rimedju sospensiv ipso jure kontra l-eżekuzzjoni tal-miżura li tippermetti r-ritorn tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C562/13, EU:C:2014:2453, punt 52, u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Tall, C‑239/14, EU:C:2015:824, punt 54).

55

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-assenza ta’ effett sospensiv ta’ rimedju eżerċitat kontra d-deċiżjoni biss li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija, bħala prinċipju, konformi mal-prinċipju ta’ non-refoulement u mal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni ma tistax, bħala tali, twassal għat-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Tall, C‑239/14, EU:C:2015:824, punt 56).

56

Għall-kuntrarju, l-appell ippreżentat kontra deċiżjoni li tordna r-ritorn fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115 għandu, sabiex jiġi żgurat, fir-rigward taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ non-refoulement u tal-Artikolu 47 tal-Karta, ikollu effett sospensiv ipso jure, peress li din id-deċiżjoni tista’ tesponi lil dan iċ-ċittadin għal riskju reali li jiġi ssuġġettat għal trattamenti li jiksru l-Artikolu 18 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jew għal trattamenti li jiksru l-Artikolu 19(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punti 52 u 53, u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Tall, C‑239/14, EU:C:2015:824, punti 57 u 58). Dan japplika a fortiori fir-rigward ta’ deċiżjoni eventwali ta’ tneħħija fis-sens tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva.

57

Madankollu, la l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, u lanqas l-Artikolu 47 tal-Karta, moqrija fid-dawl tal-garanziji inklużi fl-Artikolu 18 u fl-Artikolu 19(2) tagħha, ma jimponu l-eżistenza ta’ livell doppju ta’ ġurisdizzjoni. Hija rilevanti biss, fil-fatt, l-eżistenza ta’ azzjoni quddiem istanza ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 69).

58

Minn dan isegwi li, fid-dawl ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn u ta’ eventwali deċiżjoni ta’ tneħħija, il-protezzjoni inerenti għad-dritt għal rimedju effettiv kif ukoll għall-prinċipju ta’ non-refoulement għandha tiġi żgurata billi jiġi rrikonoxxut lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali dritt għal rimedju effettiv sospensiv ipso jure, tal-inqas quddiem istanza ġudizzjarja. Bla ħsara għall-osservanza stretta ta’ dan ir-rekwiżit, il-fatt biss li s-soġġorn tal-persuna kkonċernata jiġi kklassifikat bħala irregolari, fis-sens tad-Direttiva 2008/115, miċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza mill-awtorità responsabbli u li deċiżjoni li tordna r-ritorn tista’, għaldaqstant, tiġi adottata minn din iċ-ċaħda jew ikkumulata magħha fl-istess att amministrattiv, ma jikser la l-prinċipju ta’ non-refoulement u lanqas id-dritt għal rimedju effettiv.

59

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li, sakemm ma jkunx ingħatalu dritt jew permess ta’ soġġorn bħal dak indikat fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jinsab f’soġġorn irregolari, fis-sens tad-Direttiva 2008/115, miċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza mill-awtorità responsabbli, u dan indipendentement mill-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni li jibqa’ sal-eżitu tal-azzjoni kontra din iċ-ċaħda. Deċiżjoni li tordna r-ritorn tista’ għalhekk, bħala prinċipju, tiġi adottata fil-konfront ta’ tali ċittadin, mill-imsemmija ċaħda jew b’mod kumulattiv magħha fl-istess att amministrattiv.

60

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, fit-tieni lok, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull deċiżjoni li tordna r-ritorn tosserva l-garanziji proċedurali msemmija fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali. Tali obbligu huwa espliċitament previst fl-Artikolu 6(6) ta’ din id-direttiva fil-każ fejn id-deċiżjoni li tordna r-ritorn tkun adottata fl-istess ħin taċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza mill-awtorità responsabbli. Huwa japplika wkoll f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn id-deċiżjoni li tordna r-ritorn tkun ittieħdet immedjatament wara ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, f’att ta’ natura amministrattiva distinta u minn awtorità differenti.

61

F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-effettività sħiħa tal-azzjoni kontra d-deciżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fl-osservanza tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li jeżiġi, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-effetti kollha tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn matul it-terminu għall-preżentata ta’ din l-azzjoni u, jekk tali azzjoni tiġi ppreżentata, sal-eżitu tagħha.

62

F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li l-Istat Membru kkonċernat jastjeni milli jwettaq eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn. Huwa għall-kuntrarju neċessarju li l-effetti legali kollha ta’ din id-deciżjoni jkunu sospiżi u għalhekk, b’mod partikolari, li t-terminu għat-tluq volontarju previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/115 ma jibdiex jgħaddi sakemm il-persuna kkonċernata tkun awtorizzata tibqa’. Barra minn hekk, matul dan il-perijodu, hija ma tistax titqiegħed f’detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija skont l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva.

63

Barra minn hekk, sal-eżitu tal-azzjoni kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza mill-awtorità responsabbli, il-persuna kkonċernata għandha, bħala prinċipju, tkun tista’ tibbenefika mid-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/9. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jissuġġetta l-applikazzjoni tagħha biss għall-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni li tibqa’ fit-territorju bħala applikant u, għaldaqstant, ma jeskludix tali applikazzjoni fil-każ fejn il-persuna kkonċernata, filwaqt li jkollha tali awtorizzazzjoni, tkun f’soġġorn irregolari, fis-sens tad-Direttiva 2008/115. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2003/9 jirriżulta li l-persuna kkonċernata żżomm l-istatus tagħha ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali fis-sens ta’ din id-direttiva sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni definittiva fuq l-applikazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI, C‑179/11, EU:C:2012:594, punt 53).

64

Barra minn hekk, peress li, minkejja l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn miċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza mill-awtorità responsabbli jew b’mod kumulattiv magħha f’att amministrattiv wieħed, l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkun awtorizzat jibqa’ sal-eżitu tal-azzjoni kontra din iċ-ċaħda, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni kkonċernati jinvokaw kull bidla fiċ-ċirkustanzi li sseħħ wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni li tordna r-ritorn, li tkun ta’ natura li jkollha effett sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fid-dawl tad-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari tal-Artikolu 5 tagħha.

65

Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-premessa 6 tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-osservanza ta’ proċedura ta’ ritorn ekwa u trasparenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 40, u tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 61). Għal dan il-għan, huma għandhom, meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tordna r-ritorn wara ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza mill-awtorità responsabbli jew b’mod kumulattiv magħha fl-istess att amministrattiv, jiżguraw li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali kkonċernat ikun informat b’mod trasparenti dwar ir-rispett tal-garanziji msemmija fil-punti 61 sa 64 ta’ din is-sentenza.

66

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li d-deċiżjoni li tordna r-ritorn inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għalkemm ma tistax tkun is-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata qabel l-eżitu tal-azzjoni ppreżentata minn S. Gnandi kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, tikkawża madankollu preġudizzju lil dan tal-aħħar, sa fejn tobbligah jitlaq mit-territorju Belġjan. Bla ħsara għall-verifika minn din il-qorti, jidher għalhekk li l-garanzija indikata fil-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza, li l-proċedura ta’ ritorn għandha tiġi sospiża sal-eżitu ta’ din l-azzjoni, ma hijiex issodisfatta.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li d-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mad-Direttiva 2005/85 u fid-dawl tal-prinċipju ta’ non-refoulement u tad-dritt għal rimedju effettiv, stabbiliti fl-Artikolu 18, fl-Artikolu 19(2) u fl-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, miċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni mill-awtorità responsabbli jew b’mod kumulattiv magħha fl-istess att amministrattiv u, għaldaqstant, qabel l-eżitu tal-azzjoni ġudizzjarja kontra din iċ-ċaħda, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-Istat Membru kkonċernat jiżgura li l-effetti legali kollha tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn jiġu sospiżi sal-eżitu ta’ din l-azzjoni, li dan l-applikant ikun jista’, matul dan il-perijodu, jibbenefika mid-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/9 u li jkun jista’ jinvoka kull bidla fiċ-ċirkustanzi li sseħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn, li jista’ jkollha effett sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fid-dawl tad-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari tal-Artikolu 5 tagħha, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqrija flimkien mad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat, u fid-dawl tal-prinċipju ta’ non-refoulement u tad-dritt għal rimedju effettiv, stabbiliti fl-Artikolu 18, fl-Artikolu 19(2) u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, miċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni mill-awtorità responsabbli jew b’mod kumulattiv magħha fl-istess att amministrattiv u, għaldaqstant, qabel l-eżitu tal-azzjoni ġudizzjarja kontra din iċ-ċaħda, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-Istat Membru kkonċernat jiżgura li l-effetti legali kollha tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn jiġu sospiżi sal-eżitu ta’ din l-azzjoni, li dan l-applikant ikun jista’, matul dan il-perijodu, jibbenefika mid-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil u li jkun jista’ jinvoka kull bidla fiċ-ċirkustanzi li sseħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn, li jista’ jkollha effett sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fid-dawl tad-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari tal-Artikolu 5 tagħha, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.